EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C:2008:023:FULL

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, C 23, 28 ta' Jannar 2008


Display all documents published in this Official Journal
 

ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

C 23

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 51
28ta' Jannar 2008


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Qorti ta’ l-Awdituri

2008/C 023/01

Opinjoni Nru 8/2007 fuq proposta għal Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej

1

2008/C 023/02

Opinjoni Nru 9/2007 dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp

3

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, Rakkomandazzjonijiet u Opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Qorti ta’ l-Awdituri

28.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 23/1


OPINJONI Nru 8/2007

fuq proposta għal Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej

(ippreżentat skond l-Artikolu 248(4), it-tieni sotto-paragrafu, KE)

(2008/C 23/01)

IL-QORTI TA' L-AWDITURI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat-13 ta' Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2),

Wara li kkunsidrat l-abbozz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) li jemenda ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3),

Wara li kkunsidrat l-Opinjoni Nru 4/2006 tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar l-abbozz tar-Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4),

Wara li kkunsidrat it-talba għal opinjoni fuq dan l-abbozz ta' Regolament mibgħut mill-Kummissjoni lill-Qorti ta' l-Awdituri fl-20 ta' Lulju 2007,

ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:

1.

L-għan ta' l-abbozz ta' Regolament huwa li jadotta r-Regolament Finanzjarju struttuali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament Finanzjarju ġenerali”) sabiex jibqa' aġġornat bl-aħħar emendi li saru fir-Regolament Finanzjarju ġenerali mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2006.

2.

Il-Qorti m'għandha l-ebda kummenti x'tgħaddi fuq il-proposta tal-Kummissjoni.

Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Qorti ta' l-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-6 ta' Diċembru 2007.

Għall-Qorti ta' l-Awdituri

Hubert WEBER

President


(1)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(2)  ĠU L 390, 30.12.2006,

(3)  SEC(2007) 1013 finali — 2007/0151 (CNS).

(4)  ĠU C 273, 9.11.2006, p. 2.


28.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 23/3


OPINJONI Nru 9/2007

dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp

(skond l-Artikolu 248(4) it-tieni sotto-paragrafu, KE)

(2008/C 23/02)

WERREJ

1

INTRODUZZJONI

2-11

OSSERVAZZJONIJIET PRINĊIPALI

2

Allinjament mar-Regolament Finanzjarju Ġenerali

3

Simplifikazzjoni

4

Bżonn ta' Regolament Finanzjarju applikabbli għall-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp kollha

5-6

Qsim tar-responsabilitajiet għall-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u għar-rilaxx

7-9

Maniġers tal-ħlas

10

Skadenza għall-konklużjoni ta' kuntratti u ftehimiet individwali

11

Kontabilità provviżorja

12-33

OSSERVAZZJONIJIET OĦRA

12

Werrej

13-14

Riżorsi u kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri

15-20

Implimentazzjoni tar-riżorsi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp

21

Il-proċeduri tal-kisba [Akkwist]

22

Titoli VII u VI

23-24

Għotjiet

25-27

Preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità

28-30

Verifika esterna u rilaxx

31-33

Kundizzjonijiet speċifiċi li jigvernaw ir-riżorsi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp ġestiti mill-Bank Ewropew għall-Investiment

IL-QORTI TA' L-AWDITURI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 248(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim ta' Sħubija bejn l-Istati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, iffirmat f'Cotonou (Benin) fit-23 ta' Ġunju 2000, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim AKP-KE” (1), kif revedut mill-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (2),

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u tat-territorji barranin mal-Komunità Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa “id-Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni Barranija” (3), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/249/KE tad-19 ta' Marzu 2007 (4),

Wara li kkunsidrat id-Deciżjoni Nru 1/2006 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE tat-2 ta' Ġunju 2006 li tispeċifika l-qafas finanzjarju multiannwali għall-perijodu 2008 sa 2013 u li timmodifika l-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE rivedut (5),

Wara li kkunsidrat l-Opinjoni tal-Qorti Nru 2/2002 dwar proposta emendata għal Regolament tal-Kunsill dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6), minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju Ġenerali”,

Wara li kkunsidrat l-Opinjoni tal-Qorti Nru 12/2002 dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill applikabbli għad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp skond il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (7),

Wara li kkunsidrat l-Opinjoni tal-Qorti Nru 10/2005 dwar l-abbozz tar-Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (8),

