EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C:2005:063E:FULL

Ħarġa Speċjali, CE 63, 15 ta' Marzu 2005


Display all documents published in this Official Journal
 

ISSN 1725-5198

Il-Ġurnal Uffiċjali

ta’ l-Unjoni Ewropea

Ħarġa Speċjali ( *1 )

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 48
15 ta' Marzu 2005


Werrej

Paġna

 

I   Tagħrif

 

Kunsill

2005/C 63 E/01

Pożizzjoni Komuni (KE) nru. 11/2005 adottata mill-Kunsill fid-9 ta' Diċembru 2004, filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-ħsieb li tkun adottata d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) nri. 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam ma' attivitajiet tat-trasport bit-triq ( 1 )

1

2005/C 63 E/02

Pożizzjoni Komuni (KE) nru. 12/2005 adottata mill-Kunsill fid-9 ta' Diċembru 2004, filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-għan li jiġi addottat ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) nru. 3821/85 u (KE) nru. 2135/98

11

2005/C 63 E/03

Pożizzjoni Komuni (KE) nru. 13/2005 adottata mill-Kunsll fid-9 ta' Diċembru 2004, filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bil-għan li tigi adottata Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda id-Direttiva 1999/32/KE dwar il-kontenut ta' kubrit fil-karburant marin

26


 


 

(*1)   Din il-Ħarġa Speċjali bil-Malti hija ppubblikata bil-lingwi uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea fil-ĠU C 63 E.

 

(1)   (Ikompli fil-paġna ta’ wara)

MT

 


I Tagħrif

Kunsill

15.3.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) nru. 11/2005

adottata mill-Kunsill fid-9 ta' Diċembru 2004

bil-ħsieb li tkun adottata d-Direttiva 2005/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-……. dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) nri. 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam ma' attivitajiet tat-trasport bit-triq

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2005/C 63 E/01)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 71(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru. 3820/85 ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċertu leġiżlazzjoni soċjali dwar it-trasport bit-triq (3) u (KEE) Nru. 3821/85 ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar tagħmir ta' reġistrazzjoni fit-trasport bit-triq (4) huma importanti sabiex jinħoloq suq komuni għas-servizzi tat-trasport intern, għas-sigurtà fit-triq u għall-kondizzjonijiet tax-xogħol.

(2)

Fil-White Paper tagħha “Il-politika Ewropea dwar it-trasport għall-2010: iż-żmien tad- deċiżjonijiet”, il-Kummissjoni indikat in-neċessità ta' kontrolli u pieni aktar iebsa b'mod partikolari għal-leġiżlazzjoni soċjali rigward attivitajiet ta' trasport bit-triq, u speċifikatament biex jiżdied in-numru ta' kontrolli, biex jitħeġġeġ l-iskambju sistematiku ta' tagħrif bejn l-Istati Membri, biex ikunu kordinati l-attivitajiet ta' spezzjonar u biex ikun promoss it-taħriġ ta' uffiċjali responsabbli mill-infurzar.

(3)

Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi assigurata l-applikazzjoni xierqa u l-interpretazzjoni armonizzata tar-regoli soċjali dwar it-trasport bit-triq permezz ta' l-istabbiliment ta' kondizzjonijiet minimi meħtieġa għal kontrolli uniformi u effettivi mill-Istati Membri b'konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti. Dawk il-kontrolli għandhom iservu sabiex jonqos u jiġi prevenut il-ksur. Barra minn hekk, għandu jiġi introdott mekkaniżmu li jassigura li impriżi b'rata ta' riskju għolja jkunu kontrollati b'mod aktar mill-qrib u aktar spiss.

(4)

Il-miżuri li għalihom tipprovdi din id-Direttiva għandhom iwasslu mhux biss għal aktar sigurtà fit-triq imma għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-armonizzazzjoni ta' kondizzjonijiet tax-xogħol fil-Komunità u jippromwovu kondizzjonijiet ugwali għal kulħadd.

(5)

It-tibdil minn takografi analogi għal takografi diġitali jwassal progressivament biex volum akbar ta' data jiġi kkontrollat b'aktar ħeffa u b'aktar preċiżjoni u, għal din ir-raġuni, l-Istati Membri ser ikunu jistgħu jwettqu iktar kontrolli. Rigward il-kontrolli, il-perċentwali ta' jiem maħduma mix-xufiera ta' vetturi li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni soċjali li huma kontrollati, għandu għalhekk jiżdied gradwalment għal 4 %.

(6)

Tagħmir standard u adegwat għandu jkun għad-dispożizzjoni tat-taqsimiet kollha ta' l-infurzar sabiex ikunu f'pożizzjoni li jwettqu d-doveri tagħhom b'mod effettiv u effiċjenti.

(7)

L-Istati Membri għandhom jassiguraw, mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni xierqa tal-kompiti imposti minn din id-Direttiva, li kontrolli fit-triq jitwettqu b'mod effiċjenti u bil-ħeffa, bl-għan li l-kontroll jitlesta fl-iqsar ħin possibbli u bl-inqas telf ta' ħin għax-xufier.

(8)

F'kull Stat Membru għandu jkun hemm korp wieħed għall-koperazzjoni intrakomunitarja ma' awtoritajiet kompetenti rilevanti oħra. Dak il-korp għandu jiġbor statistika rilevanti. L-Istati Membri għandhom ukoll japplikaw strateġija nazzjonali koerenti ta' infurzar fit-territorju tagħhom u jistgħu jaħtru korp wieħed sabiex jikkordina l-implimentazzjoni tagħha.

(9)

Koperazzjoni bejn awtoritajiet responsabbli mill-infurzar ta' l-Istati Membri għandha tiġi promossa permezz ta' kontrolli orkestrati, inizjattivi ta' taħriġ konġunt, l-iskambju elettroniku ta' informazzjoni, u l-iskambju ta' tagħrif u esperjenza.

(10)

L-aħjar prattika f'operazzjonijiet ta' infurzar fit-trasport bit-triq, b'mod partikolari sabiex jiġi assigurat approċċ armonizzat għall-ħruġ ta' prova tal-leave annwali jew il-leave tal-mard ta' xufier, għandha tkun faċilitata u promossa fi ħdan forum għall-awtoritajiet ta' l-infurzar ta' l-Istati Membri.

(11)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (5).

(12)

Peress li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli komuni ċari dwar kondizzjonijiet minimi għall-verifika ta' l-implimentazzjoni korretta u uniformi tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru. 3820/85 u 3821/85, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-bżonn ta' azzjoni transnazzjonali kordinata, jintlaħqu b'mod aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(13)

Id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE tat-23 ta' Novembru 1988 dwar il-proċeduri standard ta' kontroll għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KEE) Nru. 3820/85 u 3821/85 (6) għandha għalhekk tiġi mħassra,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KEE) Nri. 3820/85 u 3821/85.

Artikolu 2

Sistemi ta' kontroll

1.   L-Istati Membri għandhom jorganizzaw sistema ta' kontrolli adatti u regolari fuq implimentazzjoni korretta u konsistenti, kif imsemmi fl-Artikolu 1, kemm fit-triq kif ukoll fil-fond ta' l-impriżi tal-kategoriji kollha tat-trasport.

Dawn il-kontrolli għandhom ikopru kull sena kampjun wiesa' u rappreżentattiv ta' ħaddiema mobbli, xufiera, impriżi u vetturi tal-kategoriji kollha tat-trasport li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolamenti (KEE) Nru. 3820/85 u 3821/85.

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li tkun applikata fit-territorju tagħhom strateġija koerenti ta' infurzar nazzjonali. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jaħtru korp biex jikkordinaw l- azzjonijiet meħuda taħt l-Artikoli 4 u 6, u f'dan il-każ il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom ikunu infurmati b'dan.

2.   Kull Stat Membru għandu jorganizza kontrolli b'mod li minn….. (*1), 1 % tal-jiem maħduma minn xufiera ta' vetturi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru. 3820/85 u (KEE) Nru. 3821/85 huma kontrollati. Dan il-perċentwali jiżdied għal 2 % wara l-1 ta' Jannar 2009 u għal 3 % wara l-1 ta' Jannar 2011.

Wara l-1 ta' Jannar 2013, dan il-perċentwali minimu jista' jiżdied għal 4 % mill-Kummissjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2), kemm-il darba l-istatistika miġbura skond l-Artikolu 3 tkun turi li, bħala medja, aktar minn 90 % tal-vetturi kontrollati huma attrezzati b'takografu diġitali. Fit-teħid tad-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-effettività ta' miżuri eżistenti ta' infurzar, b'mod partikolari d-disponibbiltà ta' tagħrif ta' takografu diġitali fil-fond ta' l-impriżi.

Mhux anqas minn 15 % tan-numru totali ta' jiem maħduma kontrollati għandhom jkunu kontrollati fit-triq u mhux anqas minn 25 % fil-fond ta' l-impriżi. Wara l-1 ta' Jannar 2008, mhux anqas minn 30 % tan-numru totali tal-jiem maħduma kontrollati għandhom ikunu kontrollati fit-triq u mhux anqas minn 50 % għandhom ikunu kontrollati fil-fond ta' l-impriżi.

3.   It-tagħrif mgħoddi lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KEE) Nru. 3820/85 għandu jinkludi n-numru ta' xufiera kontrollati fit-triq, in-numru ta' kontrolli fil-fond ta' impriżi, in-numru ta' jiem maħduma kontrollati u n-numru ta' okkażjonijiet ta' ksur rappurtati.

Artikolu 3

Statistika

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li statistika miġbura dwar il-kontrolli organizzati skond l-Artikolu 2(1) u (2) tkun imqassma f'dawn il-kategoriji li ġejjin:

(a)

għal kontrolli fit-triq:

(i)

tip tat-triq, jiġifieri jekk hijiex awtostrada, triq nazzjonali jew sekondarja;

(ii)

tip ta' takografu, analogu jew diġitali;

(b)

għal kontroll fil-fond:

(i)

tip ta' attività tat-trasport, jiġifieri jekk l-attività hijiex internazzjonali jew nazzjonali; persuni jew merkanzija; fuq akkont personali jew b'kiri jew bi ħlas;

(ii)

daqs tal-flotta ta' vetturi tal-kumpannija,

(iii)

tip ta' takografu, analogu jew diġitali.

Din l-istatistika għandha tiġi preżentata kull sena lill-Kummissjoni.

L-awtoritajiet responsabbli fl-Istati Membri għandhom iżommu rekord tad-data miġbura għas-sena ta' qabel.

Kull kjarifika ulterjuri meħtieġa tad-definizzjonijiet tal-kategoriji msemmija taħt (a) u (b) għandha tkun stabbilita mill-Kummissjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

Artikolu 4

Kontrolli fit-toroq

1.   Kontrolli fit-toroq għandhom ikunu organizzati f'diversi postijiet u f'kull ħin u għandhom ikopru parti estiża biżżejjed tan-network tat-toroq b'mod li jkun diffiċli li jiġu evitati l-postijiet tal-kontrolli.

2.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li:

(a)

ikun hemm biżżejjed postijiet ta' kontrolli f'toroq eżistenti jew toroq ippjanati jew qribhom;

(b)

il-kontrolli jsiru skond sistema ta' rotazzjoni każwali.

3.   Il-punti li għandhom ikunu eżaminati fit-toroq huma stabbiliti fil-Parti A ta' l-Anness I. Il-kontrolli jistgħu jiffokaw fuq punt speċifiku jekk ikun meħtieġ skond is-sitwazzjoni.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(2), kontrolli fit-toroq għandhom isiru mingħajr diskriminazzjoni. B'mod partikolari, uffiċjali ta' l-infurzar m'għandhomx jiddiskriminaw minħabba xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-vettura;

(b)

pajjiż tar-residenza tax-xufier;

(ċ)

pajjiż ta' fejn tkun stabbilita l-impriża;

(d)

il-punt tat-tluq u d-destinazzjoni tal-vjaġġ;

(e)

jekk il-vettura hijiex attrezzata b'takografu analogu jew diġitali.

5.   L-uffiċjali ta' l-infurzar għandhom jingħataw:

(a)

lista tal-punti prinċipali li għandhom jiġu kontrollati, kif stabbilit fil-Parti A ta' Anness I;

(b)

ċertu tagħmir standard ta' kontroll, kif stabbilit fl-Anness II.

6.   Jekk, fi Stat Membru, ir-riżultati ta' kontroll li jsir fit-triq fuq ix-xufier ta' vettura reġistrata fi Stat Membru ieħor jagħtu lil wieħed x'jifhem illi ġie mwettaq xi ksur li ma jistax jiġi stabbilit matul il-kontroll minħabba n-nuqqas ta' data meħtieġa, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri konċernati għandhom jgħinu lil xulxin sabiex jikkjarifikaw is-sitwazzjoni.

Artikolu 5

Kontrolli orkestrati

L-Istati Membri għandhom, ta' l-anqas sitt darbiet fis-sena, jagħmlu kontrolli flimkien fit-triq ta' xufiera u vetturi li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolamenti (KEE) Nri. 3820/85 u 3821/85. Dawn il-kontrolli għandhom isiru fl-istess ħin mill-awtoritajiet ta' l-infurzar ta' żewġ Stati Membri jew aktar, kull waħda topera fit-territorju tagħha.

Artikolu 6

Kontrolli fil-fond ta' impriżi

1.   Il-kontrolli fil-fond għandhom ikunu organizzati fid-dawl ta' l-esperjenza tal-passat fir-rigward tad-diversi kategoriji ta' trasport. Dawn għandhom ukoll jitwettqu jekk ikun instab xi ksur serju tar-Regolamenti (KEE) Nru. 3820/85 jew Nru. 3821/85 waqt kontroll fit-triq.

2.   Kontrolli fil-fond ta' impriżi għandhom ikopru l-punti elenkati fil-Parti A u fil-Parti B ta' l-Anness I.

3.   L-uffiċjali ta' l-infurzar għandhom jingħataw:

(a)

lista tal-punti prinċipali li għandhom jiġu kontrollati, kif hemm provdut fil-Parti A u fil-Parti B ta' l-Anness I;

(b)

ċertu tagħmir standard tal-kontroll, kif hemm provdut fl-Anness II.

4.   Matul il-kontroll l-uffiċjal ta' l-infurzar fi Stat Membru għandu jieħu f'kunsiderazzjoni kull informazzjoni provduta mill-korp ta' l-infurzar nominat għall-kordinazzjoni fi Stat Membru ieħor kif imsemmi fl-Artikolu 7(1), li jikkonċerna l-attivitajiet ta' l-impriża f'dak l-Istat Membru l-ieħor.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 sa 4, kontrolli li jsiru fil-fond ta' l-awtoritajiet kompetenti, abbażi ta' dokumenti rilevanti jew ta' data mogħtija minn impriżi b'talba ta' l-awtoritajiet imsemmija, għandu jkollhom l-istess status bħal kontrolli li jsiru fil-fond ta' impriżi.

