Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2006_126_R_0023_01

    Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 27 ta' Marzu 2006 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Moldovja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru

    ĠU L 126, 13.5.2006, p. 23–33 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 294M, 25.10.2006, p. 72–82 (MT)

    25.10.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    72


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-27 ta' Marzu 2006

    dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Moldovja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru

    (2006/345/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 80(2) flimkien ma' l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni fil-5 ta’Ġunju ta’ l-2003 biex tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar il-bdil ta’ ċerti disposizzjonijiet fi ftehim bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.

    (2)

    F'isem il-Komunità, il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim mar-Repubblika tal-Moldovja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta’ l-ajru, hawn aktar 'il quddiem imsemmi “il-Ftehim”, skond il-mekkanizmi u d-direttivi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni li tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar il-bdil ta’ ċerti disposizzjonijiet fi ftehim bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.

    (3)

    Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat u applikat b'mod provviżorju, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Moldovja dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru qiegħed hawn jiġi approvat f' isem il-Komunita', soġġett għad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' l-imsemmi Ftehim.

    It-test tal-ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill qiegħed hawn jiġi awtorizzat jagħżel il-persuna(i) bis-setgħa li jiffirma(w) il-Ftehim f' isem il-Komunita' soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

    Artikolu 3

    Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Ftehim għandu jiġi applikat provviżorjament mill-ewwel jum ta' l-ewwel xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar il-konklużjoni tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan.

    Artikolu 4

    Il-President tal-Kunsill qiegħed hawn jiġi awtorizzat jagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 8(2) tal-Ftehim.

    Magħmul fi Brussell, nhar is-27 ta' Marzu 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. GORBACH


    FTEHIM

    Bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Moldovja dwar Ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

    IL-KOMUNITÀ EWROPEA

    min-naħa waħda, u

    IR-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVJA (minn hawn 'il quddiem imsejħa Moldova)

    min-naħa l-oħra

    (minn hawn 'il quddiem imsejjħa ’il-Partijiet’)

    WAQT LI JINNUTAW li ftehim bilaterali dwar is-servizzi ta' l-ajru ġew konklużi bejn bosta Stati Membri tal-Komunità Ewropea u l-Moldova li fihom disposizzjonijiet li jmorru kontra l-liġi Komunitarja Ewropea.

    WAQT LI JINNOTAW li l-Komunità Ewropea għandha kompetenza esklussiva fir-rigward ta' diversi aspetti li jistgħu jiġu inklużi fi ftehim bilaterali dwar servizzi ta' l-ajru bejn Stati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi,

    WAQT LI JINNOTAW li taħt il-liġi tal-Komunità Ewropea kumpanniji ta' l-ajru Komunitarji stabbiliti fi Stat Membru għandhom dritt għal aċċess bla diskriminazzjoni għal rotot ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi,

    WAQT LI KKUNSIDRAW il-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u ċerti pajjiżi terzi li jipprovdu l-possibBiltà għaċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi terzi li jiksbu sehem f’kumpanniji ta' l-ajru liċenzjati bi qbil mal-liġi Komunitarja Ewropea,

    WAQT LI JIRRIKONOXXU li d-disposizzjonijiet tal-ftehim bilaterali tas-servizzi ta’ l-ajru bejn Stati Membri tal-Komunità Ewropea u l-Moldova, li huma kontra l-liġi Komunitarja Ewropea, iridu jinġiebu f’konformità sħiħa ma’ dawn sabiex tiġi stabbilita bażi legali tajba għas-servizzi ta’ l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Moldova u biex tiġi ppreservata t-tkomplija ta’ dawn is-servizzi ta’ l-ajru,

    WAQT LI JINNUTAW li mhuwiex għan tal-Komunità Ewropea, bħala parti minn dawn in-negozjati, li jiżdied il-volum totali tat-traffiku ta’ l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Moldova, jew li jiġi affettwat il-bilanċ bejn kumpanniji ta’ l-ajru tal-Komunità u kumpanniji ta’ l-ajru tal-Moldovja, jew li jiġu nnegozjati emendi għad-disposizzjonijiet ta’ ftehim bilaterali eżistenti tas-servizzi ta’ l-ajru dwar drittijiet tat-traffiku.

    FTIEHMU DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    Disposizzjonijiet Ġenerali

    1.   Għall-iskopijiet ta' dan il-Ftehim, id-definizzjonijiet huma mniżżla fl-Anness IV.

    2.   Referenzi f'kull ftehim elenkat fl-Anness I liċ-ċittadini ta' l-Istati Membri li huma parti tal-Ftehim ser jinftiehmu bħala li qed jirreferu għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea.

