EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2005_288_R_0059_01

Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/765/PESK tat- 3 ta' Ottubru 2005 dwar il-konklużjoni tal-ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern ta' l-Indoneżja dwar il-kompiti, l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Missjoni ta' Monitoraġġ ta' l-Unjoni Ewropea f'Aceh (l-Indoneżja) (Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh - AMM) u l-persunal tagħha

ĠU L 288, 29.10.2005, p. 59–68 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 173M, 27.6.2006, p. 102–111 (MT)

27.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

102


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2005/765/PESK

tat-3 ta' Ottubru 2005

dwar il-konklużjoni tal-ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern ta' l-Indoneżja dwar il-kompiti, l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Missjoni ta' Monitoraġġ ta' l-Unjoni Ewropea f'Aceh (l-Indoneżja) (Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh - AMM) u l-persunal tagħha

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 24 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza,

Billi:

(1)

Fid-9 ta' Settembru 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/643/PESK dwar il-Missjoni ta' Monitoraġġ ta' l-Unjoni Ewropea f'Aceh, l-Indoneżja (Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh -AMM) (1).

(2)

L-Artikolu 7 ta' l-Azzjoni Konġunta jipprovdi li l-istatus tal-persunal tal-Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh fl-Indoneżja, inklużi fejn xieraq il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għall-ikkompletar u l-funzjonament bla xkiel ta' dik il-Missjoni, jiġi miftiehem skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat.

(3)

Wara l-awtorizzazzjoni tat-18 ta' Lulju 2005 mogħtija mill-Kunsill lill-Presidenza, assistit fejn meħtieġ mis-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli, fil-każ ta' missjonijiet futuri ta' maniġġar ta' kriżijiet ċivili ta' l-UE biex jinfetħu negozjati ma' l-Istati Ospitanti bil-ħsieb li jkun konkluż ftehim dwar l-istatus tal-missjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet ċivili ta' l-UE bbażi tal-Ftehim Mudell dwar l-Istatus tal-Missjoni ta' Monitoraġġ ta' l-Unjoni Ewropea fl-Istat Ospitanti (SOMA), il-Presidenza, assistita mis-Segretarjat-Ġenerali/Rappreżentant Għoli, innegozjat ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri mal-Gvern ta' l-Indoneżja dwar il-kompiti, l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Missjoni ta' Monitoraġġ ta' l-Unjoni Ewropea f'Aceh (l-Indoneżja) (Missjoni ta' Monitoraġġ - AMM) u l-persunal tagħha.

(4)

Il-ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri għandu jkun approvat f'isem l-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern ta' l-Indoneżja dwar il-kompiti, l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Missjoni ta' Monitoraġġ ta' l-Unjoni Ewropea f'Aceh (l-Indoneżja) (Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh - AMM) u l-persunal tagħha huwa hawnhekk approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tal-ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar il-persuna(i) bis-setgħa li jiffirmaw il-ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol b'effett fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussel, 3 ta' Ottubru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

D. ALEXANDER


(1)  Ġ.U. L 234, 10.9.2005, p. 13.


FTEHIM

fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvern ta' l-Indoneżja dwar il-kompiti, l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Missjoni ta' Monitoraġġ ta' l-Unjoni Ewropea f'aceh (l-indoneżja) (missjoni ta' monitoraġġ f'aceh - amm)u l-persunal tagħha

L-Eċċellenza tiegħek,

Għandhi l-unur ninfurmak li rċevejt l-ittra tiegħek ta' l-14 ta' Settembru 2005 u l-annessi tagħha fir-rigward tal-kompiti, l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh (AMM), li taqra kif ġej:

B'referenza għall-ittra tiegħek datata id-9 ta' Settembru 2005, jiena għandi l-unur nikkonferma l-kompiti u l-mandat tal-Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh (AMM) stabbiliti fil-paragrafu 2 ta' l-ittri tiegħek kif mehmuża ma' l-Anness I.

Jiena nixtieq ukoll ninfurmak li sabiex jiġi faċilitat it-twettiq tal-mandat ta' l-AMM stabbilit skond il-Memorandum ta' Ftehim (MoU) bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja (GoI) u l-Moviment għall-Aceh Ħieles (GAM) iffirmat f'Helsinki fil-15 ta' Awissu 2005, bil-ħsieb li jipprovdi soluzzjoni paċifika, komprensiva u sostenibbli għall-problema f'Aceh fi ħdan ir-Repubblika ta' l-Indoneżja unitarja, huwa meħtieġ qafas legali bħala bażi għall-AMM biex twettaq il-mandat tagħha.

Għaldaqstant, jiena għandi l-unur nipproponi tali qafas legali li jkun jirregola l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-AMM u l-persunal tagħha fit-twettiq tal-mandat tagħhom, stabbilit fl-Anness II. Għall-GoI, dan il-qafas legali huwa bbażat fuq il-Liġi Indoneżjana Nru 2 tal-25 ta' Jannar 1982 dwar ir-Ratifika tal-Konvenzjoni dwar Missjonijiet Speċjali, New York 1969.