Artikolu 7

Relazzjonijiet intrakomunitarji

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru korp li għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)

li jassigura l-kordinazzjoni ma' korpi ekwivalenti fl-Istati Membri l-oħra konċernati fir-rigward ta' azzjonijiet meħuda taħt l-Artikolu 5;

(b)

li jgħaddi l-prospetti ta' l-istatistika li jsiru darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KEE) Nru. 3820/85;

(ċ)

ikollu responsabbiltà prinċipali sabiex jassisti l-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra skond l-Artikolu 4(6).

Il-korp għandu jkun rappreżentat fil-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 12(1).

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-ħatra ta' dan il-korp u l-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra b'dan.

3.   L-iskambju ta' data, ta' esperjenza u ta' informazzjoni bejn Stati Membri għandu jkun promoss b'mod attiv, primarjament iżda mhux esklużivament permezz tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 12(1) u kull korp ieħor li l-Kummissjoni tista' tinnomina skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

Artikolu 8

Skambju ta' tagħrif

1.   Tagħrif li jsir disponibbli bilateralment skond l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (KEE) Nru. 3820/85 jew l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (KEE) Nru. 3821/85 għandu jiġi skambjat bejn il-korpi nominati notifikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7(2):

(a)

ta' l-anqas darba kull sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva;

(b)

b'talba speċifika minn Stat Membru f'każijiet individwali.

2.   L-Istati Membri għandhom ifittxu li jistabbilixxu sistemi għall-iskambju elettroniku ta' l-informazzjoni. Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12 (2), il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi metodoloġija komuni għall-iskambju effettiv ta' tagħrif.

Artikolu 9

Sistema li tkejjel ir-riskju

1.   L-Istati Membri għandhom jintroduċu sistema li tkejjel ir-riskju għal impriżi bbażata fuq in-numru u s-serjetà ta' kull ksur tar-Regolamenti (KEE) Nru. 3820/85 jew Nru. 3821/85 li impriżi individwali jkunu wettqu.

2.   Impriżi b'rata għolja ta' riskju għandhom ikunu kkontrollati b'akbar reqqa u aktar spiss. Il-kriterji u r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' tali sistema għandhom ikunu diskussi fil-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 12, bl-għan li tiġi stabbilita sistema għall-iskambju ta' tagħrif fuq l-aħjar prattiċi.

Artikolu 10

Rapport

Sa... (*2), il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li janalizza l-pieni għal ksur serju li tipprovdi għalihom il-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri.

Artikolu 11

L-aħjar prattika

1.   Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi linji gwida dwar l-aħjar prattika fl-infurzar.

Dawk il-linji gwida għandhom ikunu nklużi fir-rapport li jsir darbtejn fis-sena imsemmi fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KEE) Nru. 3820/85.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi ta' taħriġ konġunt dwar l-aħjar prattika li għandhom isiru ta' l-anqas darba fis-sena u għandhom jiffaċilitaw skambji, ta' l-anqas darba fis-sena, ta' persunal tal-korpi rispettivi tagħhom għal koperazzjoni intrakomunitarja mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra.

3.   Formola elettronika u li tista' tiġi stampata għandha tiġi mħejjija mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2), li għandha tintuża meta xufier ikun fuq leave minħabba mard jew leave annwali, jew meta xufier ikun saq vettura oħra li hija eżenti mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru. 3820/85, fil-perijodu msemmi fl-ewwel inċiż ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 15(7) tar-Regolament (KEE) Nru. 3821/85.

4.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-uffiċjali ta' l-infurzar huma mħarrġa sew biex iwettqu xogħolhom.

Artikolu 12

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KEE) Nru. 3821/85.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, tenut kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 13

Miżuri ta' implimentazzjoni

B'talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2), tadotta miżuri ta' implimentazzjoni, li jkollhom wieħed minn dawn l-għanijiet partikulari:

(a)

li tippromwovi approċċ komuni għall-implimentazzjoni tad-Direttiva;

(b)

li tħeġġeġ koerenza fl-approċċ bejn awtoritajiet ta' l-infurzar u interpretazzjoni armonizzata tar-Regolament (KEE) 3820/85 bejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar;

(ċ)

li tiffaċilita d-djalogu bejn l-industrija u l-awtoritajiet ta' l-infurzar.

Artikolu 14

Negozjati ma' pajjiżi terzi

Ladarba din id-Direttiva tidħol fis-seħħ, il-Komunità għandha tibda negozjati mal-pajjiżi terzi rilevanti bil-ħsieb li jkunu applikati regoli ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva.

Artikolu 15

Aġġornament ta' l-Annessi

Emendi għall-Annessi li huma meħtieġa sabiex jiġu adattati għal żviluppi fl-aħjar prattika għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

Artikolu 16

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa l-aktar tard l-1 ta' Jannar 2006. Dawn għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandu jkun fihom riferenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi għall-għamla ta' din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam iggvernat minn din id-Direttiva.

Artikolu 17

Tħassir

1.   Id-Direttiva 88/599/KEE hija b'dan imħassra minn … (*3).

2.   Kwalunkwe referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu li qed isiru għal din id-Direttiva.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta' wara dak tal-publikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, …

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 241, tat-28.9.2004, p. 65.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' April 2004 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad 9 ta' Diċembru 2004 u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' …. (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 370, tal-31.12.1985, p. 1. Regolament emendat mid-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 226, ta' l-10.9.2003, p. 4).

(4)  ĠU L 370, tal-31.12.1985, p. 8. Regolament emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 432/2004 (ĠU L 71, ta' l-10.3.2004, p. 3).

(5)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

(6)  ĠU L 325, tad-29.11.1988, p. 55. Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru. 2135/98 (ĠU L 274, tad-9.10.1998, p. 1).

(*1)  Id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva

(*2)  Tlett snin mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(*3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.


ANNESS I

PARTI A

Kontrolli fit-triq

Il-punti li ġejjin għandhom, b'mod ġenerali, ikunu koperti minn kontrolli fit-triq:

(1)

perijodi ta' sewqan kuljum, pawżi u perijodi ta' mistrieħ ta' kuljum u fil-ġimgħa; anke l-folji li fihom jitniżżlu r-rekords tal-jiem preċedenti u li għandhom jinġarru abbord il-vettura skond l-Artikolu 15(7) tar-Regolament (KEE) Nru. 3821/85 u/jew id-data maħżuna għall-istess perijodu fuq il-kard tax-xufier u/jew fil-memorja tat-tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness II ta' din id-Direttiva u/jew fil-materjal f'forma stampata;

(2)

għall-perijodu msemmi fl-Artikolu 15(7) tar-Regolament (KEE) Nru. 3821/85, każijiet fejn tinqabeż il-veloċità awtorizzata tal-vettura, jiġifieri kull perijodu ta' aktar minn minuta li fiha l-veloċità tal-vettura teċċedi d-90 kilometru fis-siegħa għal vetturi fil-kategoriji N3 jew il-105 kilometru fis-siegħa km/h għal vetturi fil-kategorija M3 (kategoriji N3 u M3 huma skond id-definizzjoni fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (1);

(3)

fejn xieraq, veloċitajiet momentanji li jkunu ġew milħuqa mill-vettura kif reġistrati mit-tagħmir ta' reġistrazzjoni f'mhux aktar mill-aħħar 24 siegħa ta' użu tal-vettura;

(4)

it-tħaddim tajjeb tat-tagħmir ta' reġistrazzjoni (li tkun determinata l-possibiltà ta' użu ħażin tat-tagħmir u/jew il-kard tax-xufier u/jew il-folji li fihom jitniżżlu r-rekords) jew, fejn xieraq, il-preżenza tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KEE) Nru. 3820/85;

PARTI B

Kontrolli fil-fond ta' l-impriżi

Il-punti li ġejjin għandhom ikunu kontrollati fil-fond ta' l-impriżi, flimkien ma' dawk il-punti kontrollati fit-triq:

(1)

perijodi ta' mistrieħ fil-ġimgħa u perijodi ta' sewqan bejn dawn il-perijodi ta' mistrieħ;

(2)

osservanza tal-limitu fis-sigħat ta' sewqan fuq perijodu ta' ġimgħatejn;

(3)

folji li fihom jitniżżlu r-rekords, l-unità ta' vettura u d-data fil-kard tax-xufier u materjal f'forma stampata;

L-Istati Membri jistgħu, jekk ikun xieraq, jikkontrollaw ir-responsabbilità konġunta ta' instigaturi jew aċċessorji oħra fil-katina tat-trasport, bħalma huma dawk li jieħdu ħsieb il-merkanzija trasportata, burdnara jew kuntratturi, jekk ikun instab li twettaq xi ksur, inkluż il-verifika li l-kuntratti għall-provvista tat-trasport jippermettu l-konformità mar-Regolamenti (KEE) Nri. 3820/85 u 3821/85.


(1)  ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 8. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/78/KE (ĠU L 153, tat-30.4.2004, p. 103).


ANNESS II

TAGĦMIR STANDARD LI GĦANDU JKUN DISPONIBBLI GĦAT-TAQSIMIET TA' L-INFURZAR

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-tagħmir standard li ġej hu disponibbli għat-taqsimiet ta' l-infurzar li jwettqu d-doveri stabbiliti fl-Anness I:

(1)

tagħmir li jista' jniżżel data mill-unità ta' vettura u mill-kard tax-xufier ta' takografi diġitali, jaqra d-data, u janalizza data u/jew jittrasmetti s-sejbiet lejn database ċentrali għal analiżi;

(2)

tagħmir li jikkontrolla l-folji tat-takografu.


ABBOZZ TA' DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Wara li kkunsidra l-Artikolu 71 tat-Trattat tal-KE, u fil-qafas tal-proċedura ta' ko-deċiżjoni skond l-Artikolu 251 tat-trattat tal-KE, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu dwar abbozz ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE u r-Regolamenti tal-Kunsill (KKE) Nri. 3820/85 u 3821/85 li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni soċjali fir-rigward ta' attivitajiet ta' trasport bit-triq fid 9 ta' Diċembru 2004.

Meta ħa l-pożizzjoni tiegħu, il-Kunsill ħa kont ta' l-opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari tiegħu ta' l-20 ta' April 2004 (1) u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali mogħtija fit-2 ta' Ġunju 2004 (2).

L-Għanijiet Ewlenin ta' l-abbozz tad-Direttiva

L-għan tad-Direttiva hu

li tistabbilixxi kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill 3820/85/KEE u 3821/85/KEE dwar il-leġiżlazzjoni soċjali fir-rigward ta' attivitajiet ta' trasport bit-triq (“sewqan u ħinijiet ta' mistrieħ għal xufiera professjonali”); b'hekk biex jiġi stipulat ammont minimu ta' tali kontrolli li jridu jitwettqu mill-awtoritajiet ta' l-infurzar f'kull Stat Membru;

li tipprovdi interpretazzjoni uniformi tan-natura tal-kontrolli billi tiżgura implimentazzjoni armonizzata ta' din il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar it-trasport bit-triq.

Il-leġiżlazzjoni attwali tistipula li persentaġġ globali minimu ta' 1 % tal-ġranet ta' xogħol għandu jiġi kontrollat (3); il-Kummissjoni issa tipproponi li tgħolli l-livell għal wieħed li jkun kemm ta' sfida kif ukoll ottenibbli, u li jtejjeb bil-bosta s-sigurtà fit-triq.

Bl-introduzzjoni tat-takografu diġitali d-data ser tkun aċċessibbli aktar faċilment u tkun aktar eżatta; dan għandu jippermetti lill-Istati Membri sabiex iżidu n-numru u l-effikaċja tal-kontrolli sew fit-triq kif ukoll fil-fond ta' impriżi tal-kategoriji kollha ta' trasport. Barra minn dan l-abbozz tad-Direttiva jobbliga lill-Istati Membri sabiex jiġbru statistika dwar dawn il-kontrolli u sabiex jissottomettuha lill-Kummissjoni ta' kull sena.

Dispożizzjonijiet ġodda oħra li jinsabu fl-abbozz tad-Direttiva huma

lista dettaljata ta' l-elementi li għandhom jiġu kkontrollati fit-triq u fil-fond,

żieda fl-ammont ta' kontrolli konċertati bejn l-Istati Membri,

l-introduzzjoni ta' korp ta' kollegament intra-komunitarju li, fost kompiti oħrajn, jiżgura l-kordinazzjoni tal-kontrolli konċertati,

skambju aktar spiss ta' informazzjoni li tikkonċerna r-riżultati tal-kontrolli, u l-istedina lill-Istati Membri biex jistabbilixxu sistema ta' skambju elettroniku ta' data, u

l-introduzzjoni ta' sistemi ta' valutazzjoni tar-riskju għal impriżi, kombinati ma' l-obbligu sabiex jiġu kontrollati aktar mill-qrib u b'mod aktar intensiv dawk l-impriżi li għandhom valutazzjoni tar-riskju għolja.

L-abbozz tad-Direttiva jipprovdi wkoll għall-istabbiliment ta' linji gwida ta' l-aħjar prattika, attivitajiet ta' taħriġ konġunti u l-iskambju ta' informazzjoni u esperjenza.

II.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1.   Ġenerali

Il-Kunsill hu tal-fehma li l-pożizzjoni komuni tiegħu tipprovdi valur miżjud konsiderevoli meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni attwalment fis-seħħ.

B'kont meħud tat-tiġdid gradwali tal-flotot ta' l-impriżi tat-trasport - u għalhekk iż-żieda gradwali tan-numru ta' vetturi mgħammra bit-takografu diġitali - l-Istati Membri ser jintroduċu sistema ta' kontrolli li tiżgura li sa l-2011 ta' lanqas 3 % tal-ġranet ta' xogħol tax-xufiera tal-vetturi, li jaqgħu fl-ambitu ta' dan l-abbozz tad-Direttiva, jiġu kontrollati. Billi li l-Kummissjoni pprevedit żieda immedjata fil-kontrolli għal 3 % tal-ġranet maħduma wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva l-ġdida, il-Kunsill iddeċieda li jilħaq dan il-għan billi jżid gradwalment in-numru ta' kontrolli minn 1 % għal 2 % mill-1 ta' Jannar 2009. Barra minn hekk, kienet introdotta dispożizzjoni sabiex tippermetti ż-żieda fil-persentaġġ minimu għal 4 % mill-1 ta' Jannar 2013, basta li l-istatistika turi li aktar minn 90 % tal-vetturi kollha kontrollati huma mgħammra b'takografu diġitali.