    3.   Referenzi f'kull wieħed mill-Ftehim elenkati fl-Anness I għal kumpanniji ta' l-ajru jew linji ta' l-ajru ta' l-Istat Membru li huwa parti minn dak il-Ftehim għandhom jiġu mifhuma li jirreferu għal kumpanniji ta' l-ajru jew linji ta' l-ajru magħżula minn dak l-Istat Membru.

    Artikolu 2

    Ħatra minn Stat Membru

    1.   Id-disposizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu ser jieħdu post id-disposizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-Artikoli mniżżla fl-Anness II(a) u (b) rispettivament, f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħatra ta’ kumpannija ta’ l-ajru mill-Istat Membru kkonċernat l-awtorizzazzjonijiet tiegħu u l-permessi mogħtija mill-Moldovja, u r-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta’ l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi tal-kumpannija ta’ l-ajru, rispettivament.

    2.   Meta tirċievi l-ħatra mingħand Stat Membru, il-Moldova ser tagħti l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi xierqa bl-anqas dewmien proċedurali, basta li:

    (i)

    il-kumpannija ta' l-ajru hija stabbilita, taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fit-territorju ta' l-Istat Membru li ħatarha, u għandha Liċenzja Operattiva valida fi qbil mal-liġi Komunitarja Ewropea;

    (ii)

    il-kontroll regolatorju effettiv tal-kumpannija ta' l-ajru huwa eżerċitat u miżmum mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat ta' l-Operaturi ta' l-Ajru tagħha u l-awtorità aeronawtika rilevanti hija identifikata b'mod ċar fl-għażla; u

    (iii)

    il-kumpannija ta’ l-ajru hi proprjetà ta' u hi effettivament ikkontrollata minn, direttament jew permezz ta’ l-akbar sehem azzjonarju, Stati Membri u/jew iċ-ċittadini ta’ Stati Membri, jew minn Stati oħra mniżżla f’lista fl-Anness III u/jew iċ-ċittadini ta’ tali Stati oħra.

    3.   Il-Moldova tista’ tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi ta’ kumpannija ta’ l-ajru minn Stat Membru fejn:

    (i)

    il-kumpannija ta' l-ajru m'hijiex stabbilita, taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fit-territorju ta' l-Istat Membru li ħatarha jew m'għandhiex Liċenzja Operattiva valida skond il-liġi tal-Komunità Ewropea;

    (ii)

    m'hemmx kontroll regolatorju effettiv tal-kumpannija ta’ l-ajru jew manutenzjoni mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat ta’ l-Operaturi ta’ l-Ajru tiegħu, jew l-awtorità aeronawtika relevanti mhix identifikata b’mod ċar fil-ħatra; jew

    (iii)

    il-kumpannija ta’ l-ajru mhijiex proprjetà ta’, u mhijiex effettivament ikkontrollata minn, direttament jew permezz ta’ l-akbar sehem azzjonarju, Stati Membri u/jew iċ-ċittadini ta’ Stati Membri, jew minn stati oħra mniżżla f’lista fl-Anness III u/jew iċ-ċittadini ta’ tali Stati oħra; jew

    Waqt li tħaddem id-dritt tagħha taħt dan il-paragrafu, il-Moldova m’għandiex tiddiskrimina bejn kumpanniji ta’ l-ajru tal-Komunità fuq il-bażi ta’ nazzjonalità;

    Artikolu 3

    Sigurtà

    1.   Id-disposizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw l-Artikoli elenkati fl-Anness II (ċ).

    2.   Fejn Stat Membru ħatar kumpannija ta’ l-ajru li l-kontroll regolatorju tagħha huwa mħaddem u miżmum minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet tal-Moldovja taħt id-disposizzjonijiet ta’ protezzjoni tal-Ftehim bejn l-Istat Membru li ħatar il-kumpannija ta’ l-ajru u l-Moldova ser tapplika b’mod ugwali fir-rigward ta’ l-adozzjoni, it-tħaddim jew iż-żamma ta’ l-istandards ta’ sigurtà mill-Istat Membru l-ieħor u fir-rigward ta’ l-awtorizzazzjoni għall-operazzjoni ta’ dik il-kumpannija ta’ l-ajru.