Wara li kkunsidrat l-Opinjoni tal-Qorti Nru 4/2006 dwar l-abbozz tar-Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (9),

Wara li kkunsidrat l-Opinjoni tal-Qorti Nru 2/2007 dwar l-abbozz tar-Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Finanzjarju applikabbli għad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp (10),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar il-finanzjament ta’ l-għajnuna Komunitarja taħt il-qafas finanzjarju multinannwali għall-perijodu 2008 sa 2013 skond il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u dwar l-allokazzjoni ta’ assistenza finanzjarja għall-pajjiżi u t-territorji barranin li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat tal-Komunità Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ 'il-Ftehim Intern), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(2) tiegħu, li jipprovdi għall-konsultazzjoni tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri (11),

Wara li kkunsidrat il-proposta tal-Kummissjoni għall-regolament tal-Kunsill dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (12),

Wara li kkunsidrat it-talba tal-Kunsill għal Opinjoni dwar dik il-proposta, mibgħuta lill-Qorti fis-27 ta' Lulju 2007,

ADOTTAT L-OPINJONI ILLI ĠEJJA:

INTRODUZZJONI

1.

Il-Qorti tinnota li ż-żmien permess biex tipprovdi din l-Opinjoni kien qasir ħafna. Fil-fatt, ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp irid jiġi adottat qabel tmiem l-2007, sabiex ikun jista' jiġi implimentat fil-bidu ta' l-2008. Il-Kunsill diġà laħaq stadju avanzat fil-proċedura leġiżlattiva għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament. Għalhekk, din l-Opinjoni tiffoka fuq materji sostantivi essenzjali, mingħajr ma għaqdithom flimkien bi proposti għal test alternattiv.

OSSERVAZZJONIJIET PRINĊIPALI

Allinjament mar-Regolament Finanzjarju Ġenerali

2.

Il-Qorti tinnota li l-abbozz tar-Regolament Finanzjarju jinkludi b'suċċess il-bidliet li twettqu fir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali li setgħu jiġu applikati għall-kuntest tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp. Il-Qorti tilqa' l-fatt li l-iskadenza għad-Dikjarazzjoni ta' Assigurazzjoni u r-Rapport Annwali tal-Qorti hija allinjata mad-dati korrispondenti fir-Regolament Finanzjarju Ġenerali.

Simplifikazzjoni

3.

Il-Qorti tilqa' l-fatt li, kif irrakkomandat fl-Opinjoni tagħha Nru 12/2002, l-abbozz tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi leġiżlazzjoni ċara u mingħajr komplikazzjonijiet li tikkonċentra fuq dispożizzjonijiet li huma essenzjali u neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, mingħajr ma tirrepeti bla bżonn dispożizzjonijiet imniżżla fl-Anness IV tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, il-Ftehim Intern jew ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali.

Bżonn ta' Regolament Finanzjarju applikabbli għall-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp kollha

4.

Il-Qorti jiddispjaċiha li, minkejja s-suġġerimenti li għamlet fl-Opinjonijiet tagħha Nri 12/2002 u 2/2007, l-abbozz tar-Regolament Finanzjarju ma jieħux l-opportunità li jintroduċi Regolament Finanzjarju Uniku applikabbli għall-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp kollha attwali u futuri li, bħar-Regolament Finanzjarju Ġenerali, jista' jiġi emendat kull meta jinħass il-bżonn. Miżura ta' dan it-tip tassigura l-kontinwità ta' l-approċċ, mingħajr ir-riskju li l-implimentazzjoni tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp tiġi interrotta, u din tissimplifika ħafna l-ġestjoni.

Qsim tar-responsabilitajiet għall-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u għar-rilaxx

5.

Skond l-Artikolu 11 tal-Ftehim Intern, l-Artikoli 2 u 3 ta' l-abbozz tar-Regolament Finanzjajru jipprovdu għall-qsim tar-responsabilitajiet prinċipali għall-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew għall-Investiment billi joħolqu żewġ oqsma ta' ġestjoni separati, wieħed għal kull korp. Dan iżomm kategorija ta' infiq li, filwaqt li hija soġġetta għal verifika mill-Qorti (skond il-ftehim tripartitiku bejn il-Bank Ewropew għall-Investiment, il-Qorti u l-Kummissjoni li hemm dispożizzjoni għaliha fl-Artikolu 134 ta' l-abbozz tar-Regolament Finanzjarju), mhix soġġetta għal rilaxx mill-awtoritajiet kompetenti.