Jiena inkun grat jekk inti tikkonferma, f'isem l-Unjoni Ewropea, li taċċetta dawn id-disposizzjonijiet, u tikkonferma wkoll il-fehma tiegħek li din l-ittra u l-Annessi tagħha, flimkien mat-tweġiba tiegħek, jikkostitwixxu strument ta' rabta legali bejn il-Gvern ta' l-Indoneżja u l-Unjoni Ewropea. Dan l-istrument għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha tiġi ffirmata t-tweġiba tiegħek. Jekk it-tweġiba tiegħek tiġi rċevuta f'data aktar tard, il-GoI japplikaha b'mod proviżorju mill-15 ta' Settembru 2005. Tista' tiġi emendata b'kunsens reċiproku u tiġi mitmuma fil-15 ta' Marzu 2006, għajr jekk tiġi estiża għal perijodu ieħor sa sitt xhur b'kunsens reċiproku.

Id-disposizzjonijiet li jirregolaw l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-AMM u l-persunal tagħha jibqgħu applikabbli sat-tluq tal-persunal kollu ta' l-AMM mir-Repubblika ta' l-Indoneżja u, jekk ikun baqa', l-aħħar riżoluzzjoni ta' kull talba pendenti skond is-Sezzjoni 16 ta' l-Anness II.

Jekk jogħġbok, Eċellenza, aċċetta l-assigurazzjoni ta' l-ogħla konsiderazzjoni tiegħi.

Dejjem tiegħek,

Image

Yusril Ihza Mahendra

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin a.i.

ANNESS I

 

Brussel, 9 ta' Settembru 2005

Għażiż Ministru,

Jiena nirreferi għall-ittra tiegħek tat-12 ta' Lulju 2005 li tistieden lil-Unjoni Ewropea tieħu sehem f'Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh (AMM) u t-tweġiba tiegħi tat-22 ta' Lulju 2005, li tikkonferma l-ftehim ta' l-UE fil-prinċipju. Jiena għandi l-unur ninfurmak li l-Kunsill ta' l-UE fid-9 ta' Sttembru 2005 adotta l-Azzjoni Konġunta li tistabilixxi l-qafas legali għall-parteċipazzjoni ta' l-UE fl-AMM.

B'referenza għall-Memorandum ta' Ftehim (MoU) iffirmat bejn il-Gvern ta' l-Indoneżja u l-Moviment Aceh Ħieles fil-15 ta' Awissu 2005 u l-istabbiliment tal-Missjoni ta' Monitotaġġ f'Aceh (AMM), nixtieq nikkonferma li l-AMM ser twettaq il-kompiti li ġejjin:

L-AMM għandha tagħmel monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni ta' l-impenji li ttieħdu mill-Partijiet għall-MoU.

B'mod partikolari, l-AMM għandha:

(a)

tagħmel monitoraġġ tad-demobilizzazzjoni tal-GAM u d-diżattivazzjoni ta' l-armamenti tagħha,

(b)

tagħmel monitoraġġ tar-rilokazzjoni ta' forzi militari non-organiċi u truppi ta' pulizija non-organiċi,

(ċ)

tagħmel monitoraġġ tar-reintegrazzjoni ta' membri attivi tal-GAM,

(d)

tagħmel monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tipprovdi għajnuna f'dan il-qasam,

(e)

tagħmel monitoraġġ tal-proċess ta' bidla leġislattiva,

(f)

tiddeċiedi dwar każijiet kontroversali ta' amnestija,

(ġ)

tinvestiga u tiddeċiedi dwar ilmenti u ksur allegat ta' l-MoU,

(ħ)

tistabbilixxi u żżomm kollegament u kooperazzjoni tajba mal-partijiet.

Jekk meħtieġ, jiena nissuġġerixxi li l-arranġamenti ta' implimentazzjoni jkunu miftehma mill-Kap tal-Missjoni ta' l-AMM u r-rappreżentanti tal-gvern tiegħek.

Għaldaqstant u wara konsultazzjonijiet bejn ir-rappreżentanti tagħna, nixtieq nistiednek tibda l-iskambju ta' ittri fir-rigward ta' l-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet ta' l-AMM u l-persunal tagħha.

Nistenna bil-ħerqa aktar kooperazzjoni mil-qrib miegħek u mal-gvern tiegħek.

Jekk jogħġbok, aċċetta l-assigurazzjoni ta' l-ogħla konsiderazzjoni tiegħi.

Dejjem tiegħek,

Javier SOLANA

ANNESS II

Disposizzjonijiet dwar l-Istatus, il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh (AMM)

1.   Għall-għanijiet tal-qafas legali, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘AMM’ jew ‘il-missjoni’ għandha tfisser il-Missjoni ta' Monitoraġġ f'Aceh fil-Provinċja ta' Naggroe Aceh Darussalam, stabbilita mill-Unjoni Ewropea u l-Pajjiżi Kontibuturi ta' l-ASEAN b'mod konformi mal-Memorandum ta' Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika ta' l-Indoneżja (GoI) u l-Moviment Aceh Ħieles (GAM) iffirmat f'Helsinki fil-15 ta' Awissu 2005, inkluż il-komponenti, l-elementi, il-kwartieri ġenerali, il-persunal u l-faċilitajiet tagħha użati fit-territorju tar-Repubblika ta' l-Indoneżja u mogħtija lill-AMM;