    Artikolu 4

    Tassazzjoni tal-fjuwil għall-avjazzjoni

    1.   Id-disposizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw id-disposizzjonijiet korrispondenti fl-Artikoli elenkati fl-Anness II (d).

    2.   Minkejja kull disposizzjoni oħra kontra dan, xejn f’kull Ftehim imniżżel fl-Anness II(d) mhu ser iżomm Stat Membru milli jimponi fuq bażi mhux diskriminatorja taxxi, imposti, dazji, miżati jew tariffi fuq il-fjuwil fornut fit-territorju tiegħu għall-użu f’inġenji ta’ l-ajru ta’ kumpannija ta’ l-ajru maħtura fil-Moldova li topera bejn punt fit-territorju ta’ Stat Membru u punt ieħor fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru jew fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

    Artikolu 5

    Tariffi għat-trasport fil-Komunità Ewropea

    1.   Id-disposizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw l-artikoli elenkati fl-Anness II (e).

    2.   It-tariffi li jintalbu mill-kumpannija/i ta' l-ajru magħżul(a) mill-Moldovja taħt Ftehim elenkat fl-Anness I li fih disposizzjoni elenkata fl-Anness II (e) għat-trasport totalment ġewwa l-Komunità Ewropea għandhom ikunu soġġetti għal-liġi tal-Komunità Ewropea.

    Artikolu 6

    Annessi mal-Ftehim

    L-Annessi għal dan il-Ftehim għandhom jifformaw parti integrali minnu.

    Artikolu 7

    Reviżjoni jew emendi

    Il-Partijiet jistgħu, f'kull ħin, jirrevedu jew jemendaw dan il-Ftehim bi qbil komuni.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni provviżorja

    1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data ta' meta tiġi rċevuta l-aħħar notifika bil-miktub tal-Partijiet meta jitlestew il-proċeduri interni tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

    2.   Sakemm jidħol fis-seħħ skond paragrafu 1, il-Partijiet għandhom japplikaw dan il-Ftehim mill-ewwel jum ta' l-ewwel xahar wara d-data li fiha l-partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar il-konklużjoni tal-proċeduri meħtieġa għal dak l-iskop.

    3.   Ftehim u arranġamenti oħra bejn l-Istati Membri u l-Moldova li, fid-data tal-firma ta’ dan il-Ftehim, ma kinux għadhom daħlu fis-seħħ u li mhumiex qed jiġu applikati provviżorjament huma mniżżla fl-Anness I(b). Dan il-Ftehim għandhu japplika għal tali Ftehim u arranġamenti kollha mad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni provviżorja tagħhom.

    Artikolu 9

    Tmiem

    1.   Fil-każ li Ftehim imniżżel fl-Anness I jintemm, id-disposizzjonijiet kollha ta’ dan il-Ftehim li għandhom x’jaqsmu mal-Ftehim mniżżel fl-Anness I ikkonċernat ser jintemmu fl-istess ħin.

    2.   Fil-każ li l-Ftehim kollha mniżżla fl-Anness I jintemmu, dan il-Ftehim ser jintemm fl-istess ħin.

    B'xhieda ta' dan, dawn hawn taħt iffirmati, debitament awtorizzati, iffirmaw dan il-Ftehim.

    Magħmul fi … b’żewġ kopji oriġinali, f’din … ġurnata ta’ …, … fil-lingwa Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża, Svediża u Moldova.

    Por Ia Comunidad Europea

    Za Evropské společenství

    For Det Europæiske Fællesskab

    Für die Europäische Gemeinschaft

    Euroopa Ühenduse nimel

    Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

    For the European Community

    Pour la Communauté européenne

    Per la Comunità europea

    Eiropas Kopienas vārdā

    Europos bendrijos vardu

    Az Európai Közösség részéről

    Għall-Komunità Ewropea

    Voor de Europese Gemeenschap

    W imieniu Wspólnoty Europejskiej

    Pela Comunidade Europeia

    Za Európske spoločenstvo

    Za Evropsko skupnost

    Euroopan yhteisön puolesta

    För Europeiska gemenskapen

    Pentru Comunitatea Europeanā

    Image

    Image

    Por la República de Moldavia

    Za Moldavskou republiku

    For Republikken Moldova

    Für die Republik Moldau

    Moldova Vabariigi nimel

    Για τη Δημοκρατία της Μολδαβίας

    For the Republic of Moldova

    Pour la République de Moldavie

    Per Ia Repubblica moldova

    Moldovas Republikas vārdā

    Moldovos Respublikos vardu

    A Moldovai Köztársaság részéről

    Għar-Repubblika tal-Moldovja

    Voor de Republiek Moldavië

    W imieniu Republiki Mołdowy

    Pela República da Moldávia

    Za Moldavskú republiku

    Za Republiko Moldavijo

    Moldovan tasavallan puolesta

    För Republiken Moldavien

    Pentru Republica Moldova

    Image

    ANNESS I

    Lista tal-Ftehim imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim

    (a)