6.

L-Artikoli dwar ir-rilaxx, b'mod partikolari l-Artikolu 143(1), jeskludu l-ġestjoni tal-Faċilità ta' Investiment tal-Bank Ewropew għall-Investiment mill-ambitu tar-rilaxx tal-Parlament. Il-Qorti jiddispjaċiha li, skond il-Ftehim Intern (l-Artikolu 11(8) u (9)), l-operazzjonijiet ġestiti mill-Bank Ewropew għall-Investiment mhumiex soġġetti għal proċedura ta' rilaxx li tinvolvi l-Parlament u l-Kunsill, anke jekk l-operazzjonijiet huma mwettqa mill-Bank Ewropew għall-Investiment f'isem u għar-riskju tal-Komunità (l-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Intern), bl-użu tar-riżorsi tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp. Il-Qorti tinnota li dawn il-fondi huma kontribwiti mill-kontribwenti fiskali Ewropej, u mhux mis-suq finanzjarju.

Maniġers tal-ħlas

7.

L-Artikoli 48 sa 50 joħolqu attur finanzjarju ġdid, il-maniġer tal-ħlas, responsabbli milli jwettaq ħlasijiet bil-muniti nazzjonali ta' l-Istati AKP jew bil-muniti lokali tal-pajjiżi u tat-territorji barranin mill-kontijiet ta' l-aġent tal-ħlas. Ir-reċiti ta' l-abbozz tar-Regolament Finanzjarju ma jispjegawx ir-raġuni għaliex inħass il-bżonn li jinħoloq dan l-attur finanzjarju ġdid, u l-abbozz tad-dispożizzjonijiet mhumiex ċari dwar l-iffissar tar-responsabbilitajiet u l-obbligi tiegħu/tagħha, notevolment meta mqabbla ma' dawk ta' l-uffiċjali ta' l-awtorizzazzjoni u l-uffiċjal tal-kontabilità. Il-Qorti hija partikolarment imħassba minħabba l-fatt li, kif provdut fl-Artikolu 49(1), id-deċiżjoni mill-uffiċjal tal-kontabilità li jaħtar il-maniġer tal-ħlas tittieħed fuq proposta mill-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni responsabbli u li din id-deċiżjoni tiffissa r-responsabilitajiet u l-obbligi rispettivi tal-maniġer tal-ħlas u l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni. Barra dan, peress li l-maniġer tal-ħlas mhux imsemmi fl-Artikolu 31, mhux ċar jekk il-prinċipju ta' segregazzjoni tad-doveri hux assigurat.

8.

Il-Qorti tosserva li, għall-implimentazzjoni tad-disa' Fond Ewropew ta' l-Iżvilupp, tali pagamenti jistgħu jitwettqu minn uffiċjal tal-kontabilità b'sotto-delega (l-Artikolu 66(1) tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp) u għalhekk, ma tara l-ebda raġuni għaliex dispożizzjonijiet simili mhumiex proposti fl-abbozz tar-Regolament Finanzjarju. Il-Qorti tinnota wkoll li fir-Regolament Finanzjarju Ġenerali m'hemmx ekwivalenti għall-maniġer ta' ħlas, li barra l-uffiċjali ta' l-awtorizzazzjoni u tal-kontabilità, jipprovdi biss għal amministratur imprest. L-amministraturi imprest huma dotati mill-uffiċjal tal-kontabilità biss, mingħajr l-ebda involviment ta' l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni (l-Artikolu 63).

9.

Għalhekk, il-Qorti tissuġġerixxi li r-referenzi kollha għall-maniġer tal-ħlas fl-abbozz tar-Regolament Finanzjarju għandhom jitneħħew.

Skadenza għall-konklużjoni ta' kuntratti u ftehimiet individwali

10.

L-Artikolu 74(2) u l-Artikolu 79(a) jipprovdu li żjidiet ma' kuntratti eżistenti diġà jistgħu jiġu konklużi tliet snin wara d-data ta' konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament. Dan jitbiegħed mid-dispożizzjonijiet korrispondenti fir-Regolament Finanzjarju Ġenerali (l-Artikolu 166(2)), li jippermetti din il-possibilità biss għall-konklużjoni ta' kuntratti u ftehimiet relatati mal-verifika u l-evalwazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-estensjoni ta' din id-deroga għall-konklużjoni ta' żjidiet twassal biex ir-regola ġenerali, li permezz tagħha kuntratti u ftehimiet individwali jistgħu jiġu konklużi mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data ta' konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament, titlef is-sinifikat tagħha.