(b)

‘Kap tal-Missjoni’ għandha tfisser il-Kap tal-Missjoni ta' l-AMM;

(ċ)

‘persunal ta' l-AMM’ għandha tfisser il-persunal tal-Kap tal-Missjoni/id-Deputat Kap Prinċipali tal-Missjoni assekondat mill-Istati Membri ta' l-EU, Stati Ewropej oħra u Pajjiżi Kontributorji ta' l-ASEAN, persunal internazzjonali reklutat fuq bażi kuntrattwali mill-AMM użat għat-tħejjija, is-sostenn u l-implimentazzjoni tal-missjoni, u persunal fuq missjoni għall-Stat Mittenti jew istituzzjoni ta' l-UE fil-qafas tal-missjoni. Mhux inklużi kuntratturi kummerċjali jew persunal impjegat lokalment;

(d)

‘Kwartier Ġenerali’ għandha tfisser il-kwartier ġenerali prinċipali ta' l-AMM f'Banda Aceh;

(e)

‘Stat Mittenti’ għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru ta' l-UE, Stati Ewropej oħra jew Pajjiżi Kontributuri ta' l-ASEAN li għandhom persunal assekondat għall-AMM;

(f)

‘Faċilitajiet’ għandha tfisser kull bini, faċilitajiet u art meħtieġa għat-tmexxija ta' l-attivitajiet ta' l-AMM, kif ukoll għall-akkomodazzjoni tal-persunal ta' l-AMM.

(ġ)

‘Persunal impjegat lokalment’ għandha tfisser persunal li huma ċittadini ta' jew residenti permanenti fir-Repubblika ta' l-Indoneżja.

2.   Disposizzjonijiet ġenerali

(a)

L-AMM u l-persunal ta' l-AMM għandhom jirrispettaw is-sovrenità, l-integrità territorjali, l-unità nazzjonali u l-independenza politika tar-Repubblika ta' l-Indoneżja b'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

(b)

L-AMM u l-persunal ta' l-AMM għandhom iżommu imparzjalità stretta, objettività u indipendenza fit-twettiq tal-mandat u l-kompiti tagħhom, u għandhom jirrispettaw il-liġijiet u r-regoli nazzjonali tar-Repubblika ta' l-Indoneżja, inklużi l-liġijiet u r-regolamenti lokali tal-Provinċja ta' Nanggroe Aceh Darussalam.

(ċ)

Waqt it-twettiq tal-missjoni tagħhom, il-persunal ta' l-AMM għandu jastjeni minn attivitajiet mhux kompatibbli man-natura u l-għan tagħha. Tali persunal m'għandux iġorr armi;

(d)

L-AMM għandha tkun awtonoma fir-rigward ta' l-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tagħha. L-Istat Ospitanti għandu jirrispetta n-natura unitarja ta' l-AMM.

(e)

Il-Kap tal-Missjoni għandu jinforma regolarment lid-Dipartiment ta' l-Affarijiet Barranin dwar in-numru u l-isem tal-persunal meqjus meħtieġ bħala garanzija ta' monitoraġġ imparzjali, objettiv u kredibbli ta' l-implimentazzjoni kollha ta' l-MoU bejn il-GoI u l-GAM.

3.   Identifikazzjoni.

(a)

Il-persunal ta' l-AMM għandu jiġi pprovdut bi u identifikat mill-karta ta' identifikazzjoni ta' l-AMM, taħt l-obbligu li jġorrha miegħu f'kull ħin. L-AMM għandha tipprovdi kampjun ta' karta ta' identifikazzjoni ta' l-AMM lill-awtoritajiet rilevanti tal-GoI.

(b)

Il-vetturi u mezzi tat-trasport oħra użati mill-persunal ta' l-AMM għandhom ikunu mmarkati bl-emblema ta' l-AMM u jridu jiġu nnotifikati lill-pulizija lokali. Il-mezzi kollha jkunu wżati biss mill-persunal ta' l-AMM u l-persunal lokali impjegat mill-missjoni.

(ċ)

L-AMM għandha jkollha d-dritt ittajjar il-bnadar ta' l-UE u tal-Pajjiżi Kontributorji ta' l-ASEAN fil-kwartier ġenerali prinċipali tagħha u l-Uffiċji Distrettwali tagħha u fuq faċilitajiet oħra tagħha, flimkien mal-bandiera tar-Repubblika ta' l-Indoneżja. L-emblema ta' l-AMM tista' tintwera fuq faċilitajiet tal-Missjoni ta' l-AMM, vetturi u lbies ċivili, kif deċiż mill-Kap tal-Missjoni.

4.   Punti ta' Dħul/Ħruġ u moviment fit-territorju ta' l-Istati Ospitanti.

(a)

Il-persunal ta' l-AMM u l-assi u l-mezzi ta' trasport ta' l-AMM għandhom jidħlu/joħorġu mill-fruntiera tar-Repubblika ta' l-Indoneżja fid-dħul/ħruġ uffiċjali tal-fruntiera, portijiet u permezz ta' passaġġi ta' l-arju internazzjonali. Eċezzjonijiet għall-evakwazzjoni medika u ta' emerġenza għandhom ikunu t-tema ta' arranġamenti skond is-Sezzjoni 19.