    Ftehim dwar servizzi ta' l-ajru bejn ir-Repubblika tal-Moldovja u Stati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim, ġew konklużi, iffirmati u/jew qed jiġu applikati b'mod provviżorju

    Ftehim tat-Trasport ta’ l-ajru bejn il-Gvern Federali ta’ l-Awstrija u l-Gvern tar-Repubblika tal-Moldovja ffirmat fi Vjenna fl-20 ta' Lulju 1993, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Moldova-Awstrija”;

    Immodifikat l-aħħar bil-Memorandum ta’ Ftehim magħmul fi Vjenna fl-10 ta' Ottubru 2002;

    Ftehim tas-Servizzi ta’ l-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Taljana u l-Gvern tar-Repubblika tal-Moldovja dwar is-servizzi ta' l-ajru ffirmat f’Chisinau fil-15 ta' Lulju 2002, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Moldova - Ċipru”;

    Ftehim tat-Trasport ta’ l-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u l-Gvern tar-Repubblika tal-Moldovja ffirmat f'Chisinau fl-24 ta' Frar 2004, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Moldova - Repubblika Ċeka”;

    Ftehim tas-Servizzi ta’ l-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Azerbajġan, magħmul f’Baku fit-28 ta’ Lulju 1995, minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim Azerbajġan-Ġermanja”;

    Ftehim tas-Servizzi ta’ l-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Griega u l-Gvern tar-Repubblika tal-Kroazja ffirmat f’Ateni fis-27 ta’ Frar 2001, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Kroazja – Greċja”;

    Ftehim tat-Trasport ta’ l-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Ungerija u l-Gvern tar-Repubblika tal-Moldovja ffirmat f'Budapest fid-19 ta' April 1995, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Moldova – Ungerija”;

    Ftehim tas-Servizzi ta’ l-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Taljana u l-Gvern tar-Repubblika tal-Moldovja ffirmat f’Ruma fid-19 ta’ Settembru 1997, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Moldova – Italja”;

    Immodifikat l-aħħar bil-Memorandum ta’ Ftehim iffirmat f'Ruma fis-26 ta' Jannar 2005;

    Ftehim tas-Servizzi ta’ l-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja u l-Gvern tar-Repubblika tal-Moldovja ffirmat f'Vilnius fil-5 ta' April 1996, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Moldova – Litwanja”;

    Amendat l-aħħar permezz ta' Skambju ta' Noti iffirmat f'Chisinau fit-8 ta' Novembru 2004;

    Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju ta' l-Olanda u l-Gvern ta' l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi dwar is-servizzi ta' l-ajru, iffirmat fis-17 ta' Ġunju 1958 endorsjat permezz ta' dikjarazzjoni komuni dwar trattati bilaterali fir-relazzjonijiet bejn ir-Renju ta' l-Olanda u r-Repubblika tal-Moldovja ffirmat f'Chisinau fid-29 ta' Ottubru 1996, minn hawn il'quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Moldova-Olanda”;

    Ftehim tat-Trasport ta' l-Ajru Ċivili bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja u l-Gvern tar-Repubblika tal-Moldovja dwar it-trasport bl-ajru ċivili ffirmat f’Varsavja fis-27 ta' Lulju 1995, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Moldova – Polonja”;

    Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Gvern tar-Repubblika tal-Moldovja dwar Servizzi ta’ l-Ajru inizjalat f’Kishinev fit-18 ta' Novembru 1994, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Moldova - Renju Unit”;

    (b)

    Ftehim dwar servizzi ta' l-ajru u arranġamenti oħra inizjalati jew iffirmati bejn il-Moldova u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim, għadhom ma daħlux fis-seħħ u mhux qed jiġu applikati b'mod provviżorju

    Ftehim dwar it-Trasport ta’ l-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Estonja u l-Gvern tar-Repubblika tal-Moldovja inizjalat f'Tallini fit-23 ta' Settembru 1999, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Moldova – Estonja”;

    Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Franċiża u l-Gvern tar-Repubblika tal-Moldovja dwar it-Trasport bl-Ajru ffirmat f’Chisinau fid-29 ta' Lulju 1999, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Moldova - Franza”;

    Ftehim tas-Servizzi ta' l-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Latvja u l-Gvern tar-Repubblika tal-Moldovja, inizjalat f’Riga fit-28 ta’ April 2004, minn hawn ‘il-quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Moldova – Latvja”;

    Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Portugall u r-Repubblika tal-Moldovja dwar is-Servizzi ta' l-Ajru, inizjalat f'Lisbona fis-17 ta' Frar 2005, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Moldova - Portugall”.

    ANNESS II

    Lista ta’ artikoli fil-Ftehim imniżżla fl-Anness I u msemmija fl-Artikoli 2 sa 5 ta’ dan il-Ftehim

    (a)

    Ħatra minn Stat Membru:

    Artikolu 3, (5), tal-Ftehim Moldova – Awstrija;

    Artikolu 4, (3), tal-Ftehim Moldova – Ċipru;

    Artikolu 3, (4), tal-Ftehim Moldova – ir-Repubblika Ċeka;

    Artikolu 3, (4), tal-Ftehim Moldova – Estonja;

    Artikolu 3, (2), tal-Ftehim Moldova – Franza;

    Artikolu 3, (2) (b), tal-Ftehim Moldova – Greċja;

    Artikolu 3, (4), tal-Ftehim Moldova – Ungerija;

    Artikolu 1, (2), tal-Ftehim Moldova – Olanda;

    Artikolu 3, (4), tal-Ftehim Moldova – Polonja;

    Artikolu 4, (4), tal-Ftehim Moldova – Renju Unit;

    (b)

    Ċaħda, Revoka, Sospensjoni jew Limitazzjoni ta' Awtorizzazzjonijiet jew Permessi:

    Artikolu 4, (1) (a), tal-Ftehim Moldova – Awstrija;

    Artikolu 5, (1) (a), tal-Ftehim Moldova – Ċipru;

    Artikolu 4, (1) (b), tal-Ftehim Moldova – ir-Repubblika Ċeka;

    Artikolu 4 tal-Ftehim Moldova – Estonja;

    Artikolu 4, (1), tal-Ftehim Moldova – Franza;

    Artikolu 4, (1) (b), tal-Ftehim Moldova – Greċja;

    Artikolu 4, (1) (a), tal-Ftehim Moldova – Ungerija;

    Artikolu 4, (1) (a), tal-Ftehim Moldova – Litwanja;

    Artikolu 4, (1) (a), tal-Ftehim Moldova – Polonja;

    Artikolu 5, (1) (a), tal-Ftehim Moldova – Renju Unit;

    (ċ)

    Sigurtà:

    Artikolu 13 tal-Ftehim Moldova – Ċipru;

    Artikolu 8 tal-Ftehim Moldova – ir-Repubblika Ċeka;

    Artikolu 12 tal-Ftehim Moldova – Estonja;

    Artikolu 8 tal-Ftehim Moldova – Franza;

    Artikolu 12 tal-Ftehim Moldova – Ġermanja;

    Artikolu 7 tal-Ftehim Moldova – Greċja;

    Artikolu 16 tal-Ftehim Moldova – Latvja;

    (d)

    Tassazzjoni tal-karburant ta' l-avjazzjoni:

    Artikolu 7 tal-Ftehim Moldova – Awstrija;

    Artikolu 7 tal-Ftehim Moldova – Ċipru;

    Artikolu 9 tal-Ftehim Moldova – ir-Repubblika Ċeka;

    Artikolu 6 tal-Ftehim Moldova – Estonja;

    Artikolu 10 tal-Ftehim Moldova – Franza;

    Artikolu 6 tal-Ftehim Moldova – Ġermanja;

    Artikolu 10 tal-Ftehim Moldova – Greċja;

    Artikolu 6 tal-Ftehim Moldova – Ungerija;

    Artikolu 7 tal-Ftehim Moldova – Latvja;

    Artikolu 6 tal-Ftehim Moldova – Litwanja;

    Artikolu 9 tal-Ftehim Moldova – Polonja;

    Artikolu 8 tal-Ftehim Moldova – Renju Unit;

    (e)

    Tariffi għat-trasport fi ħdan il-Komunità Ewropea:

    Artikolu 11 tal-Ftehim Moldova – Awstrija;