Sabiex jiġi żgurat bilanċ tajjeb fil-kontrolli fit-triq u fil-fond ta' l-impriżi l-pożizzjoni komuni tinkludi dispożizzjoni li tiffissa n-numru totali ta' ġranet ta' xogħol kontrollati fit-triq għal 30 % (minimu) u n-numru totali ta' ġranet ta' xogħol kontrollati fil-fond għall-50 % (minimu) mill-1 ta' Jannar 2008.

Il-Kunsill irrifjuta li tiġi inkluża d-Direttiva 2002/15/KE, id-“Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol” fil-firxa ta' dan l-abbozz tad-Direttiva, peress li ried jiffoka fuq l-infurzar tal-ħinijiet attwali ta' sewqan u ta' mistrieħ. Barra minn hekk, “il-ħin ta' xogħol” ma jistax jiġi kontrollat b'ċerta ċertezza permezz ta' l-użu tat-takografu diġitali u għalhekk dan ikun qed jirrendi l-kontrolli fit-triq aktarx diffiċli.

2.   Emendi mill-Parlament

Fir-rigward ta' l-emendi mill-Parlament, il-Kunsill seta' jaċċetta l-emenda 27.

Emendi 3 (cf. premessa 4), 12, 21-22 (il-parti biss li tirrigwarda t-“tip ta' takografu”) u 23 kienu parzjalment aċċettati.

Fir-rigward ta' l-emenda 19, il-Kunsill seta' jilqa' t-talba tal-Parlament sabiex inaqqas in-numru minimu ta' ġranet ta' xogħol kontrollati fit-triq għal 15 %. F'dan il-kuntest jista' jiġi innutat li l-Kunsill iffissa n-numru ta' ġranet kontrollati fil-fond ta' l-impriżi għal 25 % u introduċa perijodu transitorju (sa l-1 ta' Jannar 2008) għal żieda għal 30 % (fit-triq) u 50 % (fond ta' l-impriżi).

Il-Kunsill jikkunsidra wkoll li l-kontenut ta' l-emenda 24 hu kopert fl-Artikolu 4.2(a). Fir-rigward ta' l-emenda 28, il-Kunsill ikkunsidra li l-għan prinċipali tagħha hu diġà kopert fl-Artikoli 4.6 u 6.4. Il-prinċipju li hu l-bażi ta' l-emenda 29 hu diġà kopert fl-Artikolu 9 (“sistema ta' valutazzjoni tar-riskju”) tal-pożizzjoni komuni.

Fir-rigward ta' l-emenda 42 il-Kunsill iddeċieda li jinkludi t-terminu “perijodu ta' mistrieħ fil-ġimgħa” fil-lista li tinsab fl-Anness I A.

Il-Kunsill irrifjuta l-emendi 7, 63, 18, 20, 25, 31, 39, 40, 41 u 66 kif ukoll l-emendi li ġejjin, flimkien ma' kummenti addizzjonali:

emendi 1,12,15,29,34 u 36, peress li l-għan tagħhom kien li tiġi estiża l-firxa ta' l-abbozz tad-Direttiva.

Il-Kunsill irrifjuta wkoll l-inklużjoni ta' definizzjoni ta' “xufier” (emendi 13-14) u dispożizzjoni li tikkonċerna vetturi minn pajjiżi terzi (emenda 16), peress li jikkunsidra li din il-kwistjoni hi koperta fl-abbozz tar-Regolament dwar is-sewqan u l-ħinijiet ta' mistrieħ (“Regolament dwar armonizzazzjoni Soċjali” (4) ); barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet rilevanti msemmija fl-emendi 32, 33, 35, 36, 37 u 38 kienu trasferiti fl-abbozz tar-Regolament dwar il-ħinijiet ta' sewqan u ta' mistrieħ (“Regolament dwar armonizzazzjoni Soċjali”) u għalhekk ma japplikawx aktar hawnhekk;

emenda 5, peress li l-Kunsill jikkunsidra li l-Artikolu 11 ikopri dan it-tħassib b'mod suffiċjenti;

emenda 6, peress li l-Kunsill jikkunsidra li din id-dispożizzjoni postha hu fl-abbozz tar-Regolament propost dwar il-ħinijiet ta' xogħol u ta' sewqan;

emenda 11, peress li jikkunsidra li din it-talba hi diġà impliċita fir-referenza għar-Regolament (KEE) 3820/85;

emenda 26, peress li l-Kunsill iddeċieda li jħalli din il-kwistjoni għad-diskrezzjoni ta' l-uffiċjali ta' l-infurzar;

emenda 30, għalkemm tenfasizza li dispożizzjoni anqas wiesgħa hi inkluża fl-Artikolu 13 (b).

III.   KONKLUŻJONI

Il-Kunsill jikkunsidra li, fil-kuntest tad-“dispożizzjonijiet ċentrali” l-aktar importanti ta' l-abbozz tad-Direttiva - li jappartjenu għaż-żieda fin-numru ta' kontrolli mwettqa minn 1 % għal 3 % matul is-6 snin li ġejjin u l-iffissar ta' persentaġġi minimi tan-numru totali ta' ġranet ta' xogħol kontrollati fit-triq u fil-fond ta' l-impriżi - jidher li ma hemmx diverġenza wiesgħa ta' opinjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-biċċa l-kbira ta' l-emendi li l-Kunsill irrifjuta huma issa jew koperti fl-abbozz tar-Regolament dwar Armonizzazzjoni Soċjali jew kienu jkunu jinvolvu estensjoni maġġuri tal-firxa ta' l-abbozz tad-Direttiva. F'dan l-isfond, il-Kunsill jistenna bil-ħerqa li jilħaq ftehim mal-Parlament fuq dan l-abbozz tad-Direttiva fil-futur qrib.


(1)  dok. 8510/04 CODEC 567 TRANS 160 SOC 184

(2)  ĠU C 241 tat-28.9. 2004, p. 65.

(3)  cf. L-Artikolu 2.2 tad-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE tat-23 ta' Novembru 1988 dwar proċeduri ta' kontroll standard għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru.3820/85 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali fir-rigward tat-trasport bit-triq u r-Regolament (KEE) Nru. 3821/85 dwar tagħmir ta' reġistrazzjoni għal trasport bit-triq (ĠU L 325, tad-29/11/1988, p.55).

(4)  cf. Pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali fir-rigward tat-trasport bit-triq u li temenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri. 3821/85 u 2135/98.


15.3.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

11


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) nru. 12/2005

adottata mill-Kunsill fid-9 ta' Diċembru 2004

bil-għan li jiġi addottat ir-Regolament (KE) nru. …/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-…. dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) nru. 3821/85 u (KE) nru. 2135/98

(2005/C 63 E/02)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Fil-qasam tat-trasport bit-triq, ir-Regolament (KEE) Nru. 3820/85 ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq (3) ipprova jarmonizza l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-metodi ta' trasport fil-pajjiż, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-triq u t-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. Il-progress f'dawn l-oqsma għandu jitħares u jiġi estiż.

(2)

Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' persuni li jwettqu attivitajiet (4) mobbli ta' trasport bit-triq titlob mill-Istati Membri li jadottaw miżuri li jillimitaw il-ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa tal-ħaddiema mobbli.

(3)

Kien hemm diffikultajiet fl-interpretazzjoni, l-applikazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru. 3820/85 dwar ir-regoli tal-ħin ta' sewqan, il- pawżi u l-perjodi ta' mistrieħ għal xufiera involuti fit-trasport nazzjonali u internazzjonali bit-triq fil-Komunità, minħabba t-termini wesgħin użati fihom jiġu abbozzati.

(4)

Infurzar effettiv u uniformi ta' dawk id-dispożizzjonijiet huwa mixtieq jekk l-oġġettivi tagħhom għandhom jintlaħqu u l-applikazzjoni tar-regoli ma tieħux isem ħażin. Għaldaqstant hemm il-bżonn ta' sett ta' regoli aktar ċari u sempliċi, li jkunu jistgħu jinftehmu, jiġu interpretati u applikati b'mod eħfef mill-industrija tat-trasport bit-triq u mill-aġenziji ta' infurzar.

(5)

Il-miżuri msemmija f'dan ir-Regolament dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol ma għandhomx jippreġudikaw id-dritt taż-żewġ naħat ta' l-industrija li jistabbilixxu, b'negozjar kollettiv jew b'xi mod ieħor, dispożizzjonijiet li huma aktar vantaġġużi għall-ħaddiema.

(6)

Huwa mixtieq li jkun definit b'mod ċar il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, billi jkunu speċifikati l-kategoriji ewlenin ta' vetturi inklużi.

(7)

Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq li jsir, jew esklużivament fil-Komunità, jew bejn il-Komunità, l-Iżvizzera u l-pajjiżi li huma parti mill-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

(8)

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ewropew tal-1 ta' Lulju 1970 dwar ix-Xogħol ta' Ekwipaġġi ta' Vetturi Involuti fit-Trasport Internazzjonali bit-Triq (AETR), kif emendat, għandhom jibqgħu japplikaw għat-trasport bit-triq ta' merkanzija u passiġġieri permezz ta' vetturi rreġistrati f'xi Stat Membru jew f'xi pajjiż li huwa parti kontraenti għall-AETR, għall-vjaġġ kollu fejn dak il-vjaġġ huwa bejn il-Komunità u pajjiż barra l-Komunità, l-Iżvizzera u l-pajjizi li huma parti għall-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew jgħaddi minn dak il-pajjiż.

(9)

Fil-każ ta' trasport bit-triq permezz ta' vetturi rreġistrati f'pajjiż terz li ma hux parti kontraenti għall-AETR, id-dispożizzjonijiet ta' l-AETR għandhom japplikaw għal dik il-parti tal-vjaġġ li ssir fil-Komunità jew fil-pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-ftehim AETR.

(10)

Peress li s-suġġett tal-Ftehim AETR jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, is-setgħa li tinnegozja u li tikkonkludi l-Ftehim hija tal-Komunità.

(11)

Jekk xi emenda għar-regoli interni tal-Komunità fil-qasam in kwistjoni titlob emenda korrispondenti għall-AETR, l-Istati Membri għandhom jaġixxu flimkien sabiex iwettqu din l-emenda għall-AETR mill-aktar fis possibli, skond il-proċedura stabbilita f'dak il-ftehim.

(12)

Il-lista ta' l-eżenzjonijiet għandha tkun aġġornata sabiex tirriffletti l-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq matul dawn l-aħħar dsatax-il sena.

(13)

Għandhom jingħataw definizzjonijiet sħaħ tat-termini ewlenin sabiex l-interpretazzjoni ssir eħfef u biex ikun żgurat illi dan ir-Regolament ikun applikat b'mod uniformi. Id-definizzjoni ta' “ġimgħa” li tingħata f'dan ir-Regolament ma għandhiex iżżomm lil xufiera milli jibdew x-xogħol tagħhom f'kull jum tal-ġimgħa.

(14)

Sabiex ikun hemm garanzija ta' infurzar effettiv, huwa essenzjali li l-awtoritajiet adatti, meta jagħmlu l-kontrolli fit-triq u wara perijodu ta' transizzjoni, ikunu kapaċi jassiguraw illi l-ħinijiet tas-sewqan u l-perijodi ta' mistrieħ ġew osservati sewwa fil-jum tal-kontroll u fit-28 jum ta' qabel.

(15)

Hemm bżonn li r-regoli bażiċi dwar il-ħin ta' sewqan ikunu kjarifikati u simplifikati sabiex jippermettu infurzar effettiv u uniformi permezz tat-takografu diġitali skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) 3821/85 ta' l-20 ta' Diċembru dwar it-tagħmir ta' reġistrazzjoni fit-trasport bit-triq (5) u dan ir-Regolament. Minbarra dan, permezz tal-kumitat permanenti, l-awtoritajiet ta' l-infurzar ta' l-Istati Membri għandhom jirsistu biex jilħqu ftehim komuni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(16)

Ġie ppruvat li huwa possibbli taħt ir-regoli tar-Regolament (KEE) Nru. 3820/85 li jkunu skedati perijodi ta' kuljum ta' sewqan u ta' pawżi sabiex ix-xufier li jsuq għal ħin twil wisq mingħajr pawża sħiħa, b'mod li tonqos is-sigurtà fit-triq u jeħżienu l-kondizzjonijiet tax-xogħol tax-xufier. Huwa għalhekk xieraq li jkun żgurat li l-pawżi maqsuma jkunu ppjanati b'mod li ma jkunux jistgħu jsiru abbużi.

(17)

Dan ir-Regolament għandu l-iskop li jtejjeb il-kondizzjonijiet soċjali għall-impjegati li jaqgħu taħtu, kif ukoll li jtejjeb is-sigurtà ġenerali fit-triq. Jagħmel dan prinċipalment permezz tad-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-ħin massimu ta' sewqan kuljum, fil-ġimgħa u kull perijodu ta' ġimagħtejn konsekuttivi, tad-dispożizzjoni li tobbliga lix-xufier jieħu perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa mill-inqas darba kull ġimagħtejn konsekuttivi u tad-dispożizzjonijiet li jitolbu li taħt l-ebda ċirkustanza l-perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum ma jista' jkun anqas minn perijodu mhux interrott ta' disa' sigħat. Peress li dawn id-dispożizzjonijiet jiggarantixxu mistrieħ adegwat, u tenut kont ukoll ta' l-esperjenza fil-prattiċi ta' infurzar fl-aħħar snin, s-sistema ta' kumpens għal perijodi mnaqqsa ta' mistrieħ ta' kuljum ma għadhiex aktar meħtieġa.

(18)

ħafna operazzjonijiet tat-trasport bit-triq fil-Komunità jinvolvu t-trasport bil-lanċa jew bil-ferrovija għal parti mill-vjaġġ. Għandhom għaldaqstant jkunu stabbiliti dispożizzjonijiet ċari u xierqa dwar il-perijodi ta' mistrieħ u ta' pawżi kuljum għal dawn l-operazzjonijiet.

(19)

Tenut kont taż-żieda fit-trasport minn pajjiż għall-ieħor ta' merkanzija u ta' passiġġieri, huwa mixtieq li, fl-interess tas-sigurtà fit-triq u ta' infurzar aħjar tal-kontrolli fit-triq u tal-kontrolli fil-fond ta' l-impriżi, il-ħinijiet tas-sewqan, il-perijodi ta' mistrieħ u ta' pawżi li jsiru fi Stati Membri oħra jew f'pajjiżi terzi jkunu koperti u li jkun determinat jekk ir-regoli relevanti ġewx osservati għal kollox u kif suppost.