(b)

Il-GoI għandu jiffaċilità d-dħul fi u t-tluq mit-territorju tar-Repubblika ta' l-Indoneżja għall-AMM u l-persual ta' l-AMM, inkluża l-għotja tal-permessi meħtieġa għas-soġġorn fit-territorju tar-Repubblika ta' l-Indoneżja matul il-missjoni. Ħlief għal kontroll tal-passport mad-dħul fit-territorju tar-Repubblika ta' l-Indoneżja u t-tluq minnu, il-persunal ta' l-AMM, bil-karta ta' l-identifikazzjoni msemmija fis-Sezzjoni 3(a), għandhom ikunu eżenti minn regolamenti dwar il-passaporti, id-dwana, il-viżi u l-immigrazzjoni u kull forma ta' ispezzjoni ta' immigrazzjoni ġewwa r-Repubblika ta' l-Indoneżja.

(ċ)

Il-persunal ta' l-AMM għandu jkun eżenti mir-regolamenti tar-Repubblika ta' l-Indoneżja li jirregolaw ir-reġistrazzjoni u l-kontroll tal-barranin, iżda m'għandhomx jiksbu l-ebda dritt għal residenza permanenti jew domiċilju ġewwa t-territorju tar-Repubblika ta' l-Indoneżja.

(d)

L-assi u l-mezzi ta' trasport ta' l-AMM waqt dħul fi, transitu jew ħruġ mit-territorju tar-Repubblika ta' l-Indoneżja bl-appoġġ għall-AMM għandhom ikunu eżenti mill-ħtieġa li jipprovdu inventorji jew dokumentazzjoni doganali oħra u minn kwalunkwe ispezzjoni, ħlief meta jkun hemm raġunijiet serji li jistgħu jkun fihom artikoli pprojbiti mill-liġi jew ikkontrollati mir-regolamenti ta' kwaratina tar-Repubblika ta' l-Indoneżja. Tali ispezzjoni għandha titmexxa biss fil-presenza ta' rappreżentant awtorizzat mill-AMM.

(e)

Il-persunal ta' l-AMM huwa awtorizzat għas-sewqan ta' vetturi, in-navigazzjoni ta' bastimenti u l-pilotaġġ ta' ajruplani sakemm għandu liċenzji ta' sewqan, ċertifikati ta' kaptan jew liċenzji ta' pilota nazzjonali jew internazzjonali validi, kif xieraq. Il-GoI għandu jaċċetta bħala validi, mingħajr taxxi jew onorarji, tali liċenzji, jew ċertifikati.

(f)

Vetturi u inġenji ta’ l-ajru użati bħala sostenn għall-Missjoni m’għandhomx ikunu suġġetti għal liċenzji lokali jew ħtiġiet ta’ reġistrazzjoni. L-istandards u r-regolamenti internazzjonali u nazzjonali rilevanti dwar titjiriet, żbark u kontroll tat-traffiku ta' l-ajru għandhom jibqgħu applikabbli. Jekk meħtieġ, arranġamenti ta' implimentazzjoni jiġu konlużi skond is-Sezzjoni 19.

(g)

L-AMM u l-persunal ta' l-AMM kif ukoll il-vetturi tagħhom, l-inġenji ta' l-ajru u kwalunkwe mezz ta' trasport, tagħmir u provvisti għandhom igawdu minn moviment liberu u bla restrizzjonijiet fil-Provinċja ta' Nanggroe Aceh Darussalam kollha, u partijiet oħra tat-territorju tar-Repubblika ta' l-Indoneżja suġġetti għall-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Indoneżja dwar żoni fejn id-dħul huwa projbit jew ikkontrollat għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali.

(h)

Għall-għan tal-Missjoni, il-persunal ta’ l-AMM, u persunal lokali impjegat mill-AMM meta jivvjaġġa fuq dmirijiet uffiċjali, jista' juża toroq, pontijiet, laneċ, ajruporti u portijiet mingħajr ma jħallas dazji, onorarji, ħlas impost, taxxi jew piżijiet oħra, ħlief fuq servizzi provduti mis-settur privat. L-AMM m'għandhiex tkun eżenti minn piżijiet raġonevoli għas-servizzi mitluba jew mogħtija taħt il-kondizzjonijiet li japplikaw għal dawk provduti lill-persunal tar-Repubblika ta' l-Indoneżja.

5.   Privileġġi u immunitajiet ta' l-AMM mogħtija mill-GoI.

(a)

Il-faċilitajiet ta' l-AMM għandhom ikunu invjolabbli. L-aġenti tal-GoI m'għandhomx jidħlu fihom mingħajr il-kunsens tal-Kap tal-Missjoni.

(b)

Il-faċilitajiet ta' l-AMM, it-tagħmir tagħhom u assi oħra ta' ġo fihom kif ukoll il-mezzi ta’ trasport tagħhom għandhom ikunu protetti minn tfittxija, rekwiżizzjoni, rbit jew qbid.