    Artikolu 16 tal-Ftehim Moldova – Ċipru;

    Artikolu 13 tal-Ftehim Moldova – ir-Repubblika Ċeka;

    Artikolu 10 tal-Ftehim Moldova – Estonja;

    Artikolu 14 tal-Ftehim Moldova – Franza;

    Artikolu 10 tal-Ftehim Moldova – Ġermanja;

    Artikolu 13 tal-Ftehim Moldova – Greċja;

    Artikolu 13 tal-Ftehim Moldova – Ungerija;

    Artikolu 8 tal-Ftehim Moldova – Italja;

    Artikolu 11 tal-Ftehim Moldova – Latvja;

    Artikolu 10 tal-Ftehim Moldova – Litwanja;

    Artikolu 8 tal-Ftehim Moldova – Polonja;

    Artikolu 7 tal-Ftehim Moldova – Renju Unit;

    ANNESS III

    Lista ta’ stati oħra msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim

    (a)

    Ir-Repubblika ta’ l-Islanda (taħt il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea);

    (b)

    Il-Prinċipat tal-Liechtenstein (taħt il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea);

    (ċ)

    Ir-Renju tan-Norveġja (taħt il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea);

    (d)

    Il-Konfederazzjoni Svizzera (taħt il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport ta’ l-Ajru).

    ANNESS IV

    Definizzjonijiet

    L-espressjoni “Stat Membru” tfisser kull Stat Membru tal-Komunità Ewropea.

    L-espressjoni “Stabbiliment ta’ kumpannija ta’ l-ajru (linja ta’ l-ajru) Komunitarja fuq it-territorju ta’ Stat Membru” timplika l-eżerċizzju effettiv u reali ta’ l-attività tat-trasport bl-ajru permezz ta’ arranġamenti stabbli. Il-forma legali ta’ stabbiliment bħal dan, jekk tkunx fergħa jew sussidjarja b'personalità ġuridika, m’għandhiex tkun il-fattur determinanti f’dan ir-rigward. Meta tkun stabbilita impriża fuq it-territorju ta’ bosta Stati Membri, kif definit mit-Trattat, għandha tassigura, sabiex ikun evitat kwalunkwe ksur tal-liġi nazzjonali, li kull stabbiliment jissodisfa l-obbligi li jistgħu, skond il-liġi Komunitarja, ikunu imposti mil-liġi nazzjonali applikabbli għall-attivitajiet tagħha (1).

    L-espressjoni “Liċenzja Operattiva” tfisser awtorizzazzjoni mogħtija mill-Istat Membru responsabbli għal impriża u li jippermettiha iġġorr bl-ajru passiġġieri, posta u/jew tagħbija, kif stipulat fil-liċenza operattiva, bil-ħlas u/jew għall-kiri.

    L-espressjoni “Ċertifikat ta’ l-operatur ta’ l-ajru” tfisser dokument maħruġ lill-impriża jew grupp ta’ impriżi mill-awtoritajiet kompetenti li jafferma li l-operatur ikkonċernat għandu l-kapaċità u l-organizzazzjoni professjonali sabiex jiggarantixxi l-operat sikur ta’ inġenju ta’ l-ajru għall-attivitajiet ta’ avjazzjoni speċifikati fiċ-ċertifikat.

    Evidenza ta’ “kontroll regolatorju effettiv” timplika iżda mhijiex limitata għal: il-kumpannija ta’ l-ajru għandha Liċenzja Operattiva valida maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti, u tilħaq il-kriterji għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru internazzjonali stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti, bħalma huma xhieda ta’ sitwazzjoni finanzjarja tajba, il-kapaċità li jintlaħqu, fejn rilevanti, il-ħtiġijiet ta’ l-interessi pubbliċi, l-obbligi tal-garanzija ta’ servizz, eċċ., u l-Istat Membru li jagħti l-liċenzja għandu, u jkompli jżomm, programmi ta’ kontroll tas-sikurezza u s-sigurtà fl-avjazzjoni, talanqas f’konformità ma’ l-istandards ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili.


    (1)  Regolament (KE) Nru 847/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar in-negozjati u l-implimentazzjoni ta’ ftehim tas-servizzi ta’ l-ajru bejn Stati Membri u pajjiżi terzi (ĠU L 157, tat-30.4.2004, p. 7.) Verżjoni korretta f' ĠU L 195, 2.6.2004, p. 3.


    Top