(20)

Ir-responsabbiltà ta' l-impriżi tat-trasport għandha tapplika mill-inqas għall-impriżi tat-trasport li huma persuni legali jew naturali, u ma għandhiex teskludi proċeduri kontra persuni fiżiċi li jwettqu, li jxewwxu jew li huma aċċessorji għall-ksur ta' dan ir-Regolament.

(21)

Hemm il-bżonn li x-xufiera li jaħdmu għal diversi impriżi tat-trasport jipprovdu lil kull waħda bl-informazzjoni adegwata sabiex din tkun tista' tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha skond dan ir-Regolament.

(22)

Sabiex ikun promoss il-progress soċjali u tiġi mtejba s-sigurtà fit-triq, kull Stat Membru għandu jżomm id-dritt li jadotta ċerti miżuri xierqa.

(23)

Derogi nazzjonali għandhom jirriflettu l-bidliet fis-settur tat-trasport bit-triq u għandhom ikunu ristretti għal dawk l-elementi li issa mhumiex suġġetti għal pressjonijiet ta' kompetizzjoni.

(24)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli għal vetturi li jintużaw għat-trasport ta' passiġġieri b'servizzi regolari fejn ir-rotta li jagħmlu ma taqbizx il-50 km. Dawk ir-regoli għandhom jipprovdu protezzjoni xierqa fir-rigward tal-ħinijiet tas-sewqan permessi u l-pawżi u l-perijodi ta' mistrieħ imposti.

(25)

Huwa mixtieq, fl-interessi ta' infurzar effettiv, illi s-servizzi nazzjonali u internazzjonali regolari kollha tat-trasport tal-passiġġieri jkunu kkontrollati billi jintuża l-mezz standard ta' reġistrazzjoni.

(26)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali li japplikaw għal ksur ta' dan ir-Regolament u jiżguraw li jkunu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u mhux diskriminatorji. Il-possibilità li vettura tiġi immobilizzata fejn jinstab li hemm ksur serju għandha wkoll tkun inkluża fil-medda komuni ta' miżuri miftuħa għall-Istati Membri. Id-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament dwar penali jew proċeduri ma għandhomx jaffettwaw ir-regoli nazzjonali dwar l-obbligu tal-prova.

(27)

Huwa mixtieq fl-interessi ta' l-infurzar ċar u effettiv li jkunu żgurati dispożizzjonijiet uniformi dwar ir-responsabbiltà ta' impriżi tat-trasport u tax-xufiera għal ksur ta' dan ir-Regolament. Din ir-responsabbiltà tista' twassal għal penali kriminali, ċivili jew amministrattivi skond kif ikun il-każ fl-Istati Membri.

(28)

Billi l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli komuni u ċari dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta' mistrieħ, ma jistax jintlaħaq tajjeb mill-Istati Membri u, għalhekk jista', minħabba l-bżonn ta' azzjoni kordinata, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(29)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għas-setgħat ta' l-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (6).

(30)

Ir-Regolament (KEE) Nru. 3821/85 għandu jkun emendat sabiex jiċċara l-obbligi speċifiċi ta' l-impriżi tat-trasport u tax-xufiera kif ukoll biex jippromwovi ċ-ċertezza legali u biex jiffaċilta l-infurzar tal-ħin ta' sewqan u tal-limiti tal-perijodi ta' mistrieħ fil-kontrolli fit-triq.

(31)

Ir-Regolament (KEE) Nru. 3821/85 għandu wkoll ikun emendat sabiex jiżgura ċ-ċertezza legali fir-rigward tad-dati l-ġodda għall-introduzzjoni tat-takografu diġitali u għad-disponibbiltà tal-kard tax-xufier.

(32)

Għal raġunijiet ta' ċarezza u razzjonalizzazzjoni, ir-Regolament (KEE) Nru. 3820/85 għandu jiġi mħassar u mibdul b'dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ta' Introduzzjoni

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dwar il-ħinijiet ta' sewqan, il-pawżi u l-perijodi ta' mistrieħ għax-xufiera li jaħdmu fit-trasport ta' merkanzija u passiġġieri bit-triq sabiex ikunu armonizzati l-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn il-modi ta' trasport fuq l-art, speċjalment fir-rigward tas-settur tat-triq, u sabiex jittejjbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà fit-triq. Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jippromwovi t-titjib fil-prattika ta' monitoraġġ u ta' infurzar mill-Istati Membri u t-tijib fil-prattiċi ta' xogħol fl-industrija tat-trasport bit-triq.

Artikolu 2

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq:

(a)

ta' merkanzija fejn il-piż massimu permess tal-vetturi, inkluż kwalunkwe karru, jew nofs-karru, jaqbeż it-3.5 tunnellati, jew

(b)

ta' passiġġieri b'vetturi li huma magħmula jew addattati b'mod permanenti sabiex iġorru aktar minn disa' persuni nkluż ix-xufier, u li huma ntiżi għal dak l-iskop.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika, irrispettivament mill-pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-vetturi, għat-trasport bit-triq li jsir:

(a)

esklużivament fil-Komunità; u

(b)

bejn il-Komunità, l-Iżvizzera u l-pajjiżi li huma partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

3.   Il-Ftehim Ewropew dwar ix-Xogħol ta' Ekwipaġġi ta' Vetturi li jaħdmu fit-Trasport Internazzjonali bit-Triq (“AETR”) għandu japplika, minflok dan ir-Regolament, għal operazzjonijiet tat-trasport internazzjonali bit-triq li parti minnhom issir barra ż-żoni msemmija fil-paragrafu 2, għal:

(a)

vetturi reġistrati fil-Komunità jew f'pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-ftehim AETR, għall-vjaġġ kollu;

(b)

vetturi rreġistrati f'pajjiż terz li ma hux parti kontraenti għall-ftehim AETR, għal dik il-parti biss tal-vjaġġ fit-territorju tal-Komunità jew ta' pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-ftehim AETR.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament ma japplikax għat-trasport bit-triq permezz ta':

(a)

vetturi wżati għat-trasport tal-passiġġieri b'servizzi regolari fejn ir-rotta koperta minn dan is-servizz ma taqbiżx il-50 kilometru;

(b)

vetturi b'velocità massima awtorizzata li ma taqbiżx it-30 kilometru fis-siegħa;

(ċ)

vetturi li jkunu proprjetà ta', jew mikrija mingħajr xufier, mis-servizzi armati, d-difiża ċivili, s-servizzi għat-tifi tan-nar u l-forzi responsabbli għaż-żamma ta' l-ordni pubblika fejn it-trasport isir bħala konsegwenza ta' l-obbligi mogħtija lil dawn is-servizzi u jkun taħt il-kontroll tagħhom;

(d)

vetturi wżati f'emerġenzi jew f'operazzjonijiet ta' salvataġġ;

(e)

vetturi speċjalizzati wżati għal skopijiet mediċi;

(f)

vetturi speċjalizzati ta' assistenza f'każ ta' ħsara li joperaw f'raġġ ta' 100 km mill-bażi tagħhom;

(g)

vetturi li jkunu qed isirulhom testijiet fit-triq għal żvilupp tekniku, għal tiswija jew għal skop ta' manutenzjoni, u vetturi ġodda jew li ġew mibnija mill-ġdid li ma jkunux għadhom tqiegħdu fis-servizz;

(h)

vetturi jew kombinazzjoni ta' vetturi b'piż massimu permissibbli li ma jaqbiżx is-7.5 tunnellati wżati għat-trasport mhux kummerċjali ta' merkanzija;

(i)

vetturi kummerċjali, li għandhom stat storiku skond il-liġi ta' l-Istat Membru li fih ikunu misjuqa, u li jintużaw għat-trasport mhux kummerċjali ta' passiġġieri jew ta' merkanzija.

Artikolu 4

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“trasport bit-triq” tfisser kull vjaġġ li jsir kollu jew parti minnu f'toroq miftuħa għall-pubbliku minn vettura, kemm jekk ikollha tagħbija jew le, wżata għat-trasport ta' passiġġieri jew ta' merkanzija;

(b)

“vettura” tfisser vettura bil-mutur, tractor, karru jew nofs-karru jew kombinazzjoni ta' dawn il-vetturi, definiti kif ġej:

“vettura bil-mutur”: kull vettura li titmexxa bil-magni tagħha stess fit-triq, minbarra vettura li timxi b'mod permanenti fuq il-binarji, u li normalment tintuża għat-trasport ta' passiġġieri jew ta' merkanzija;

tractor”: kull vettura li titmexxa bil-magni tagħha stess fit-triq, minbarra vettura li timxi b'mod permanenti fuq il-binarji, u maħsuba speċjalment biex tiġbed, timbotta jew iċċaqlaq karrijet, nofs-karrijiet, għodod jew magni;

“karru”: kull vettura ddisinjata sabiex tingħaqad ma' vettura bil-mutur jew tractor;

“nofs-karru”: karru mingħajr fus tar-rota ta' quddiem ikkombinat b'tali mod li parti sostanzjali mill-piż tiegħu u l-piż tat-tagħbija tiegħu jinġarru miit-tractor jew il-vettura bil-mutur;

(ċ)

“xufier” tfisser kull persuna li ssuq il-vettura anki jekk għal perijodu qasir, jew li tkun qed tinġarr fil-vettura sabiex tkun disponibbli għas-sewqan jekk ikun hekk meħtieġ;

(d)

“pawżi” tfisser kull perijodu li fih ix-xufier ma jistax iwettaq sewqan jew xogħol ieħor u li jintuża esklużivament għall-irkupru;

(e)

“xogħol ieħor” tfisser l-attivitajiet kollha li huma definiti bħala ħin ta' xogħol fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/15/KE ħlief “sewqan”, kif ukoll kull xogħol għall-istess persuna li tħaddem jew għal xi persuna oħra li tħaddem, kemm fis-settur kif ukoll barra s-settur tat-trasport;

(f)

“ħin ta' mistrieħ” tfisser kwalunkwe perijodu bla interruzzjoni li fih ix-xufier jista' jagħmel li jrid bil-ħin tiegħu.

(g)

“perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum” tfisser il-perijodu ta' kuljum li fih ix-xufier jista' jagħmel li jrid bil-ħin tiegħu u jkopri “perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum” jew “perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kuljum”:

“perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum” tfisser kull perijodu bla interruzzjoni ta' mistrieħ ta' mill-inqas 11-il siegħa. Bħala alternattiva, dan il-perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum jista' jittieħed f'żewġ perijodi, l-ewwel wieħed għandu jkun perijodu bla interruzzjoni ta' mill-inqas 3 sigħat u t-tieni wieħed ikun perijodu bla interruzzjoni ta' mill-inqas 9 sigħat.

“perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kuljum” tfisser kull perijodu bla interruzzjoni ta' mistrieħ ta' mill-inqas 9 sigħat imma anqas minn 11-il siegħa;

(h)

“perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa” tfisser perijodu bla interuzzjoni ta' mistrieħ li matulu x-xufier jista' juża l-ħin tiegħu kif irid u jkopri “perijodu regolari ta' mistrieħ fil-ġimgħa” jew “perijodu mnaqqas ta' mistrieħ fil-ġimgħa”.

“perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa” tfisser kwalunkwe perijodu bla interuzzjoni ta' mistrieħ mill-inqas ta' 45 siegħa.

“perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa” tfisser kull perijodu ta' mistrieħ bla interuzzjoni ta' anqas minn 45 siegħa, li jista', bla ħsara għall-kondizzjonijiet fl-Artikolu 8(6), jitqassar għal minimu ta' 24 siegħa konsekuttivi;

(i)

“ġimgħa” tfisser il-perijodu ta' ħin bejn 00.00 tat-Tnejn u 24.00 tal-Ħadd;

(j)

“ħin ta' sewqan ta' kuljum” tfisser it-total tal-ħin akkumulat ta' sewqan bejn it-tmiem ta' perijodu ta' mistrieħ wieħed ta' kuljum u l-bidu tal-perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum ta' wara jew bejn perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum u perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa;

(k)

“ħin ta' sewqan ta' kull ġimgħa” tfisser it-total tal-ħin akkumulat ta'sewqan f'ġimgħa;

(l)

“piż massimu permissibbli” tfisser il-piż massimu awtorizzat li tista' topera bih il-vettura li jkolha tagħbija sħiħa;

(m)

“servizzi regolari tal-passiġġieri” tfisser is-servizzi nazzjonali u internazzjonali kif definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 684/92 tas-16 ta' Marzu 1992 dwar ir-regoli komuni għat-trasport internazzjonali ta' passiġġieri b'kowċ u b'xarabank (7);

(n)

multi-manning” tfisser sitwazzjoni li fiha xufier jagħmel multi-manning ta' vettura jekk ikun hemm, matul il-perijodi ta' sewqan bejn kwalunkwe żewġ perijodi wara xulxin ta' mistrieħ ta' kuljum, jew bejn perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum u perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa, mill-inqas xufier ieħor fil-vettura biex isuq. Għall-ewwel siegħa ta' multi-manning il-preżenza ta' xufier ieħor jew xufiera oħra mhijiex obbligatorja iżda għall-bqija tal-ħin hija obbligatorja;

(o)

“impriża tat-trasport” tfisser kull persuna naturali, kull persuna fiżika, kull assoċjazzjoni jew grupp ta' persuni mingħajr personalità legali, kemm jekk jagħmlu profitt u kemm jekk le, jew kull korp uffiċjali, kemm jekk għandu personalità ġuridika u kemm jekk jiddependi fuq awtorità li għandha din il-personalità, li jwettqu trasport bit-triq, kemm jekk b'kiri u b'kumpens jew b'akkont tal-persuna nnifisha.

(p)

“Perijodu ta' sewqan” ifisser il-ħin ta' sewqan akkumulat minn meta xufier jibda jsuq wara perijodu ta' mistrieħ jew pawża regolata sakemm hu jieħu perijodu ta' mistrieħ jew pawża regolata. Il-perijodu ta' sewqan jista' jkun kontinwu jew imqassam.

(q)

“Pawża regolata” tfisser pawża bla interruzzjoni, suġġetta għal minimu ta' ħmistax-il minuta, ta' mhux anqas minn ħames minuti kull nofs siegħa, jew parti minnha, ta' ħin ta' sewqan akkumulat fil-ħin meta tibda l-pawża regolata.

KAPITOLU II

Ekwipaġġ, ħinijiet tas-sewqan, pawżi u perijodi ta' mistrieħ

Artikolu 5

1.   L-età minima għal xufiera għandha tkun ta' 18-il sena.

2.   L-età minima għal assistenti tax-xufiera għandha tkun ta' 18-il sena. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-età minima għal assistenti tax-xufiera għal 16-il sena kemm-il darba:

(a)

it-trasport bit-triq isir fi Stat Membru f'raġġ ta' 50 kilometru mill-post fejn il-vettura hija bbażata, inklużi żoni amministrattivi lokali li għandhom iċ-ċentru tagħhom f'dak ir-raġġ,

(b)

it-tnaqqis huwa għal skopijiet ta' taħriġ vokazzjonali; u

(ċ)

ikun hemm konformità mal-limiti imposti mir-regoli nazzjonali ta' l-Istat Membru dwar kwistjonijiet ta' impjieg.

