Επιλέξτε τις πειραματικές λειτουργίες που θέλετε να δοκιμάσετε

Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex

Έγγραφο JOL_2006_340_R_0033_01

    2006/812/KE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas- 27 ta' April 2006 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2004, Sezzjoni IV – Qorti tal-Ġustizzja
    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew b'kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2004, Taqsima IV – Qorti tal-Ġustizzja

    ĠU L 340, 6.12.2006, σ. 33 έως 35 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    6.12.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    33


    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tas-27 ta' April 2006

    dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2004, Sezzjoni IV – Qorti tal-Ġustizzja

    (2006/812/KE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2004 (1),

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2004, Volum III (N6-0027/2005 – C6-0360/2005),

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti ta' l-Awdituri għas-sena finanzjarja 2004, akkumpanjat mir-risposti ta' l-istituzzjonijiet li ġew verifikati (2),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet bażiċi, ipprovduti mill-Qorti ta' l-Awdituri skond l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (3),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Marzu 2006 (5971/2006 – C6-0092/2006),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 272(10), 275 u 276 tat-Trattat KE,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-Baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b'mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament Finanzjarju tal-21 ta' Diċembru 1977 li huwa applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0112/2006),

    1.

    Jagħti kwittanza lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2004;

    2.

    Jagħmel il-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni ta' hawn taħt;

    3.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li tagħmel parti integrali minnha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, u li jippubblikahom fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (serje L).

    Il-President

    Josep BORRELL FONTELLES

    Is-Segretarju Ġenerali

    Julian PRIESTLEY


    (1)  ĠU L 53, 23.2.2004.

    (2)  ĠU C 301, 30.11.2005, p. 1.

    (3)  ĠU C 301, 30.11.2005, p. 9.

    (4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (5)  ĠU L 356, 31.12.1977, p. 1.


    RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    b'kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2004, Taqsima IV – Qorti tal-Ġustizzja

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2004 (1),

    wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2004, Volum III (N6-0027/2005 – C6-0360/2005),

    wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti ta' l-Awdituri għas-sena finanzjarja 2004, akkumpanjat mir-risposti ta' l-istituzzjonijiet li ġew verifikati (2),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet bażiċi, ipprovduti mill-Qorti ta' l-Awdituri Ewropea skond l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (3),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Marzu 2006 (5971/2006 – C6-0092/2006),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 272(10), 275 u 276 tat-Trattat KE,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-Baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b'mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament Finanzjarju tal-21 ta' Diċembru 1977 li huwa applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0112/2006),

    1.

    Jinnota li fl-2004 l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (l-ECJ) amministrat baġit ta' EUR 235 041 565, b'rata ta' użu ta' 94 %;

    2.

    Jinnota li b'konsegwenza tat-tkabbir in-numru ta' l-istaff fl-ECJ żdied fl-2004 b'xi 40 % (6);

    3.

    Jinnota b'diżapprovazzjoni li fl-2004 l-ECJ reġgħet naqset milli timplimenta għadd ta' standards interni ta' kontroll;

    4.

    Jiġbed l-attenzjoni dwar is-sejba spjegata fil-paragrafu 9.13 tar-rapport annwali tal-Qorti ta' l-Awdituri li l-awditur intern ta' l-ECJ għandu jeżerċita l-funzjoni ta' kap tat-“taqsima tal-verifika” li tagħmel kontrolli ex-ante ta' l-operat; jaqbel mal-Qorti ta' l-Awdituri li dan it-tip ta' involviment fil-qadi ta' operazzjonijiet finanzjarji mhuwiex kompatibbli mad-dmirijiet ta' awditur intern indipendenti; jikkritika l-fatt li mill-ħatra tiegħu fl-2003, l-awditur intern għadu ma temm l-ebda waħda mill-verifiki li hemm fil-programm ta' ħidma tiegħu; iħeġġeġ lill-ECJ sabiex tqabbad għajnuna barranija biex tiżgura t-tmiem fil-ħin tal-verifiki pendenti fil-programm ta' ħidma;

    5.

    Juri dispjaċir għall-fatt li r-rapport ta' attività annwali ta' l-ECJ ma setgħax jiġi kkunsidrat fit-tħejjija tar-rapport annwali tal-Qorti ta' l-Awdituri peress li kien għadu ma tlestiex qabel ma ntemmet il-verifika tal-Qorti ta' l-Awdituri; jifhem li din il-kwistjoni ġiet solvuta fir-rigward tar-Rapport ta' Attività Annwali ta' l-2005;

    6.

    Jirrimarka dwar il-fatt li l-ECJ, għall-kuntrarju tal-biċċa l-kbira ta' l-istituzzjonijiet, ma tinkludix fir-rapport ta' attività annwali tagħha dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni ffirmata mill-uffiċjal iddelegat biex jawtorizza; jinnota li, minkejja dan, ir-Reġistratur ħejja u ffirma memorandum bid-data tal-21 ta' Ġunju 2005 li fih jagħti assigurazzjoni lill-President ta' l-ECJ dwar ir-regolarità tal-kontijiet tiegħu ta' l-2004; jitlob lill-ECJ sabiex tħejji dikjarazzjoni bħal din fis-snin li ġejjin u jawgura li din il-kwistjoni tkun irregolata fir-reviżjoni attwali tar-Regolament Finanzjarju;

    7.