(ċ)

L-AMM, il-proprjetà u l-assi tagħha, kull fejn jinstabu u fil-possessjoni ta' kull min ikun, għandhom igawdu l-immunità minn kull forma ta' proċess legali.

(d)

L-arkivji u d-dokumenti ta' l-AMM, inkluż l-appoġġ multimedja, f'forma konvenzjonali jew diġitali, għandhom ikunu invjolabbli f'kull ħin, kull fejn ikunu.

(e)

Il-korrispondenza uffiċjali ta' l-AMM għandha tkun invjolabbli. Korrispondenza uffiċjali tfisser kull korrispondenza relatata mal-missjoni u l-funzjoijiet tagħha.

(f)

Il-GoI jippermetti l-importazzjoni u l-esportazzjoni bla dazju kif ukoll l-eżenzjoni minn tassazjoni interna fuq prodotti, materjali, u tagħmir importati jew akkwistati fil-pajjiż ospitanti mill- jew għall-AMM fir-rigward tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom.

(ġ)

Il-GoI għandu jippermetti d-dħul ta' artikoli għall-missjoni u jagħtihom eżenzjoni minn kull dazji doganali, onorarji, ħlas impost, taxxi u piżijiet simili oħra, ħlief piżijiet għal ħażna, ġarr u servizzi oħra li jingħataw.

6.   Privileġġi u immunitajiet tal-persual ta' l-AMM mogħtija mill-GoI.

(a)

Il-persunal ta' l-AMM m'għandux ikun sottopost għal xi forma ta' arrest jew detenzjoni.

(b)

Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-proprjetà tal-persunal ta' l-AMM għandhom igawdu l-invjolabbiltà, ħlief f'każi ta' miżuri ta' qbid li huma permessi skond is-Sezzjoni 6 (f).

(ċ)

Il-persunal ta' l-AMM għandu jgawdi l-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tar-Repubblika ta' l-Indoneżja taħt iċ-ċirkostanzi kollha. L-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tal-persunal ta' l-AMM tista' titneħħa mill-Istat Mittenti jew l-istituzzjoni ta' l-UE interessat, skond il-każ. Tali tneħħija għandha dejjem tkun espressa.

(d)

Il-persunal ta' l-AMM għandu jgawdi l-immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva tar-Repubblika ta' l-Indoneżja fir-rigward ta' kliem mitkellem jew miktub u l-atti kollha li jwettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Jekk kwalunkwe proċediment ċivili jiġi istitwit kontra l-persunal ta' l-AMM quddiem kwalunkwe qorti tar-Repubblika ta' l-Indoneżja, il-Kap tal-Missjoni u l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Mittenti jew l-istituzzjoni ta' l-UE għandhom jiġu nnotifikati minnufih. Qabel il-bidu tal-proċediment quddiem il-qorti, il-Kap tal-Missjoni u l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Mittenti jew ta' l-istituzzjoni ta' l-UE għandhom jiċċertifikaw lill-qorti jekk l-att in kwistjoni kienx imwettaq mill-persunal ta' l-AMM fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Jekk l-att ġie mwettaq fl-eżerċizzju ta' funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment m'għandux jibda. Jekk l-att ma ġiex imwettaq fl-eżerċizzju ta' funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment jista' jitkompla. Iċ-ċertifikar mill-Kap tal-Missjoni u l-awtorità kompetenti mill-Istat Mittenti jew l-istituzzjoni ta' l-UE jorbot fuq il-ġurisdizzjoni tar-Repubblika ta' l-Indoneżja li ma tistax tikkuntestah. Il-bidu ta' proċedimenti mill-persunal ta' l-AMM għandu jipprekludih milli jinvoka l-immunità mill-ġurisdizzjoni fir-rigward ta' kwalunkwe kontro-talba relatata b'mod dirett mat-talba prinċipali.

(e)

Il-persunal ta' l-AMM mhux obbligat jagħti provi bħala xhud.

(f)

L-ebda miżura ta' qbid ma tista' tittieħed fir-rigward tal-persunal ta' l-AMM, ħlief fil-każ fejn il-proċediment ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu huwa istitwit kontrih. Proprjetà tal-persunal ta' l-AMM, iċċertifikata mill-Kap tal-Missjoni bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu, għandha tkun ħielsa minn sekwestru għas-sodisfazzjon ta' sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fi proċedimenti ċivili l-persunal ta' l-AMM m'għandux ikun suġġett għal kwalunkwe restrizzjoni fuq il-libertà personali tiegħu jew għal kwalunkwe miżuri ta' kostrizzjoni oħra.

(ġ)

L-immunità tal-persunal ta' l-AMM mill-ġurisdizzjoni tar-Repubblika ta' l-Indoneżja ma teżentihx mill-ġurisdizzjoniijiet ta' l-Istati Mittenti rispettivi.

(ħ)

Il-persunal ta' l-AMM għandu, fir-rigward ta' servizzi mwettqa għall-AMM ikun eżenti mid-disposizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu ikunu fis-seħħ fir-Repubblika ta' l-Indoneżja.