Artikolu 6

1.   Il-ħin ta' sewqan ta' kuljum ma għandux jeċċedi d-disa' sigħat.

Madankollu, il-ħin ta' sewqan ta' kuljum jista jiġi estiż għal massimu ta' 10 sigħat mhux aktar minn darbtejn f'-ġimgħa.

2.   Il-ħin ta' sewqan ta' kull ġimgħa ma għandux jeċċedi is-56 siegħa u ma għandux jeċċedi l-ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa kif stabbilit fid-Direttiva 2002/15/KE.

3.   It-total tal-ħin akkumulat tas-sewqan matul kull ġimagħtejn konsekuttivi ma għandux jeċċedi 90 siegħa.

4.   Il-ħinijiet tas-sewqan ta' kuljum u ta' kull ġimgħa għandhom jinkludu l-ħin kollu ta' sewqan fit-territorju tal-Komunità jew ta' pajjiz terz.

5.   Ix-xufier għandu jirreġistra bħala “xogħol ieħor” kull ħin li jagħmel kif deskritt fl-Artikolu 4(e) kif ukoll kull ħin li jagħmel isuq il-vettura wżata għal operazzjonijiet kummerċjali li ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, u għandu jirreġistra kull perijodu ta' “disponibbiltà”, kif definiti fl-Artikolu 15(3)(ċ) tar-Regolament (KEE) Nru. 3821/85, mill-aħħar perijodu tiegħu ta' mistrieħ ta' kuljum jew ta' kull ġimgħa. Dan ir-rekord għandu jitniżżel manwalment fuq folja li fiha jiddaħħlu r-rekords, fuq karta stampata jew bl-użu ta' faċilitajiet oħra ta' reġistrazzjoni manwali fuq it-tagħmir ta' reġistrazzjoni.

Artikolu 7

Wara perijodu ta' sewqan ta' erba' sigħat u nofs, xufier għandu jieħu pawża bla interruzzjoni ta' mhux anqas minn ħamsa u erbgħin minuta, sakemm ma jieħux perijodu ta' mistrieħ.

Il-pawża regolata minima li tikkorrispondi ma' kull perijodu ta' sewqan possibbli hija kif tidher fit-tabella ta' hawn taħt.

Perijodu ta' sewqan

Pawża minima regolata

0 - 90 minuta

15-il minuta

91 - 120 minuta

20 minuta

121 - 150 minuta

25 minuta

151 - 180 minuta

30 minuta

181 - 210 minuti

35 minuta

211 - 240 minuta

40 minuta

241 - 270 minuta (massimu)

45 minuta

Artikolu 8

1.   Ix-xufier għandu jieħu perijodi ta' mistrieħ ta' kuljum u ta' kull ġimgħa.

2.   F'kull perijodu ta' 24 siegħa wara t-tmiem tal-perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum ta' qabel jew il-perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa ta' qabel ix-xufier għandu jkun ħa perijodu ġdid ta' mistrieħ ta' kuljum.

Jekk il-porzjon tal-perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum li taqa' f'dak il-perijodu ta' 24 siegħa huwa mhux inqas minn 9 sigħat imma inqas minn 11-il siegħa, il-perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum għandu jitqies bħala perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kuljum.

3.   Perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum jista' jkun estiż biex jagħmel perijodu regolari ta' mistrieħ fil-ġimgħa jew perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa.

4.   Xufier jista' jkollu ta' l-aktar tliet perijodi mnaqqsa ta' mistrieħ ta' kuljum bejn kull żewġ perijodi ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa.

5.   B'deroga mill-paragrafu 2, fi żmien 30 siegħa minn tmiem ta' perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum jew ta' kull ġimgħa, xufier li jkun għamel 'multi-manning' għandu jkun ħa perijodu ġdid ta' mistrieħ ta' kuljum ta' mhux inqas minn 9 sigħat.

6.   F'kull ġimagħtejn konsekuttivi, xufier għandu jieħu mill-inqas:

żewġ perijodi regolari ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa, jew

perijodu wieħed regolari ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa u perijodu wieħed mnaqqas ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa ta' mhux inqas minn 24 siegħa. Madankollu, it-tnaqqis għandu jkun ikkumpensat minn mistrieħ ekwivalenti meħud en bloc qabel tmiem it-tielet ġimgħa wara l-ġimgħa in kwistjoni.

Perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa għandu jibda mhux aktar tard mit-tmiem ta' sitt perijodi ta' 24 siegħa il-wieħed mit-tmiem tal-perijodu ta' qabel ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa.

7.   Kwlaunkwe mistrieħ meħud bħala kumpens għal perijodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa għandu jittieħed flimkien ma' perijodu ieħor ta' mistrieħ ta' mill-inqas disa' sigħat.

8.   Perijodi ta' mistrieħ ta' kuljum u perijodi imnaqqsa ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa 'il bogħod mill-bażi jistgħu jittieħdu f'vettura, kemm-il darba din ikollha faċilitajiet għall-irqad xierqa għal kull xufier u l-vettura tkun wieqfa.

9.   Perijodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa li jiġi f'ġimagħtejn jista' jitqies f'xi waħda minn dawk il-ġimagħt, iżda mhux fit-tnejn.

Artikolu 9

1.   B'deroga mill-Artikolu 8, fejn ix-xufier jakkumpanja vettura li tkun qed tinġarr b'lanċa jew b'ferrovija, u jieħu perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum, dak il-perijodu jista' jkun interott mhux aktar minn darbtejn minn attivitajiet oħra li fit-total tagħhom ma jeċċedux siegħa.

2.   Matul il-perijodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum imsemmi fil-paragrafu 1, ix-xufier għandu jkollu aċċess għal sodda jew couchette.

KAPITOLU III

Responsabbiltà ta' l-impriża

Artikolu 10

1.   Impriża tat-trasport ma għandhiex tagħti lix-xufiera li timpjega jew li jkunu għad-dispożizzjoni tagħha xi ħlas, anke jekk ikun fil-forma ta' bonus jew żieda mal-paga, li jkun relatat mad-distanza tal-vjaġġ li jkun sar u/jew l-ammont ta' merkanzija li nġarret jekk dak il-ħlas ikun tali li jista' jipperikola s-sigurtà fit-triq.

2.   Iimpriża tat-trasport għandha torganizza x-xogħol tax-xufiera msemmija fil-paragrafu 1 b'tali mod illi x-xufiera jkunu jistgħu jikkonformaw mar-Regolament (KEE) Nru. 3821/85 u l-Kapitolu II ta' dan ir-Regolament. L-impriża tat-trasport għandha tagħti struzzjonijiet kif jixraq lix-xufier u għandha tagħmel kontrolli regolari sabiex tiżgura l-konformità mar-Regolament (KEE) Nru. 3821/85 u l-Kapitolu II ta' dan ir-Regolament.

3.   Impriża tat-trasport hija responsabbli għal ksur li jsir mix-xufiera ta' l-impriża, anki jekk il-ksur ikun sar fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

Bla ħsara għad-dritt ta' l-Istati Membri li jżommu impriżi tat-trasport kompletament responsabbli, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu din ir-responsabbiltà kondizzjonali fuq il-ksur mill-impriża tal-paragrafi 1 u 2. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw kull prova li l-impriża tat-trasport ma tistax b'mod raġonevoli tinżamm responsabbli għall-ksur li jkun sar.

4.   Impriżi, kunsinjatarji, burdnara, operaturi ta' ġiti, kuntratturi prinċipali, sub-kuntratturi u l-aġenziji għall-impjieg tax-xufiera għandhom jiżguraw illi l-iskedi tal-ħin tat-trasport miftiehma f'kuntratt iħarsu d-dispożizzjonijiet ta'dan ir-Regolament.

5.

(a)

Impriża tat-trasport li tuża vetturi li jkunu mgħammra b'tagħmir ta' reġistrazzjoni li jikkonforma ma' l-Anness IB tar-Regolament (KEE) 3821/85 u li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha:

(i)

tiżgura illi d-data kollha tkun trasferita mit-tagħmir fil-vettura u mill-kard tax-xufier b'mod regolari kif stipulat mill-Istat Membru u li d-data relevanti tkun trasferita aktar ta' spiss sabiex tiżgura li tkun trasferita d-data kollha dwar attivitajiet li jkunu saru minn jew għal dik l-impriża;

(ii)

tiżgura li d-data kollha trasferita kemm mil-tagħmir fil-vettura kif ukoll mill-kard tax-xufier tinżamm mill-inqas għal tnax-il xahar wara li tkun ġiet irrekordjata u jekk tintalab minn uffiċjal awtorizzat li jispezzjona, din id-data hija, jew direttament jew mill-bogħod, mill-fond ta' l-impriża;

(b)

“trasferiment” f'dan il-paragrafu għandu jkun interpretat skond id-definizzjoni mniżżla fil-Anness I B, Kapitolu I punt (5) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 3821/85;

(ċ)

Il-perijodu massimu li fih d-data relevanti għandha tkun trasferita skond (a)(i) għandu jkun deċiż mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2).

KAPITOLU IV

Eċċezzjonijiet

Artikolu 11

Stat Membru jista' japplika minimi itwal ta' pawżi u perijodi ta' mistrieħ jew massimi iqsar ta' ħin ta' sewqan minn dawk imniżżla fl-Artikoli 6 sa 9 fil-każ ta' trasport fit-triq li jsir kollu kemm hu fit-territorju tiegħu. Madankollu, r-Regolament għandu jibqa' japplika għal xufiera li jwettqu operazzjonijiet internazzjonali ta' trasport.

Artikolu 12

Sakemm ma tiġix preġudikata s-sigurtà fit-triq u sabiex il-vetturi jkunu jistgħu jaslu sa post ta' waqfien addatt, ix-xufier jista' jitbiegħed mill-Artikoli 6 sa 9 sal-livell meħtieġ biex jiżgura s-sigurtà tal-persuni, tal-vettura jew tat-tagħbija tagħha. Ix-xufier għandu jindika r-raġuni għaliex ikun hekk tbiegħed b'mod manwali fuq il-folja ta' reġistrazzjoni tat-tagħmir ta' reġistrazzjoni jew fuq karta stampata mit-tagħmir tar-reġistrazzjoni jew fir-roster tax-xogħol, mhux aktar tard minn meta jasal f'post adatt għal waqfien.

Artikolu 13

1.   Sakemm ma jkunux preġudikati l-għanijiet ta' l-Artikolu 1, kull Stat Membru jista' jagħti eċċezzjonijiet għall-Artikoli 5 sa 9 fit-territorju tiegħu stess jew, bi ftehim ma' l-Istati kkonċernati, fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, li jkunu applikabbli għat-trasport b' dawn li ġejjin:

(a)

vetturi li huma proprjetà ta', jew li jkunu mikrija mingħajr xufier minn awtoritajiet pubbliċi biex jagħmlu trasport fit-triq li ma jikkompetix ma' impriżi privati tat-trasport;

(b)

vetturi wżati jew mikrija mingħajr ix-xufier minn impriżi ta' agrikoltura, ortikultura, forestrija, biedja jew sajd għat-trasport ta' merkanzija bħala parti mill-attività intraprenditorjali tagħhom stess f'raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi ta' l-impriża;

(ċ)

tractors għall-agrikoltura u tractors għall-forestrija wżati għal attivitajiet agrikoli jew ta' forestrija, f'raġġ li ma jaqbiżx il-100 km mill-bażi ta' l-impriża li tkun il-proprjetarja tal-vettura, jew tikriha jew twelliha;

(d)

vetturi jew kombinazzjoni ta' vetturi b'piż massimu permissibbli li ma jaqbiżx is-7.5 tunnellati wżati minn fornituri ta' servizzi universali kif imfisser f'Artikolu 2(13) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewroprew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern ta' servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (8) biex iwasslu oġġetti bħala parti mis-servizz universali jew użati sabiex iġorru materjal jew tagħmir għall-użu tax-xufier matul ix-xogħol tiegħu. Dawn il-vetturi għandhom jintużaw biss f'raġġ ta' 50 kilometru mill-bażi ta' l-impriża, u bil-kondizzjoni illi s-sewqan tal-vetturi ma jkunx l-attività prinċipali tax-xufier;

(e)

vetturi li joperaw b'mod esklużiv fuq gzejjer li ma jaqbżux l-2 300 kilometru kwadru f'żona li ma tkunx magħquda mal-bqija tat-territorju nazzjonali permezz ta' pont, baxxfond jew mina miftuħa għall-użu minn vetturi bil-mutur;

(f)

vetturi wżati għat-trasport tal-merkanzija f'raġġ ta' 50 km mill-bażi ta' l-impriża u li jaħdmu bil-gass naturali jew likwifikat jew bl-elettriku b'piż massimu permissibbli li, meta jkun inkluż il-piż ta' karru jew nofs-karru, ma jaqbiżx is-7,5 tunnellati;

(g)

vetturi wżati għat-tagħlim u l-eżamiinazzjoni bl-iskop li tinkiseb liċenzja tas-sewqan jew ċertifikat ta' kompetenza professjonali, sakemm dawn ma jkunux qegħdin jintużaw għat-trasport kummerċjali ta' merkanzija jew ta' passiġġieri;

(h)

vetturi wżati b'konnessjoni ma' servizzi ta' dranaġġ, ta' protezzjoni mill-għargħar, jew ta' l-ilma, mal-manutenzjoni u l-kontroll tat-toroq, jew ma' servizzi ta' ġbir ta' skart bieb b'bieb jew ta' rimi ta' skart;

(i)

vetturi b'10 sa 17-il sedil użati esklużivament għat-trasport mhux kummerċjali tal-passiġġieri;

(j)

vetturi speċjalizzati li jġorru tagħmir taċ-ċirku u ta' fun-fairs;

(k)

vetturi mgħammra partikolarment għal proġetti mobbli, li l-iskop primarju tagħhom huwa li jintużaw bħala faċilità edukattiva meta jkunu wieqfa;

(l)

vetturi wżati għall-ġbir tal-ħalib minn irziezet u t-twassil lura fl-irziezet ta' kontenituri tal-ħalib jew ta' prodotti tal-ħalib intiżi bħala għalf għall-annimali;

(m)

vetturi speċjalizzati li jġorru flus u/jew oġġetti ta' valur;

(n)

vetturi wżati sabiex iġorru skart jew karkassi ta' annimali li ma jkunux intiżi għall-konsum mill-bniedem;

(o)

vetturi wżati esklużivament f'toroq li jinsabu f'faċilitajiet ċentrali ta' attività bħal portijiet, interportijet u termini tal-ferrovija.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-eċċezzjonijiet mogħtija taħt il-paragrafu 1 u l-Kummissjoni għandha tavża lill-Istati Membri l-oħra dwar dan.