Kontabilità provviżorja

11.

F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-Artikoli 124 u 125, il-Qorti tiġbed l-attenzjoni għall-Opinjoni tagħha Nru 2/2002 (il-paragrafi 20 u 21), li ssuġġeriet li r-referenzi kollha għall-kontabilità provviżorja għandhom jiġu mneħħija. Il-kontijiet li għandhom jiġu ppreżentati għall-verifika tal-31 ta' Marzu għandhom ikunu kontijiet kompleti, preparati sewwa u approvati mill-Kummissjoni. Ma jridx ikun hemm konfużjoni fir-Regolament Finanzjarju dwar ir-rwoli tal-persuna li qed tiġi vverifikata u l-awditur f'dak li għandu x'jaqsam mal-preparazzjoni tal-kontijiet. Il-kompitu tal-Qorti fl-ebda ċirkostanza ma jrid jinvolvi li tgħin lill-Kummissjoni biex tipprepara l-kontijiet. Din ir-responsabilità, li hi ta' natura amministrattiva u ta' kontabilità, hija tal-Kummissjoni biss u mhix kompatibbli mar-responsabilità ta' kontroll estern tal-Qorti.

OSSERVAZZJONIJIET OĦRA

Werrej

12.

Ikun utli li jiżdied werrej, bħal fir-Regolament Finanzjarju Ġenerali.

Riżorsi u kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri

13.

It-Titolu III ta' l-Ewwel Parti ta' l-abbozz tar-Regolament Finanzjarju fih biss kapitolu wieħed li jitratta mal-kompożizzjoni tar-riżorsi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Kapitolu ieħor, li jistabblixxi d-dispożizzjonijiet dwar l-iffissar tal-kontribuzzjonijiet annwali ta' l-Istati Membri, huwa meħtieġ.

14.

L-Artikolu 16 mhux ċar dwar jekk il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri, pajjiżi donaturi oħra jew organizzazzjonijiet internazzjonali għal ċerti proġetti jew programmi li l-Kummissjoni ser iġġesti f'isimhom hux ser ikunu riżorsi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp stricto sensu u jekk humiex ser ikunu ġestiti skond ir-regoli li japplikaw għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp.

Implimentazzjoni tar-riżorsi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp

15.

L-Artikolu 26 jistipula li, fil-każ ta' ġestjoni ċentralizzata indiretta, il-Kummissjoni tista' taċċetta mill-entitajiet li lilhom tafda l-implimentazzjoni, li s-sistemi ta' verifika, ta' kontabilità, ta' kisba u ta' l-għoti ta' għotjiet “huma ekwivalenti għal tagħha, fejn jitqiesu, kif inhu xieraq, standards aċċettati internazzjonalment” (meta tikseb evidenza ta' l-eżistenza u ta' l-operazzjoni xierqa). Kif innutat il-Qorti fl-Opinjoni tagħha Nru 4/2006 (il-paragrafu 9), l-entitajiet li l-Kummissjoni tafdalhom l-implimentazzjoni f'tali sitwazzjonijiet mhumiex marbuta bid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju. Barra dan, minħabba li m'hemmx standards aċċettati internazzjonalment la għal sistemi ta' xiri u anqas għall-verifika ta' konformità, l-istipulazzjoni li għandha tingħata attenzjoni għall-istandards internazzjonali m'għandiex sinifikat. L-istess japplika għal sistemi ta' għoti ta' għotjiet.

16.

Għall-finijiet tal-kompletezza, l-Artikolu 35 għandu jsemmi wkoll każijiet ta' ġestjoni konġunta ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħala deroga minn din ir-regola.

17.

L-Artikolu 36 jittrasponi l-ewwel sotto-paragrafu ta' l-Artikolu 23 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp, imma jħalli barra t-tieni sotto-paragrafu. Fl-opinjoni tal-Qorti, huwa neċessarju li din id-dispożizzjoni tinżamm sabiex ikun stabbilit b'mod ċar li kwalunkwe miżura li tittieħed mill-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni b'delega skond dan l-Artikolu tittieħed f'isem u fl-interess ta' l-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni nazzjonali jew reġjonali kkonċernat.