(i)

Il-persunal ta' l-AMM għandu jkun eżenti minn kull forma ta' tassazzjoni fir-Repubblika ta' l-Indoneżja fuq is-salarju u emolumenti lilu mħallsa mill-AMM jew l-Istat Mittenti, kif ukoll fuq kwalunkwe dħul irċevut minn barra l-GoI.

(j)

Il-GoI għandu, b'mod konformi ma' tali liġijiet u regolamenti li jista' jadotta, jippermetti d-dħul ta' u jagħti eżenzjoni minn kull dazji doganali, taxxi u piżijiet relatati ħlief il-piżijiet għal ħażna, ġarr u servizzi simili, fuq artikoli għall-użu personali tal-persunal ta' l-AMM. Il-GoI għandu jippermetti l-esportazzjoni ta' tali artikoli. Għal prodotti u servizzi mixtrija fis-suq domestiku l-persunal ta' l-AMM għandu jkun eżenti mill-VAT u t-taxxi skond il-liġijiet tar-Repubblika ta' l-Indoneżja.

(k)

Il-bagalji personali tal-persunal ta' l-AMM għandhom ikunu eżenti mill-ispezzjoni, ħlief jekk hemm raġunijiet serji li jkun preżunt li fihom artikoli li mhumiex għall-użu personali tal-persunal ta' l-AMM, jew artikoli li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom hija projbita mil-liġi jew ikkontrollata mir-regolamenti ta' kwarantina tar-Repubblika ta' l-Indoneżja. Tali ispezzjoni għandha titmexxa biss fil-presenza tal-persunal ta' l-AMM ikkonċernat jew ta' rappreżentant awtorizzat ta' l-AMM.

7.   Persunal impjegat lokalment.

Il-persunal impjegat lokalment li hu ċittadin ta' jew resident permanenti fl-Istat Ospitanti għandu jgawdi l-privileġġi u l-immunitajiet biss safejn rikonoxxuti mir-Repubblika ta' l-Indoneżja. Madankollu, ir-Repubblika ta' l-Indoneżja għandha teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha fuq dawk il-persuni b'tali mod li ma tfixkilx bla bżonn it-twettiq tal-funzjonijiet tal-missjoni.

8.   Ġurisdizzjoni Kriminali.

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Mittenti għandhom id-dritt jeżerċitaw fit-terittorju ta' l-Istat Ospitanti kull ġurisdizzjoni kriminali u setgħat dixxiplinarji mogħtija lilhom bil-liġi ta' l-Istat Mittenti fir-rigward tal-persunal tiegħu skond il-liġi rilevanti ta' l-Istat Mittenti.

9.   Sigurtà.

(a)

Il-GoI, permezz tal-kapaċitajiet tiegħu stess, għandu jassumi responsabbiltà sħiħa għas-sigurtà tal-persunal ta' l-AMM.

(b)

Għal dak il-għan, il-GoI għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni, is-sigurezza u s-sigurtà ta' l-AMM u tal-persunal ta' l-AMM. Kwalunkwe disposizzjoni speċifika, proposta mill-GoI, għandha tiġi miftiehma mal-Kap tal-Missjoni qabel ma tiġi implimentata.

(ċ)

L-evakwazzjoni medika għall-persunal ta' l-AMM tista' tiġi provduta minn kuntratturi privati mill-bażi ta' l-ajru prinċipali; madankollu, il-forzi tas-sigurtà tal-GoI għandhom ikunu responsabbli għall-evakwazzjoni medika mis-siti fil-Provinċja ta' Nanggroe Aceh Darussalam għall-bażi ta' l-ajru prinċipali. F'sitwazzjonijiet ta' urġenza, il-kuntrattur ta' l-AMM jista' jwettaq il-kompiti tiegħu ta' evakwazzjoni medika mis-siti għall-bażi ta' l-ajru prinċipali fuq notifika minn qabel lill-awtoritajiet tal-GoI. Il-persunal mediku tal-GoI jista' jakkumpanja l-proċess ta' evakwazzjoni.

10.   Ilbies.

Il-persunal ta' l-AMM għandu jilbes ilbies ċivili b'identifikazzjoni distinta ta' l-AMM, suġġett għar-regoli maħruġa mill-Kap tal-Missjoni.

11.   Kooperazzjoni u Aċċess għall-Informazzjoni u l-Medja

(a)

Il-GoI għandu jipprovdi kooperazzjoni u appoġġ sħiħ lill-AMM u l-persunal ta' l-AMM.

(b)

Jekk jiġi mitlub jew hu meħtieġ għat-twettiq tal-missjoni u rilevanti għall-mandat ta' l-AMM, l-Istat Ospitanti għandu jipprovdi lil-persunal ta' l-AMM b'aċċess effettiv għal:

bini, faċilitajiet, siti u vetturi uffiċjali taħt il-kontroll ta' l-Istat Ospitanti;

dokumenti, materjali u informazzjoni taħt il-kontroll tiegħu.

Jekk meħtieġ, arranġamenti supplementari għandhom jiġu konklużi kif imsemmi fis-Sezzjoni 19.