3.   Sakemm ma jiġux preġudikati l-għanijiet imniżżla fl-Artikolu 1 u tingħata protezzjoni xierqa lix-xufiera, Stat Membru jista', wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni, jagħti eżenzjonijiet żgħar minn dan ir-Regolament fit-territorju tiegħu għal vetturi li jintużaw f'żoni li jiġu stabbiliti minn qabel b'densità tal-popolazzjoni ta' anqas minn 5 persuni għal kull kilometru kwadru, fil-każijiet li ġejjin:

servizzi domestiċi regolari tal-passiġġieri, fejn l-iskeda tagħhom tkun konfermata mill-awtoritajiet (u f'dan il-każ eżenzjonjiet rigward pawżi biss huma permessi), u

operazzjonijiet domestiċi ta' trasport ta' merkanzija bit-triq fuq akkont ta' persuna nnifisha jew b'kiri jew b'kumpens, li ma għandhomx impatt fuq is-suq intern u li huma bżonnjużi sabiex imantnu ċerti setturi ta' l-industrija fit-territorju konċernat u fejn id-dispożizzjonijiet ta' eżenzjoni ta' dan ir-Regolament jimponu raġġ limitat sa 100 km.

It-trasport bit-triq taħt din l-eżenzjoni jista' jinkludi vjaġġ għal żona b'densità ta' popolazzjoni ta' 5 persuni jew aktar għal kull kilometru kwadru biss sabiex jintemm jew jinbeda l-vjaġġ. Kull miżura bħal din għandha tkun proporzjonata fin-natura u l-firxa ta' applikazzjoni tagħha.

Artikolu 14

1.   Sakemm ma jiġu preġudikati l-għanijiet mniżżla fl-Artikolu 1, l-Istati Membri jistgħu, awtorizzati mill-Kummissjoni, jagħtu eċċezzjonijiet mill-applikazzjoni ta' l-Artikoli 6 sa 9 ta' dan ir-Regolament għal operazzjonijiet tat-trasport li jsiru f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

2.   F'każijiet urġenti l-Istati Membri jistgħu jagħtu eċċezzjoni temporanja għal perijodu li ma jaqbiżx it-tletin jum, u din għandha tkun notifikata minnufih lill-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra b'kull eċċezzjoni mogħtija skond dan l-Artikolu.

Artikolu 15

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi x-xufiera tal-vetturi li għalihom issir referenza fl-Artikolu 3(a) huma ggvernati mir-regoli nazzjonali li jipprovdu protezzjoni xierqa fir-rigward tal-ħinijiet permessi tas-sewqan u l-pawżi u l-perijodi ta' mistrieħ imposti.

KAPITOLU V

Proċeduri ta' kontroll u sanzjonijiet

Artikolu 16

1.   Meta ma jkun installat fil-vettura l-ebda tagħmir ta' reġistrazzjoni skond ir-Regolament (KEE) 3821/85, il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw għal:

(a)

servizzi regolari nazzjonali ta' passiġġieri, u

(b)

servizzi regolari internazzjonali ta' passiġġieri li l-vened tar-rotta tagħhom jinsabu f'distanza massima ta' 50 km f'linja dritta minn fruntiera bejn żewġ Stati Membri u li t-tul tar-rotta tagħhom ma teċċedix il-100 km.

2.   L-impriża tat-trasport għandha tagħmel skeda tas-servizz u roster tax-xogħol li għandhom juru, fir-rigward ta' kull xufier, l-isem, il-post fejn huwa bbażat u l-iskeda bil-quddiem għal diversi perijodi ta' sewqan, xogħol ieħor, pawżi u disponibbiltà.

Kull xufier li jingħata jaħdem servizz imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jġorr miegħu estratt mir-roster tax-xogħol u kopja ta' l-iskeda tas-servizz.

3.   Ir-roster tax-xogħol għandu:

(a)

jinkludi l-dettalji kollha mniżżla fil-paragrafu 2 għal perijodu minimu li jkopri it-28 jum ta' qabel; dawn il-partikolaritajiet għandhom ikunu aġġornati f'intervalli regolari, u ma jistax ikun hemm dewmien ta' aktar minn xahar bejniethom;

(b)

ikun iffirmat mill-kap ta' l-impriża tat-trasport jew minn persuna awtorizzata li tirrapreżentah;

(ċ)

jinżamm mill-impriża tat-trasport għal sena wara l-għeluq tal-perijodu kopert minnha. L-impriża tat-trasport għandha, meta tintalab, tagħti estratt mir-roster lix-xufiera kkonċernati; u

(d)

jiġi ppreżentat u jingħata fuq talba ta' l-uffiċjal awtorizzat li jispezzjona.

Artikolu 17

1.   L-Istati Membri għandhom, bil-mod standard stabbilit fid-Deċiżjoni 93/173/KEE (9), jibagħtu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni sabiex tkun tista', ta' kull sentejn, tagħmel rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru. 3821/85 u żviluppi fl-oqsma in kwistjoni.

2.   Din l-informazzjoni għandha tkun komunikata lill-Kummissjoni mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru tas-sena li tiġi wara t-tmiem tal-perijodu ta' sentejn ikkonċernat.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien 13-il xahar mit-tmiem tal-perijodu ta' sentejn ikkonċernat.

Artikolu 18

L-Istati Membri għandhom jadottaw dawk il-miżuri li jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 19

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali li japplikaw għal ksur ta' dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru. 3821/85 u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw illi jkunu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u b'mod li ma jiddiskriminawx. L-ebda ksur ta' dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru. 3821/85 ma għandu jkun suġġett għal aktar minn penali jew proċedura waħda. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawn il-miżuri sad-data imsemmija fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 29. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar dan.

2.   Stat Membru għandu jagħti l-kapaċità lill-awtoritajiet kompetenti li jimponu penali fuq impriża u/jew xufier għal ksur ta' dan ir-Regolament li jinqabad fit-territorju tiegħu u li għalih tkun għadha ma ġietx imposta penali, anki meta dak il-ksur ikun sar fit-territorju ta' Stat Membru ieħor jew ta' pajjiz terz.

Bħala eċċezzjoni, fejn jinstab ksur:

li ma jkunx sar fit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat, u

li jkun sar minn impriża stabbilita, jew minn xufier li għandu l-post ta' l-impjieg tiegħu, fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz:

Stat Membru jista', sa l-1 ta' Jannar 2009, minflok ma jimponi penali, jinnotifika bil-fatti tal-ksur lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz fejn l-impriża hija stabbilita jew fejn ix-xufier għandu l-post ta' l-impjieg tiegħu.

3.   Kull meta Stat Membru jibda proċeduri jew jimponi penali għal ksur partikolari għandu jagħti lix-xufier prova xierqa ta' dan bil-miktub.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi sistema ta' penali proporzjonati, li jistgħu jinkludu penali finanzjarji, tkun fis-seħħ għal ksur ta' dan ir-Regolament jew ir-Regolament (KEE) Nru. 3821/85 minn impriżi, jew kunsinjatarji, burdnara, operaturi tal-ġiti, kuntratturi prinċipali, sub-kuntratturi u aġenziji għall-impjieg ta' xufiera li jkunu assoċjati ma' impriżi.

Artikolu 20

1.   Ix-xufier għandu jżomm kull prova li tingħata minn Stat Membru dwar penali imposti jew il-bidu ta' proċeduri sakemm l-istess ksur ta' dan ir-Regolament ma jkunx jista' jwassal aktar għal tieni proċedura jew penali skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

2.   Ix-xufier għandu jagħti, meta jintalab, l-evidenza msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Xufier li jkun impjegat jew li jkun qiegħed għad-dispożizzjoni ta' aktar minn impriża waħda tat-trasport għandu jagħti informazzjoni biżżejjed lil kull impriża biex tkun tista' tikkonforma mal-Kapitolu II.

Artikolu 21

Meta Stat Membru jqis illi kien hemm ksur ta' dan ir-Regolament li huwa tali li jista' b'mod ċar jipperikola s-sigurtà fit-triq, dan għandu jkollu s-setgħa li jwaqqaf il-vettura kkonċernata sakemm il-kawża tal-ksur tkun rettifikata. L-Istati Membri jistgħu jġiegħlu lix-xufier jieħu perijodu ta' mistrieħ ta' kuljum. L-Istati Membri jistgħu wkoll jirtiraw, jissospendu jew jirrestrinġu l-liċenzja ta' l-impriża, jekk l-impriża tkun stabbilita f'dak l-Istat Membru, jew jirtiraw, jissospendu jew jirrestrinġu l-liċenzja tas-sewqan ta' xufier. Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 24(2) għandu jiżviluppa linji gwida bil-għan li jippromwovu applikazzjoni armonizzata ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 22

1.   L-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u biex jikkontrollaw li hemm konformità miegħu.

2.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jiskambjaw b'mod regolari l-informazzjoni kollha disponibbli dwar:

(a)

il-ksur tar-regoli mniżżla fil-Kapitolu II minn persuni li mhumiex residenti u kull penali imposta għal dan il-ksur;

(b)

il-penali imposti minn Stat Membru fuq ir-residenti tiegħu għal ksur bħal dan li jitwettaq fi Stati Membri oħra.

3.   L-Istati Membri għandhom jibgħatu regolarment l-informazzjoni relevanti dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni nazzjonali ta' dan ir-Regolament lill-Kummissjoni, li għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli fil-forma elettronika lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 23

Il-Komunità għandha tidħol f'kull negozjati ma' pajjiżi terzi li jistgħu jkunu meħtieġa sabiex ikun implimentat dan ir-Regolament.

Artikolu 24

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat imsemmi f'Artikolu 18(1) tar-Regolament (KEE) Nru. 3821/85.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 25

1.   B'talba ta' Stat Membru, jew b'inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha:

(a)

teżamina każijiet fejn iqumu differenzi fl-applikazzjoni u l-infurzar ta' kull dispożizzjoni ta' dan ir-Regolament u b'mod partikolari dwar il-ħinijiet tas-sewqan, il- pawżi u l-perijodi ta' mistrieħ;

(b)

tiċċara d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, bl-iskop li tippromovi approċċ komuni.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar approċċ rakkommandat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 24(2). Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri.

KAPITOLU VI

Dispożizzjonijiet Finali

Artikolu 26

Ir-Regolament (KEE) Nru. 3821/85 għandu jinbidel b'li ġej:

1.

L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

“Artikolu 2

Għall-fini ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw it-tifsiriet li hemm fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru. …. tal-Parlament u tal-Kunsill ta' …. dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru. 3821/85 u (KE) Nru. 2135/98 (*1).

(*1)  ĠU L.......”;"

2.

L-Artikolu 3(1), (2) u (3) għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

“1.   It-tagħmir ta' reġistrazzjoni għandu jkun stallat u wżat fil-vetturi reġistrati fi Stat Membru li jintużaw għat-trasport ta' passiġġieri jew ta' merkanzija bit-triq, ħlief il-vetturi msemmija fl-Artikoli 3 u 16 (1) tar-Regolament (KE) Nru.... (*2) u vetturi, li kienu eżentati mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru. 3820/85, iżda li ma għadhomx eżentati taħt ir-Regolament … (*2) għandu jkollhom sal-31 ta' Diċembru 2007 biex jikkonformaw ma' dan ir-rekwiżit.

2.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-vetturi msemmija fl-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament (KEE) Nru. 3820/85 mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri jistgħu, wara awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, jeżentaw mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament il-vetturi wżati għall-operazzjonijiet tat-trasport imsemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament … (*2).”;

3.

L-Artikolu 14(2) għandu jinbidel kif ġej:

“2.   L-impriża għandha żżomm il-folji tar-rekords u l-karti stampati, kull meta jkunu nħarġu dawn il-karti stampati biex ikun hemm konformità ma' l-Artikolu 15(1), f'ordni kronoloġika u f'forma li tista' tinqara għal mill-inqas minn sena wara l-użu tagħhom u għandha tagħti kopji lix-xufiera kkonċernati li jitolbu għalihom. L-impriża għandha wkoll tagħti kopja tad-data mniżżla mill-kards tax-xufier, x-xufiera kkonċernati li jitolbuhom u l-karti stampati ta' dawn il-kopji. Il-folji ta' reġistrazzjoni, il-karti stampati u l-informazzjoni mniżżla għandhom jintwerew jew jingħataw meta mitluba minn kull uffiċjal awtorizzat li jispezzjona.”;

4.

L-Artikolu 15 għandu jiġi emendat kif ġej:

Fil-paragrafu 1, għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fejn il-kard tax-xufier titħassar, ma tibqax taħdem tajjeb jew ma tkunx fil-pussess tax-xufier, ix-xufier għandu:

(i)

fil-bidu tal-vjaġġ tiegħu, jistampa d-dettalji tal-vettura li jkun qiegħed isuq ix-xufier, u għandu jdaħħal f'dik il-karta stampata:

(a)

id-dettalji li bihom ix-xufier jista' jiġi identifikat (l-isem, il-kard tax-xufier jew in-numru tal-liċenzja tax-xufier), inkluża l-firma tiegħu;

(b)

il-perijodi msemmija fil-paragrafu 3, it-tieni inċiż (b), (ċ) u (d).

(ii)

fl-aħħar tal-vjaġġ, jistampa l-informazzjoni dwar il-perijodi ta' ħin irreġistrati mit-tagħmir tar-reġistrazzjoni, jirreġistra kull perijodu ta' xogħol ieħor, disponibbiltà u mistrieħ li jkun ħa mill-ħin mindu kienet stampata il-folja fil-bidu tal-vjaġġ, meta ma jkunx reġistrat mit-takografu, u jimmarka fuq dak id-dokument id-dettalji li bihom ix-xufier jista' jiġi identifikat (l-isem, il-kard tax-xufier jew in-numru tal-liċenzja tax-xufier), inkluża l-firma tiegħu.”;

Il-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Meta x-xufier ma jkunx jista' juża t-tagħmir stallat fil-vettura minħabba li x-xufier kien 'il bogħod mill-vettura, il-perijodi tal-ħin imsemmija fil-paragrafu 3, it-tieni inċiż (b), (ċ) u (d) għandhom:

(i)

jekk il-vettura tkun stallata b'tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness I, jiddaħħlu fil-folja tar-rekords, jew manwalment, jew b'reġistrazzjoni awtomatika jew b'mezzi oħra, b'mod li jistgħu jinqraw u mingħajr ma titħammeġ il-folja; jew

(ii)

jekk il-vettura tkun attrezzata b'tagħmir tar-reġistrazzjoni skond l-Anness IB, jiddaħħlu fil-kard tax-xufier permezz tal-faċilità ta' dħul manwali li hemm fit-tagħmir tar-reġistrazzjoni.