18.

Jekk, minkejja l-kummenti tal-Qorti fil-paragrafi 7 sa 9, il-kunċett ta' maniġer ta' ħlas jinżamm, l-Artikolu 52(2) għandu jipprovdi wkoll li l-maniġers ta' ħlas għandhom ikunu soġġetti għal azzjoni dixxiplinarja u għall-pagament ta' kumpens kif imniżżel fir-Regolamenti tal-Persunal.

19.

F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-Artikoli 76 u 80, il-Qorti terġa' ttenni s-suġġeriment li għamlet fl-Opinjoni tagħha Nru 12/2002 (il-paragrafu 15(f)) li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jerġgħu jiġu reveduti, sabiex tiġi ppreservata l-idea li l-kontabilità trid tibqa' miftuħa sakemm it-tranżazzjoni ma tingħalaqx, imma mingħajr ma tintroduċi l-idea li disimpenn jista' jiġi deferut anke jekk hemm informazzjoni disponibbli li tagħmilha possibbli li jiġi aġġustat (sikwit, billi jitnaqqas) il-livell ta' obbligazzjoni korrispondenti tal-Komunità. Huwa importanti li jiġi evitat li fondi jiġu blokkati mingħajr bżonn meta dawn jistgħu jintużaw fuq programmi u proġetti oħra.

20.

L-Artikolu 78(1) juża t-terminu “approprijazzjonijiet”, li mhux korrett fil-kuntest ta' fondi mhux baġitarji.

Il-proċeduri tal-kisba [Akkwist]

21.

L-Artikolu 92(2) għandu jirreferi wkoll għal deċiżjonijiet ta' għotjiet. Barra dan, kif issuġġeriet il-Qorti fl-Opinjoni tagħha Nru 12/2002 (il-paragrafu 17), ta' min jiġi inkluż kapitolu dwar “Garanziji u kontroll”, bħal fl-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali.

Titoli VII u VI

22.

Fil-verżjoni Ingliża, it-Titolu VII Operazzjonijiet Diretti tax-Xogħol u Operazzjonjiet Deċentralizzati Indiretti u t-Titolu VI Għotjiet huma nnumerati ħażin.

Għotjiet

23.

F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-Artikoli 105 u 107, il-Qorti tixtieq tiġbed l-attenzjoni lejn l-Opinjonijiet tagħha Nri 10/2005 (il-paragrafi 41 sa 48) u 4/2006 (il-paragrafi 14 sa 16), li jindikaw li xi wħud mill-eċċezzjonijiet u d-derogi għall-prinċipju ta' mingħajr profitt jew għall-prinċipju mhux kumulattiv mhumiex verament ġustifikati minħabba li:

a)

dawn jistgħu jinvolvu riskji addizzjonali u jikkumplikaw il-ġestjoni;

b)

il-verifikazzjoni f'xi każijiet tista' tkun problematika;

c)

setgħu jinstabu soluzzjonijiet aktar sempliċi.

24.

Bħal fil-każ tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali (l-Artikolu 120(2)), l-Artikolu 116(2) għandu jispeċifika li, għall-fini ta' punt (c), l-ammont massimu ta' sostenn finanzjarju li jista' jitħallas lil parti terza minn benefiċjarju għandu jiġi ddeterminat permezz ta' regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali.

Preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità

25.

Sabiex tassigura konsistenza mar-Regolament Finanzjarju applikabbli għad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp (l-Artikolu 97) u r-Regolament Finanzjarju Ġenerali (l-Artikolu 123), fl-Artikolu 119 tal-verżjoni Ingliża, “shall” għandha tinbidel b' “must”.

26.

Fl-Artikolu 124, hemm differenza ta' xahar bejn id-data biex jintbagħat ir-rapport dwar l-amministrazzjoni finanzjarja u biex tintbagħat il-kontabilità provviżorja li r-rapport suppost jakkumpanja skond l-Artikolu 118(2). Kif issuġġeriet il-Qorti fl-Opinjoni tagħha Nru 12/2002 (il-paragrafu 21(a)), sabiex ikun allinejat mad-dispożizzjonijet tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali (l-Artikolu 128), ir-rapport għandu jintbagħat mal-kontabilità fil-31 ta' Marzu.