    Jifraħ lill-ECJ għat-tfassil, għal-kontenut u għal-leġibilità tar-rapport annwali ta' attività tagħha u, b'mod partikulari, għall-analiżi fit-tmiem ta' kull kapitlu tat-tip u l-livell tar-riskju assoċjat mal-ħidmiet li huma deskritti fih; jemmen li l-utilità tar-rapporti ta' attività annwali tista' titkabbar kieku l-istituzzjoniiet kollha jsegwu dan l-eżempju;

    8.

    Jilqa' t-tnaqqis fid-dewmien medju tal każijiet quddiem l-ECJ minn 25 xahar fl-2003 għal 20 xahar fl-2004, fi sfond ta' numru dejjem jikber ta' każijiet imressqa; iqis li 20 xahar għal kull każ xorta waħda huwa żmien twil wisq; jistieden lill-ECJ sabiex tnaqqas aktar it-tul taż-żmien għall-każijiet;

    9.

    Jinnota li l-ebda verifika ex-post ma saret fl-2004 minħabba li s-servizz tal-verifika ex-ante kellu bżonn li jikkonċentra fuq it-twaqqif taċ-ċirkwit finanzjarju l-ġdid;

    10.

    Jinnota li l-ECJ tinsab attwalment tmexxi proġett sostanzjali għall-kostruzzjoni ta' bini ġdid li jikkonsisti f'żewġ torrijiet u “ċirku” għall-akkomodazzjoni tal-persunal meħtieġ b'riżultat ta' aktar tkabbir fil-futur, flimkien ma' massimu ta' 40 imħallef u l-kabinetti tagħhom, bi spiża stmata ta' EUR 296 924 590 (bil-prezzijiet tas-sena 2000); jitlob lill-ECJ għal deskrizzjoni bil-miktub ta' l-arranġamenti għall-iċċekkjar ta' fatturi u l-verifikar ta' proġetti, kif ukoll għal spjegazzjoni bil-miktub ta' liema mill-partijiet involuti tkun responsabbli ghar-riskju possibbli ta' spejjeż mhux maħsuba; jistieden lill-ECJ sabiex toħloq entitajiet ta' kontroll adegwati li jkollhom responsabilità permanenti għal dan il-proġett kbir ta' kostruzzjoni u sabiex tiċċekkja li l-skadenzi jinżammu, timmonitorja l-ispejjeż u tagħmel kull tibdil meħtieġ;

    11.

    Jiġbed l-attenzjoni li, skond tqabbil ta' spejjeż bejn l-istituzzjonijiet fil-qasam tal-bini imħejji mis-servizzi tal-Kummissjoni f'Lulju 2005, l-ECJ għandha l-ogħla spiża għal kull okkupant (EUR 250/m2, li madankollu hija spjegata miż-żmien għal ħlasijiet lura iqsar min-normal magħżul mill-ECJ (15-il sena);

    12.

    Jemmen li, fl-interess tat-trasparenza, għandha tingħata iktar publiċità lir-Regolament tal-Kunsill Nru. 422/67/EEC, 5/67/Euratom tal-25 ta' Lulju 1967 li jiddetermina s-salarji tal-President u l-Membri tal-Kummissjoni u tal-Kunsill tal-President, L-Imħallfin, l-Avukati Ġenerali u r-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-President, il-Membri u r-Reġistratur tat-Tribunal tas-Servizz Ċivili ta' l-Unjoni Ewropea (7) u li jistipula s-salarji ta' l-imħallfin ta' l-ECJ, possibilment billi jiġi ppubblikat fuq il-websajt ta' l-ECJ;

    13.

    Jinnota li għalissa l-ECJ ma timponi l-ebda obbligu fuq imħallfin sabiex jiddikjaraw interessi finanzjarji, bħalma huma pussess ta' ishma, karigi ta' diretturi u kuntratti ta' konsulenza; jiġbed l-attanzjoni li kemm il-Membri tal-Kummissjoni kif ukoll l-Membri tal-PE huma meħtieġa li jiddikjaraw interessi ta' dan it-tip f'reġistru pubbliku u li l-Membri tal-Qorti ta' l-Awdituri jagħtu dikjarazzjoni ta' l-interessi finanzjarji tagħhom lill-President tal-Qorti; jirrakkomanda li fl-interess tat-trasparenza, anke fin-nuqqas attwali ta' rekwiżit legali, l-ECJ għandha titlob sabiex jitfasslu regoli ta' dan it-tip li jorbtu;

    14.

    Ifakkar, fir-rigward ta' karozzi uffiċjali għall-użu ta' l-ECJ, li r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta' Ottubru 2005 (8) talbet lill-ECJ sabiex temenda sa l-1 ta' Novembru 2005 d-deċiżjoni amministrattiva tagħha tal-31 ta' Marzu 2004 b'mod li jiġi eskluż l-użu privat ta' karozzi uffiċjali.


    (1)  ĠU L 53, 23.2.2004.

    (2)  ĠU C 301, 30.11.2005, p. 1.

    (3)  ĠU C 301, 30.11.2005, p. 9.

    (4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

    (5)  ĠU L 356, 31.12.1977, p. 1.

    (6)  Sors: rapport ta' attività annwali.

    (7)  ĠU L 187, 8.8.1967, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 202/2005 (ĠU L 33, 5.2.2005, p. 1).

    (8)  Testi Adottati, P6_TA(2005)0410.


    Επάνω