Fejn ikun hemm aktar minn xufier wieħed fuq il-vettura attrezzata bit-tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness IB, dawn għandhom jiżguraw illi l-kards tax-xufiera tagħhom jiddaħħlu fl-islott it-tajjeb fit-takografu.”;

Il-paragrafi (3)(b) u (ċ) għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

“(b)

‘xogħol ieħor’ tfisser kull attività minbarra s-sewqan, kif imfisser fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' persuni li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport bit-triq (*3), kif ukoll kull xogħol għall-istess persuna li tħaddem jew għal xi persuna oħra li tħaddem kemm fis-settur tat-trasport jew barra minnu, u għandha tkun irreġistrata taħt dan is-sinjal #.

(ċ)

‘disponibbiltà’ definita fl-Artikolu 3(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/15/KE għandha tkun irreġistrata taħt dan is-sinjal #.

Il-paragrafu 4 għandu jitħassar.

Il-paragrafu 7 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“7

(a)

Fejn ix-xufier isuq vettura li tkun attrezzata b'tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness I, ix-xufier għandu jkun kapaċi juri, kull meta jintalab minn uffiċjali li jispezzjona:

(i)

il-folji tar-rekords għall-ġimgħa kurrenti u dawk użati mix-xufier fil-15-il jum ta' qabel;

(ii)

il-kard tax-xufier jekk dan ikollu waħda, u

(iii)

kull rekord manwali u karti stampati li jkunu saru matul il-ġimgħa kurrenti u l-15-il jum ta' qabel kif meħtieġ taħt dan ir-Regolament u r-Regolament (KEE) Nru. 3820/85 (*2).

Madankollu, wara l-1 ta' Jannar 2008, il-perijodi ta' ħin imsemmija f'(i) u (iii) għandhom ikopru l-jum kurrenti u t-28 jum ta' qabel.

(b)

Meta x-xufier isuq vettura attrezzata b'tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness IB, ix-xufier għandu jkun kapaċi juri, kull meta jintalab minn uffiċjali li jispezzjona:

(i)

il-kard tax-xufier tiegħu;

(ii)

kull rekord manwali u karta stampata li tkun saret matul il-ġimgħa kurrenti u l-15-il jum ta' qabel kif mitlub taħt dan ir-Regolament u Regolament (KEE) Nru. 3820/85 (*2), u

(iii)

il-folji tar-rekords li jaqblu ma' l-istess perijodu bħal dak imsemmi fis-subparagrafu ta' qabel li matulu huwa saq vettura attrezzata b'tagħmir ta' reġistrazzjoni skond l-Anness 1.

Madankollu, wara l-1 ta' Jannar 2008, il-perijodi ta' ħin imsemmija taħt (ii) għandhom ikopru il-jum kurrenti u t-28 jum ta' qabel.

(ċ)

Uffiċjali awtorizzat li jispezzjona jista' jiċċekkja l-konformità mar-Regolament (KEE) Nru. 3820/85 billi janalizza l-folji tar-rekords (*2), tad-data murija jew stampata li tkun ġiet irreġistrata mit-tagħmir ta' reġistrazzjoni jew mill-kard tax-xufier jew, fin-nuqqas ta' dan, billi janaliżża kwalunkwe dokument ieħor ta' appoġġ illi jiġġustifika n-nuqqas ta' osservanza ta' xi dispożizzjoni, bħal dawk imniżżla fl-Artikoli 16 (2) u (3).”

Artikolu 27

Ir-Regolament Nru. 2135/98 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 2(1)(a) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.

(a)

Wara l-5 ta' Awwissu 2005, vetturi li jidħlu fis-servizz għall-ewwel darba għandhom ikunu attrezzati b'tagħmir ta' reġistrazzjoni skond ir-rekwiżiti ta' l-Anness IB tar-Regolament (KEE) Nru. 3821/85.”

2.

L-Artikolu 2.2 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi huma jistgħu joħorġu l-kards tax-xufiera mhux aktar tard mill-5 ta' Mejju 2005.”

Artikolu 28

Ir-Regolament (KEE) Nru. 3820/85 qiegħed b'dan jiġi mħassar.

Madankollu, il-paragrafi 1, 2 u 4 ta' Artikolu 5 għandhom jibqgħu japplikaw sad-dati mniżżla fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/59/ KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u t-taħriġ perjodiku ta' xufiera ta' ċerti vetturi għat-trasport bit-triq ta' merkanzija jew ta' passiggieri (*4).

Artikolu 29

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ sena wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, minbarra l-Artikolu 27, li għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni.

Għandu japplika minn … (10).

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 221, tas-17.9.2002, p. 19.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Jannar 2003 (ĠU C 38 E, tat-12.2.2004, p. 152), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad 9 ta' Diċembru 2004 u il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' ....... (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 370, tal-31.12.1985, p. 1. Regolament kif emendat bid-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L ta' l-10.9.2003, p. 4).

(4)  ĠU L 80, tat-23.3.2002, p. 35.

(5)  ĠU L 370, tal-31.12.1985, p. 8. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 432/2004 (ĠU L 71, ta' l-10.3.2004, p. 3).

(6)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

(7)  ĠU L 74, ta' l-20.3.1992, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(8)  ĠU L 15, tal-21.1.1998, p. 14. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru. 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(9)  ĠU L 72, tal-25.3.1993, p. 33.

(*2)  …

(*4)  …

(10)  ĠU L 226, ta' l-10.9.2003, p. 4. Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/66/KE (ĠU L 168, ta' l-1.5.2004, p. 35).


ABBOZZ TA' DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

Il-Proċedura

Fil-qafas tal-proċedura ta' ko-deċiżjoni (Artikolu 251 Trattat tal-KE), il-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fl-14 ta' Jannar 2003 (1) dwar il-proposta tal-Kummissjoni, kif sottomessa fit-12 ta' Ottubru 2001. Wara dak, il-Kummissjoni ppreżentat proposta emendata fit-12 ta' Awissu 2003.

Meta mqabbel mal-proposta oriġinali, il-proposta emendata inkorporat numru konsiderevoli ta' emendi adottati mill-Parlament Ewropew, u ħadet kont ukoll ta' ħidma li kienet diġà twettqet qabel mill-istanzi tal-Kunsill.

L-abbozz ta' Regolament jipprova jissostitwixxi l-leġiżlazzjoni attwalment fis-seħħ, jiġifieri r-Regolament (KEE) 3820/85 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali relatata mat-trasport bit-triq (2). Dan ir-Regolament ta' l-aħħar sa issa rregola ħinijiet ta' sewqan u ta' mistrieħ u pawżi għal sewwieqa professjonali. Barra dan, l-abbozz ta' Regolament jipproponi li jemenda r-Regolament (KEE) 3821/85, billi jaħseb b'mod partikolari għall-aspetti tekniċi relatati ma' l-introduzzjoni tat-takografu diġitali. Huwa jipprovdi wkoll għall-posponiment taż-żminijiet perentorji għall-introduzzjoni ta' dan it-tagħmir ġdid u għad-disponibbiltà ta' karti tas-sewwieqa.

Il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni komuni tiegħu fid-9 ta' Diċemrbu 2004. Fit-twettiq tal-ħidma tiegħu, il-Kunsill ħa kont ukoll ta' l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (3).

L-Għanijiet Ewlenin ta' l-Abbozz ta' Regolament

L-abbozz ta' Regolament għandu l-għan li:

jadatta l-mekkaniżmu tal-ħinijiet ta' sewqan, pawżi u perijodi ta' mistrieħ sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet ta' xogħol għas-sewwieqa professjonali fis-settur tat-trasport, waqt li jieħu kont ukoll ta' l-intuwiti miksuba f'termini ta' l-interrelazzjoni bejn is-sigurtà fit-triq u l-ħinijiet ta' sewqan ta' sewwieqa professjonali;

jiżgura li l-introduzzjoni tat-takografu diġitali jippermetti infurzar ħafna aktar effettiv tar-regoli in kwistjoni. Il-posponiment taż-żmien perentorju għat-twaħħil mandatorju tiegħu jieħu kont tal-kapaċitajiet ta' l-industrija li tforni t-tagħmir ġdid.

Dan l-abbozz ta' leġiżlazzjoni jagħti kontribut sinifikanti għat-tisħiħ tas-sigurtà fit-toroq; fil-fatt, l-adozzjoni tiegħu jikkostitwixxi pass sinifikanti 'l quddiem fil-kisba ta' l-għan ta' l-UE li jitnaqqsu bin-nofs il-fatalitajiet bl-inċidenti tat-traffiku sas sena 2010.

II.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

Il-Kummissjoni ssottomettiet il-proposta inizjali tagħha fit-12 ta' Ottubru 2001 bħala tweġiba għall-ħtieġa perċepita b'mod wiesa' u urġenti li jiġu ċċarati, simplifikati u aġġornati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85. Meta eżamina din il-proposta, il-Kunsill, sa mill-bidu tal-proċedimenti, sab quddiemu l-isfida li jinstab bilanċ bejn it-tħassib li jikkonċerna s-sigurtà fit-toroq, il-konsiderazzjonijiet soċjali u l-flessibbiltà ta' l-industrija. Dan ma kienx kompitu faċli, u involva diskussjonijiet fit-tul fi ħdan l-istanzi tal-Kunsill. Il-ftehim eventwali fi ħdan il-Kunsill, kif rifless fil-pożizzjoni komuni tiegħu, ġie ffaċilitat permezz tas-sottomissjoni tal-proposta emendata tal-Kummissjoni fit-12 ta' Awissu 2003.

Il-Kunsill huwa tal-fehma li l-pożizzjoni komuni tiegħu tipprovdi valur miżjud konsiderevoli meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni attwalment fis-seħħ. Fost l-elementi li jipprovdu tali valur miżjud hawn dawn li ġejjin:

il-perijodu minimu ta' mistrieħ mhux interrott kull ġurnata huwa miżjud minn 8 għal 9 sigħat;

il-ħin massimu ta' sewqan kull ġimgħa kalendarja huwa mnaqqas għal 56 siegħa (bħalissa huwa possibbli li jsiru 74 siegħa ta' sewqan f'ġimgħa kalendarja waħda);

matul ġimagħtejn konsekuttivi, is-sewwieq irid jieħu mill-inqas perijodu regolari wieħed ta' mistrieħ kull ġimgħa li jikkonsisti f'perijodu mhux interrott ta' mill-inqas 45 siegħa;

jinħoloq il-qafas legali għall-Istati Membri, soġġett għal ċerti kondizzjonijiet:

=

li l-vettura tiġi immobilizzata temporanjament;

=

li l-liċenzja ta' impriża tiġi irtirata, sospiża jew ristretta;

=

li l-liċenzja tas-sewqan ta' sewwieq tiġi irtirata, sospiża jew ristretta.

Linjigwida bi ħsieb tal-promozzjoni ta' applikazzjoni armonizzata ta' dawn id-dispożizzjonijiet ser jiġu żviluppati skond il-proċedura tal-Komitoloġija;

il-perijodu ta' żmien li jista' effettivament jiġi kontrollat minn uffiċjali ta' l-infurzar huwa miżjud b'mod sinifikanti, mill-“ġimgħa attwali u l-aħħar ġurnata ta' sewqan tal-ġimgħa ta' qabel” għall-“ġimgħa attwali u l-15-il ġurnata ta' qabel”. Wara l-1 ta' Jannar 2008 dan il-perijodu jerga' jiġi miżjud aktar, għall-“ġurnata attwali u t-28 ġurnata ta' qabel”. Dawn id-dispożizzjonijiet jagħmluha possibbli li l-inforzaturi jibbenefikaw mill-kapaċitajiet tat-takografu diġitali;

in-numru u l-firxa ta' applikazzjoni ta' l-eżenzjonijiet ġenerali huma mnaqqsa;

l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri ser jingħataw is-saħħa li jimponu sanzjoni għal infrazzjoni li tiġi individwata fit-territorju tagħhom, ukoll jekk l-infrazzjoni tkun twettqet barra mit-territorju tagħhom;

parteċipanti oħra fil-katina tat-trasport jistgħu, taħt ċerti kondizzjonijiet, jinżammu ko-responsabbli għall-infrazzjoni.

Il-Kunsill ifakkar ukoll li, għal dak li jirrigwarda l-introduzzjoni tat-takografu diġitali (i.e. it-twaħħil ta' dan it-tagħmir fuq il-vetturi tal-merkanzija tqal ġodda kollha), estenda ż-żmien perentorju għal dan b'sena, sal-5 ta' Awissu 2005 (cf. l-Artikolu 27) minħabba konsiderazzjonijiet prattiċi. Barra minn dan, il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill, permezz ta' l-emenda ta' l-istrument rilevanti (ir-Regolament (KEE) Nru 3821/85), tipprovdi għal ammont ta' titjib fejn jidħol it-tħaddim ta' dan it-tagħmir.

L-Emendi tal-Parlament Ewropew

Il-Kunsill seta' jaċċetta numru konsiderevoli ta' emendi tal-Parlament b'mod sħiħ, li huma l-emendi 1, 2, 7, 21, 25, 26, 27, 30, 32, 33, 37, 41, 44, 47, 52, 53. Barra minn dan, il-Kunsill aċċetta, għalkemm bi kliem differenti, l-emendi 3 (fil-premessa 11), 5, 6, 31, 34, 43, 48, 54, 62 (fl-Artikolu 25(iii)), 65 u 66.

Il-Kunsill seta' jaċċetta parzjalment l-emendi 4, 12, 17, 18, 107 (bħala kompromess, il-Kunsill adotta disPożizzjoni li tiddikjara li huma biss il-perijodi ta' mistrieħ imnaqqsa ta' kull ġimgħa li jistgħu jittieħdu ġo vettura) u 45 (il-Kunsill jikkunsidra li d-disPożizzjonijiet li hemm fl-Artikolu 8.6 u 8.7 huma bejn wieħed u ieħor ekwivalenti).

Għal dak li jirrigwarda l-emenda 39, il-Kunsill adotta soluzzjoni differenti għal din il-problema; dan huwa rifless fl-Artikolu 6.5.

Mill-emendi li ma ġewx inkorporati mill-Kummissjoni fil-proposta emendata tagħha, il-Kunsill aċċetta madankollu l-emendi 20 u 58.