(ċ)

Il-Kap tal-Missjoni u l-GoI għandhom jikkonsultaw lil xulxin regolarment u jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw kollegament mill-qrib u reċiproku fuq kull livell xieraq. Il-GoI jista' jaħtar uffiċjal ta' kollegament għall-AMM.

(d)

Il-Kap tal-Missjoni għandu jkollu aċċess ħieles għar-rappreżentanti tal-medja lokali, nazzjonali u internazzjonali biex jesprimi liberament l-opinjonijiet tiegħu fir-rigward ta' l-attivitajiet ta' l-AMM u t-twettiq tal-missjoni. L-istess aċċess bla xkiel lill-Kap tal-Missjoni jew il-kelliem tiegħu jingħata lill-medja.

(e)

Il-Kap tal-Missjoni għandu jkollu d-dritt jagħmel użu minn u jkollu aċċess għas-sistemi u organizzazzjonijiet ta' xandir disponibbli u /jew biex jipproduċi u jxerred il-messaġġ tiegħu bil-mezzi proprji tiegħu biex jinforma lill-udjenzi rilevanti fil-Provinċja ta' Nanggroe Aceh Darussalam fi ħdan il-limiti tal-missjoni tiegħu, suġġett għall-arranġamenti ma' l-operaturi tax-xandir u l-medja rilevanti.

(f)

L-AMM għandha jkollha l-kapaċità legali taħt il-liġijiet ir-regolamenti Indoneżjani għat-twettiq effettiv tal-mandat tagħha, b'mod partikolari biex tippermetti l-AMM tiftaħ kontijiet tal-bank u takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli jew immobbli u tkun parti għal proċedimenti legali.

12.   Appoġġ tal-GoI u kuntrattar

(a)

Il-GoI jaqbel, jekk mitlub, li jassisti l-AMM fit-tfittxija għal faċilitajiet xierqa.

(b)

Il-GoI għandu jipprovdi mingħajr ħlas, jekk meħtieġ u disponibbli, faċilitajiet li huma l-proprjetà tal-GoI, sakemm tali faċilitajiet huma mitluba għat-tmexxija ta' attivitajiet amministattivi u operattiv ta' l-AMM.

(ċ)

Skond il-mezzi u l-kapaċitajiet tiegħu, il-GoI għandu jassisti fil-preparazzjoni, l-istabbiliment, it-twettiq u l-appoġġ tal-Missjoni, inklużi faċilitajiet ta' ko-lokalizzazzjoni u tagħmir għall-esperti ta' l-AMM.

(d)

L-assistenza u l-appoġġ tal-GoI lill-missjoni għandhom ikunu provduti taħt l-istess kundizzjonijiet ta' l-assistenza u l-appoġġ mogħtija lill-persunal tal-GoI.

(e)

Il-liġi applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-AMM fir-Repubblika ta' l-Indoneżja għandha tkun determinata mill-kuntratti rispettivi.

13.   Bidla ta' faċilitajiet

(a)

L-AMM għandu jkun awtorizzat jibni, jbiddel jew jimmodifika b'mod ieħor faċilitajiet kif meħtieġ għall-ħtiġiet operattivi tiegħu, b'konsultazzjoni ma' l-awtoritajiet Indoneżjani kompetenti. Kwalunkwe oġġezzjoni mill-parti ta' l-awtoritajiet Indoneżjani kompetenti għandha tiġi notifikat lill-AMM mingħajr dewmien.

(b)

M'għandux jintalab kumpens mill-AMM mill-GoI għal dawk il-kostruzzjonijiet, bidliet jew modifiki.

14.   Persunal ta' l-AMM li jmut

(a)

Il-Kap tal-Missjoni għandu jkollu d-dritt li jieħu f’idejh u jagħmel arranġamenti xierqa għar-ripatrijazzjoni ta’ kwalunkwe membru li jmut tal-persunal ta' l-AMM, kif ukoll għall-proprjetà personali tiegħu.

(b)

L-ebda awtopsja m'għandha ssir fuq membri mejta ta' l-AMM mingħajr il-qbil ta' l-Istat interessat, u fil-presenza tar-rappreżentant ta' l-AMM u/jew l-Istat interessat.

(ċ)

Il-GoI u l-AMM għandhom jikkooperaw b'mod l-aktar possibbli bil-ħsieb għar-ripatrijazzjoni malajr tal-persunal mejjet ta' l-AMM.

15.   Komunikazzjonijiet

(a)

L-AMM għandha jkollha d-dritt tuża t-tagħmir meħtieġ għat-twettiq tal-mandat tagħha, bħal mapep u għodod ta' navigazzjoni, strumenti ta' osservazzjoni, kameras, vidjo tape recorders u tagħmir ieħor relatat kif xieraq.

(b)

L-AMM tista' tinstalla u topera stazzjonijiet tar-radju mittenti u riċettivi, kif ukoll sistemi satellari. Għandha tikkoopera ma' l-awtoritajiet kompetenti tal-GoI bil-ħsieb li jevitaw konflitti fl-użu ta' frekwenzi xierqa. Il-GoI għandu jagħti aċċess għall-ispektrum ta' frekwenza mingħajr ħlas.

