Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOC_2013_205_R_NS0008

    Sejħa għal Proposti – DĠ ENTR Nru 84/G/ENT/SAT/13/7028 – Appoġġ għall-attivitajiet internazzjonali: Iċ-Ċentru għall-Informazzjoni, it-Taħriġ u l-Assistenza għall-Programmi Ewropej tal-GNSS fl-Amerika Latina

    ĠU C 205, 19.7.2013, p. 17–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 205, 19.7.2013, p. 14–14 (HR)

    19.7.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 205/17


    Sejħa għal Proposti – DĠ ENTR Nru 84/G/ENT/SAT/13/7028

    Appoġġ għall-attivitajiet internazzjonali: Iċ-Ċentru għall-Informazzjoni, it-Taħriġ u l-Assistenza għall-Programmi Ewropej tal-GNSS fl-Amerika Latina

    2013/C 205/09

    1.   Għanijiet u Deskrizzjoni

    L-għan ta’ din l-azzjoni hija li tkompli tappoġġja l-attivitajiet relatati mal-għoti ta' viżibilità tal-Programmi GNSS tal-UE fl-Amerka Latina u t-trawwim ta' kuntatti eqreb bejn l-UE u l-entitajiet tal-Amerika Latina li huma involuti fil-GNSS.

    Dan l-appoġġ għandu l-għan li jikseb dawn ir-riżultati li ġejjin:

    iż-żamma tal-viżibilità tal-Programmi GNSS tal-UE fl-Amerika Latina, permezz tal-implimentazzjoni ta’ strateġija għall-mezzi tax-xandir u ta’ Ċentru ta’ Informazzjoni Galileo b'sit elettroniku apposta;

    l-iskambju ta’ għarfien espert dwar il-GNSS;

    it-trawwim ta' kuntatti eqreb bejn l-entitajiet involuti fir-R&Ż relatat mal-GNSS u mal-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka;

    it-tlaqqigħ għar-rappreżentanti tal-UE u l-industriji tal-Amerika Latina sabiex jistabbilixxu djalogu bejn l-investituri u l-kumpaniji innovattivi li jaħdmu fil-qasam tal-GNSS;

    l-organizzazzjoni ta' sessjonijiet ta' ħidma konġunti għall-iskambju reċiproku ta’ informazzjoni dwar il-Programmi Ewropej tal-GNSS.

    2.   Applikanti eliġibbli

    L-applikanti għandhom ikunu organizzazzjonijiet privati jew pubbliċi bbażati fil-pajjiż/reġjun speċifiku (il-Brażil, l-Arġentina, iċ-Ċilì) jew ibbażati fl-Unjoni Ewropea b'operat fil-pajjiż/reġjun speċifiku;

    it-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea

    Il-Brażil, l-Arġentina u ċ-Ċilì

    3.   Baġit u tul tal-proġett

    Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-proġetti huwa stmat li jlaħħaq EUR 150 000. L-għajnuna finanzjarja mill-Kummissjoni ma tistax tkun aktar minn 70 % tal-ispejjeż totali eliġibbli.

    Din is-sejħa għandha tikkofinanzja proġett wieħed.

    Bejn wieħed u ieħor, l-attivitajiet iridu jibdew f’Jannar 2014. It-tul massimu tal-proġett huwa ta' 36 xahar.

    4.   Data tal-Għeluq

    L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mid-19 ta' Settembru 2013.

    5.   Aktar tagħrif

    It-test sħiħ tas-sejħa għall-proposti u l-formoli tal-applikazzjoni huma disponibbli fuq dan is-sit elettroniku: http://ec.europa.eu/enterprise/contracts-grants/calls-for-proposals/index_mt.htm

    L-applikazzjonijiet għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stipulati fit-test sħiħ u għandhom jiġu ppreżentati bl-użu tal-formola pprovduta.


    Top