27.

Fl-Artikolu 129(2), ikun ta' użu li ċ-ċart tal-kontabilità mibgħuta lill-Qorti ta' l-Awdituri tkun akkumpanjata mir-regoli u l-metodi applikabbli li hemm dispożizzjoni għalihom fil-paragrafu 1.

Verifika esterna u rilaxx

28.

Fl-Artikolu 135(1), il-frażi “mill-aktar fis possibbli” għandha tinbidel f' “mhux aktar minn 15-il ġurnata ta' xogħol”.

29.

Fl-Artikolu 136(1), il-frażi “it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea” għandha tiddaħħal qabel “il-Ftehim AKP-KE”. Kif indikat il-Qorti fl-Opinjoni tagħha Nru 12/2002 (il-paragrafu 22(a)), it-Trattat huwa, fil-fatt, il-bażi legali għad-Deċiżjoni ta' Assoċjazzjoni Barranija, kif ukoll għar-Regolamenti Finanzjarji applikabbli għall-Fond Ewropej għall-Iżvilupp innifsu (13). Ta' min isemmi wkoll il-Ftehim Intern, li jikkostitwixxi wkoll il-bażi legali għar-Regolament Finanzjarju għall-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (14).

30.

L-Artikolu 136(2) jirreferi b'mod żbaljat għall-“paragrafu 6”. Ir-referenza korretta hija “l-Artikolu 138(4) u (5)”.

Kundizzjonijiet speċifiċi li jigvernaw ir-riżorsi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp ġestiti mill-Bank Ewropew għall-Investiment

31.

L-Artikolu 149(1) jipprovdi li l-Bank Ewropew għall-Iżvilupp għandu jfassal ir-regoli u l-metodi tal-kontabilità rilevanti skond standards internazzjonali u jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b'dan. Dan huwa differenti mid-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp (l-Artikolu 125(1)), li jipprovdi li l-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Kummissjoni ser ifasslu dawn ir-regoli u l-metodi tal-kontabilità bi ftehim reċiproku. Kif kien indikat fil-paragrafi 5 u 6, il-Qorti jiddispjaċiha li nħolqu żewġ oqsma separati ta' ġestjoni, li jillimita l-ambitu tar-rilaxx tal-Parlament.

32.

Fl-Artikolu 149(2), hemm differenza ta' xahar bejn id-data li fiha jrid jintbagħat ir-rapport dwar l-implimentazzjoni ta' l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp taħt il-ġestjoni tal-Bank Ewropew għall-Investiment u biex tintbagħat il-kontabilità. Kif issuġġeriet il-Qorti fl-Opinjoni tagħha Nru 12/2002 (il-paragrafu 21(b)), ir-rapport għandu jintbagħat flimkien mal-kontabilità mhux aktar tard mit-28 ta' Frar.

33.

L-Artikolu 150 għandu jgħid li “ir-regoli proprji tal-Bank Ewropew għall-Iżvilupp” għall-kuntratti għandhom jikkonformaw mar-regoli ġenerali li jigvernaw il-ġestjoni ta' l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u b'mod partikolari l-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, il-Ftehim Intern u r-Regolament Finanzjarju (15).

Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Qorti ta' l-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-6 ta' Diċembru 2007.

Għall-Qorti ta' l-Awdituri

Hubert WEBER

President


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  ĠU L 287, 28.10.2005,

(3)  ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1 u ĠU L 324, 7.12.2001,

(4)  ĠU L 109, 26.4.2007, p. 33.

(5)  ĠU L 247, 9.9.2006, p. 22.

(6)  ĠU C 92, 17.4.2002, p. 1.

(7)  ĠU C 12, 17.1.2003, p. 19.

(8)  ĠU C 13, 18.1.2006, p. 1.

(9)  ĠU C 273, 9.11.2006, p. 2.

(10)  ĠU C 101, 4.5.2007, p. 1.

(11)  ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.

(12)  COM(2007) 410 finali tas-16 ta' Lulju 2007.

(13)  Ara l-ewwel reċita tal-proposta relatata ma' din l-opinjoni.

(14)  Ara l-ħames referenza tal-proposta relatata ma' din l-opinjoni.

(15)  Kif jipprovdi l-Artikolu 11(2) tal-Ftehim Intern.


Top