(ċ)

L-AMM għandha tgawdi d-dritt għal komunikazzjoni bir-radju bla restrizzjonijiet (inkluż radju satellari, mobbli jew li jinżamm fl-idejn), telefon, telegrafu, faksimile u mezzi oħra, kif ukoll id-dritt li tinstalla it-tagħmir meħtieġ għaż-żamma ta' tali komunikazzjonijiet fi ħdan u bejn il-faċilitajiet ta' l-AMM, inkluż l-istallazzjoni ta’ linji tal-kejbils u wajers ta’ taħt l-art, għall-għan ta' l-operazjoni, b'konsultazzjoni ma' l-awtoritajiet Indoneżjani.

(d)

Ġewwa l-faċilitajiet tagħhha l-AMM tista' tagħmel l-arranġamenti meħtieġa għat-trasport tal-posta indirizzata lil jew mill-AMM u/jew il-persunal tagħha.

16.   Talbiet wara mewt, leżjoni, ħsara jew telf

(a)

Il-GoI, l-Istati Mittenti, l-AMM u l-persunal ta' l-AMM m'għandux ikun responsabbli għal ħsarat jew telf ta' proprjetà ċivili jew tal-gvern relatata ma' ħtiġiet operattivi jew ikkawżati minn attivitajiet fir-rigward ta' disturbi ċivili jew protezzjoni ta' l-AMM.

(b)

Bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni amikevoli, talbiet għal ħsara jew telf ta' proprjetà ċivili jew tal-gvern mhux koperti mill-paragrafu 1, kif ukoll talbiet wara mewt jew leżjoni lil persuni u għal ħsara lil jew telf ta' proprjetà ta' l-AMM, għandhom jitressqu quddiem l-AMM permezz ta' l-awtoritajiet kompetenti tal-GoI, fir-rigward tal-ħsara sostnuta minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi mir-Repubblika ta' l-Indoneżja, jew lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta' l-Indoneżja, fir-rigward tal-ħsara sostnuta mill-AMM u l-persunal tagħha. It-talbiet jistgħu jkunu dwar kwistjonijiet relatati ma' l-obbligu kontrattwali u non-kontrattwali.

(ċ)

Fejn ma tinlaħaqx ebda soluzzjoni amikevoli, it-talba għandha tiġi sottomessa lil kummissjoni tat-talbiet magħmula fuq bażi ugwali minn rappreżentanti ta' l-AMM u rappreżentanti tal-GoI. Is-soluzzjoni għat-talbiet għandha tintlaħaq bi ftehim komuni.

17.   Kollegament u disputi

(a)

Il-kwistjonijiet kollha fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta' dawn id-Disposizzjonijiet għandhom jiġu eżaminati mir-rappreżentant ta' l-AMM flimkien ma' l-awtoritajiet kompetenti tal-GoI.

(b)

Fejn ma tintstabx soluzzjoni qabel, għad-disputi dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dawn id-Disposizzjonijiet għandha tinstab soluzzjoni esklusivament b'mezzi diplomatiċi.

18.   Disposizzjonijiet oħra

(a)

Kull meta dawn id-Disposizzjonijiet jirreferu għall-privileġġi, l-immunitajiet u d-drittijiet ta' l-AMM u tal-persunal ta' l-AMM, il-GoI għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom u għall-konformità magħhom mill-parti ta' l-awtoritajiet lokali tal-GoI xierqa.

(b)

Xejn f'dawn id-Disposizzjonijiet m'hu maħsub jew m'għandu jinftiehem li jidderoga mid-drittijijiet li jistgħu jkunu konnessi ma' kwalunkwe stat mittenti.

19.   Arranġamenti ta' implimentazzjoni

Għall-għan ta' l-applikazzjoni ta' dawn id-Disposizzjonijiet, affarijiet operattivi, amministrattivi u tekniċi jistgħu jkunu s-suġġetti ta' arranġamenti separati li jiġu konklużi bejn il-Kap tal-Missjoni u l-awtoritajiet amministrattivi tal-GoI.

Jiena għandi l-unur nikkonferma, f'isem l-Unjoni Ewropea, li l-kontenut ta' l-ittra tiegħek u l-annessi tagħha huma aċċettabbli għall-Unjoni Ewropea u li l-ittra tiegħek u l-annessi tagħha, flimkien ma' din it-tweġiba, għandhom jikkostitwixxu strument li jorbot legalment b'mod konformi mal-proposta tiegħek. Kif stabbilit fl-ittra tiegħek, dan l-istrument għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-iffirmar ta' din l-ittra. Jiena nixtieq ukoll nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja l-Gvern ta' l-Indoneżja talli qabel li japplika dan l-istrument b'mod proviżorju mill-15 ta' Settembru 2005.

Jiena nkun obbligat jekk inti tirrikonoxxi li rċevejt din l-ittra.

Jekk jogħġbok aċċetta l-assigurazzjoni ta' l-ogħla konsiderazzjoni tiegħi.

Image

Javier SOLANA

c.c: Dr. N. Hassan Wirajuda

Minister for Foreign Affairs


Top