Il-Kunsill ma aċċettax l-emendi 8, 11, 14, 89, 19, 22, 28, 78, 42, 51, 55, 56, 61, 67, 69 u 70. Il-Kunsill barra minn dan ma aċċettax il-lista ta' emendi li huwa rifless minn hawn 'il quddiem, flimkien ma' kummenti ta' spjegazzjoni:

l-emenda 49; għandu jiġi nnotat li d-disPożizzjonijiet tal-Kunsill fejn jirrigwarda din il-kwistjoni partikolari jikkonsistu fid-disPożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5(a)ii u l-Artikolu 19bis – dan l-Artikolu ta' l-aħħar notevolment jinkorpora l-kunċett introdott mill-Parlament dwar is-sitwazzjoni meta sewwieq jaħdem għal aktar minn impriża ta' trasport waħda;

l-emenda 9 – għalkemm il-Kunsill jaqbel li l-inforzaturi għandhom ikunu jistgħu jikkontrollaw il-ġurnata attwali u t-28 ġurnata ta' qabel, huwa jħoss li l-inforzaturi m'għandu jkollhom l-ebda obbligu assolut biex jagħmlu dan, u jħalli dan għall-ġudizzju tagħhom;

għal dak li jirrigwarda l-emenda 10, il-Kunsill huwa ta' l-opinjoni li dan ir-Regolament għandu jiffoka fuq il-ħinijiet ta' sewqan u ta' mistrieħ u mhux fuq il-ħin ta' xogħol globali;

għal dak li jirrigwarda l-emenda 13, għandu jiġi sottolineat li l-Kunsill inkluda disPożizzjoni pjuttost simili fl-Artikolu 6.2;

għal dak li jirrigwarda l-emendi 15 u 16 li jikkonċernaw l-AETR, u li huma marbuta ma' l-emenda 4, il-Kunsill huwa ta' l-opinjoni li s-soluzzjoni tiegħu għal din il-problema tiżgura salvagwardja ekwivalenti;

għal dak li jirrigwarda l-emendi 23 u 24 li jittrattaw l-eżenzjonijiet għal ċerti kategoriji ta' vetturi, il-Kunsill inkluda dawn il-kategoriji fl-Artikolu 13, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jeżentaw dawn il-kategoriji fit-territorju nazzjonali tagħhom;

għal dak li jirrigwarda l-emenda 29, il-Kunsill huwa ta' l-opinjoni li mhix meħtieġa definizzjoni ta' “ħin ta' sewqan”;

l-emenda 35: il-Kunsill huwa ta' l-opinjoni li dawn l-etajiet minimi għandhom jiġu ttrattati fil-leġiżlazzjoni rilevanti Komunitarja li tappartieni għal-liċenzji tas-sewqan u għat-taħriġ ta' sewwieqa professjonali;

għal dak li jirrigwarda l-emenda 83, il-Kunsill jipproponi fl-Artikolu 7 sistema simili li tittratta l-istess kwistjoni ta' sigurtà tat-traffiku iżda li, huwa jħoss, tista' tiġi applikata u kontrollat aktar faċilment;

l-emenda 57 – il-Kunsill jissottolinea madankollu li żewġ elementi ta' din l-emenda huma inklużi fl-Artikolu 13(k) u (m) tal-Pożizzjoni komuni;

għal dak li jikkonċerna l-emenda 59, il-Kunsill jiġbed l-attenzjoni li sa ċertu punt, l-Artikolu 13(b) jaħseb għal din is-sitwazzjoni partikolari;

l-emendi 60 u 63 – il-Kunsill jikkunsidra li tali disPożizzjonijiet għandhom ikunu fl-abbozz ta' Direttiva proposta dwar l-infurzar (4) li huwa marbut mill-qrib ma' dan l-abbozz ta' Regolament;

għal dak li jirrigwarda l-emenda 64, il-Kunsill jinnota li ma aċċettax ir-referenza għal “non-diskriminazzjoni”;

l-emenda 68 – billi l-Kunsill jikkunsidra li d-disPożizzjonijiet attwali li hemm fl-Artikolu 20, 21, 23 u 24 huma suffiċjenti.

III.   KONKLUŻJONI

Il-Kunsill seta' jaċċetta l-biċċa l-kbira ta' l-emendi tal-Parlament (cf. ukoll il-lista ta' elementi ta' “valur miżjud” taħt II) fejn jidħlu d-“disPożizzjonijiet ċentrali” ta' l-abbozz ta' Regolament – li jappartienu għall-ħinijiet ta' sewqan u mistrieħ ta' kull ġurnata jew kull ġimgħa u għall-pawżi, iżda wkoll għal kwistjonijiet ta' firxa ta' applikazzjoni u infurzar. Għalhekk, jista' jiġi konkluż li teżisti konverġenza wiesgħa bejn iż-żewġ Istituzzjonijiet dwar l-elementi ċentrali ta' dan l-abbozz ta' strument.


(1)  ĠU C 38E, tat-12.2.2004, p. 152.

(2)  ĠU L 370, tal-31.12.1985, p. 1.

(3)  ĠU C 221, tas-17.9.2002, p. 19.

(4)  “abbozz ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE u r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) 3820/85 u 3821/85 li jikkonċernaw leġislazzjoni soċjali relatata ma' attivitajiet ta' trasport bit-triq.”


15.3.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

26


POŻIZZJONI KOMUNI (KE) nru. 13/2005

adottata mill-Kunsll fid-9 ta' Diċembru 2004

bil-għan li tigi adottata d-Direttiva 2005/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-… li temenda id-Direttiva 1999/32/KE dwar il-kontenut ta' kubrit fil-karburant marin

(2005/C 63 E/03)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni (1),

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

BILLI:

(1)

Il-politika ambjentali tal-Komunità, kif stabbilita fil-programmi ta' azzjoni dwar l-ambjent u, b'mod partikolari, fis-Sitt Programm Komunitarju ta' Azzjoni Ambjentali adottata bid-Deċisjoni Nru. 1600/2002/KE (4), fuq il-bażi ta' l-Artikolu 174 tat-Trattat, hija intiża biex tikseb livelli ta' kwalità ta' l-arja li ma jagħtux lok għal impatti inaċċettabbli fuq, u riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta' April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut ta' kubrit f'ċerti karburanti likwidi (5) li tistabbilixxi l-kontenut massimu ta' kubrit permess fiż-żejt karburant tqil, fil-gas oil, u fil-gas oil marin użati fil-Komunità.

(3)

Id-Direttiva 1999/32/KE tobbliga lill-Kummissjoni tikkunsidra liema miżuri jistgħu jittieħdu sabiex titnaqqas il-kontribuzzjoni għall-aċidifikazzjoni mill-ħruq ta' karburanti marini barra l-gas oils u, jekk ikun xieraq, tagħmel proposta.

(4)

L-emissjonijiet li jirriżultaw mit-trasport marittimu minħabba l-ħruq ta' karburanti marini li jkun fihom kontenut għoli ta' kubrit jikkontribwixxu għat-tniġġis ta' l-arja fil-forma ta' diossidju tal-kubrit u partikuli ta' materja oħra. Dan jagħmel ħsara lill-ambjent minħabba l-aċidifikazzjoni u huwa dannuż għas-saħħa tal-bniedem, għall-proprjetà u għall-wirt kulturali, b'mod partikolari madwar fiż-żoni madwar ix-xtut u fil-portijiet.

(5)

Il-miżuri f'din id-Direttiva li jnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport marittimu f'ibħra internazzjonali jikkomplementaw il-miżuri nazzjonali ta' l-Istati Membri biex jikkonformaw mal-limiti massimi imposti fuq l-emissjonijiet ta' sostanzi li jniġġsu l-atmosfera stabbiliti fid-Direttiva 2001/81/KE (6).

(6)

Ir-riduzzjoni tal-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għandu ċerti vantaġġi għall-bastimenti, f'termini ta' effiċjenza operazzjonali u spejjeż ta' manutenzjoni, u jiffaċilita l-użu effikaċi ta' ċerti teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet bħar-riduzzjoni silettiva katalitika.

(7)

It-Trattat jeħtieġ li jittieħdu in konsiderazzjoni l-karatteristiċi speċjali tar-reġjuni l-aktar estremi tal-Komunità, u ċioe' id-dipartimenti Franċiżi barranin, il-gżejjer ta' l-Ażores, Madeira u Kanari.

(8)

Fl-1997, ġie adottat Protokoll minn konferenza diplomatika li jemenda l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif modifikata bil-Protokoll ta' l-1978 marbut ma' l-istess Konvenzjoni (minn hawn 'il quddiem imsejħa “MARPOL”). Dan il-Protokoll iżid l-Anness VI mal-MARPOL, li fih regolamenti għall-prevenzjoni tat-tniġġis ta' l-arja mill-bastimenti. Il-Protokoll ta' l-1997, u konsegwentement l-Anness VI mal-MARPOL, sejrin jidħlu fis-seħħ fid-19 ta' Mejju 2005.

(9)

L-Anness VI mal-MARPOL jipprovdi għad-dikjarazzjoni ta' ċerti żoni bħala Żoni ta' Kontroll fuq l-Emissjoni ta' l-Ossidju tal-Kubrit (minn hawn 'il quddiem imsejħa “Żoni ta' Kontroll fuq l-Emissjoni ta' l-SOx”). Huwa diġà jiddikjara l-Baħar Baltiku bħala żona ta' dan it-tip. Xi diskussjonijiet fi ħdan l-Organizzazjoni Marittima Internazzjonali (IMO) wasslu għal ftehim dwar il-prinċipju li l-Baħar tat-Tramuntana, inkluż il-Kanal Ingliż jiġi ddikjarat bħala Żona ta' Kontroll fuq l-Emissjoni tas-Sox wara d-dħul fis-seħħ ta' l-Anness VI.

(10)

L-infurzar ta' l-obbligi fir-rigward tal-kontenut ta' kubrit fil-karburanti marini huwa meħtieġ biex jiżgura l-implementazzjoni ta' din id-Direttiva. It-teħid effettiv ta' kampjuni u pieni dissważivi madwar il-Komunità huma meħtieġa biex tiġi assigurata l-implimentazzjoni kredibbli ta' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni fir-rigward ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u dawk li jkunu fil-portijiet tagħhom. Huwa l-każ ukoll li l-Istati Membri jikkoperaw mill-qrib sabiex tittieħed azzjoni ulterjuri ta' infurzar fir-rigward ta' bastimenti oħra skond il-liġi marittima internazzjonali.

(11)

Bil-għan li l-industrija marittima jkollha biżżejjed żmien għall-addattazzjoni teknika għal-limitu massimu ta' 0.1 % kubrit fil-piż għall-karburanti marini wżati minn bastimenti ta' passaġġi ta' l-ilma interni u bastimenti irmiġġati f'portijiet tal-Komunità, id-data li fiha jibda japplika dan ir-rekwiżit għandha tkun l-1 ta' Jannar 2010. Peress li din id-data tista' tkun teknikament problematika għall-Greċja, jeħtieġ li tingħata deroga temporanja lil ċerti bastimenti speċifiċi li joperaw fit-territorju tal-Greċja.

(12)

Huwa essenzjali li l-pożizzjonijiet ta' l-Istati Membri fin-negozjati ta' l-IMO jkunu rinforzati, speċjalment biex, fil-fażi tar-reviżjoni ta' l-Anness VI mal-MARPOL, jiġu promossi miżuri aktar ambizzjużi dwar limiti aktar stretti fuq il-kubrit fiż-żejt karburant tqil li jintuża mill-bastimenti u l-użu ta' miżuri ekwivalenti alternattivi għat-tnaqqis.

(13)

Fir-riżoluzzjoni tagħha A.926(22), l-Assemblea ta' l-IMO stiednet lill-Gvernijiet, b'mod partikolari lil dawk fejn ġew dikjarati xi Żoni ta' Kontroll fuq l-Emissjoni ta' l-SOx, sabiex jiżguraw id-disponibbiltà ta' żejt karburant b'kontenut ta' kubrit baxx f'żoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

(14)

L-IMO adottat linjigwidagħat-teħid ta' kampjuni taż-żejt karburant sabiex tiġi stabbilita l-osservanza ta' l-Anness VI mal-MARPOL, u sejra tiżviluppa linjigwida dwar is-sistemi ta' tindif tal-gass li joħroġ mill-egżost u metodi teknoloġiċi oħra intiżi biex jillimitaw l-emissjonijiet SOx f'Żoni ta' Kontroll fuq l-Emissjoni ta' l-SOx

(15)

Id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet fl-arja ta' ċerti sostanzi li jniġġsu li joħorġu minn impjanti kbar tal-kombustjoni (7) tfassal mill-ġdid id-Direttiva 88/609/KEE. Id-Direttiva 1999/32/KE għandha għaldaqstant tiġi riveduta, skond kif previst fl-Artikolu 3(4) tagħha.

(16)

Huwa xieraq li l-Kumitat attwali għall-Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti stabbilit bir-Regolament (KE) Nru. 2099/2002 (8) jassisti lill-Kummissjoni fil-kuntest ta' l-approvazzjoni ta' eknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet.

(17)

It-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet, dejjem jekk dawn ma jkollhom ebda effett negattiv fuq l-ekosistemi u dejjem jekk huma jkunu żviluppati taħt sorveljanza ta' mekkaniżmi adegwati ta' approvazzjoni u kontroll, jistgħu jwasslu għal, ta' l-inqas, l-istess jew iktar riduzzjonijiet fl-emissjonijiet milli kieku jintuża karburant b'kontenut ta' kubrit baxx. Jeħtieġ li jkunu jeżistu l-kundizzjonijiet korretti sabiex jippromwovu l-ħolqien ta' teknoloġiji ġodda għat-tnaqqis.

(18)

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, skond il-każ, fis-sorveljanza ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

(19)

Il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni (9).

(20)

Id-Direttiva 1999/32/KE għandha għaldaqstant tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-Direttiva 1999/32/KE hija b'dan emendata kif ġej:

1)

L-Artikolu 1(2) jiġi mibdul bis-segwenti:

“2.   It-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' diossidju tal-kubrit li jirriżulta mill-kombustjoni ta' ċerti karburanti likwidi derivanti miż-żejt għandu jinkiseb billi jkunu imposti limiti fuq il-kontenut ta' kubrit f'tali karburanti bħala kondizzjoni għall-użu tagħhom ġewwa t-territorju, l-ibħra territorjali u ż-żoni ekonomiċi esklussivi jew żoni ta' kontroll tat-tniġġis.

Il-limitazzjonijiet fuq il-kontenut ta' kubrit f'ċerti karburanti likwidi derivanti miż-żejt kif stabbiliti f'din id-Direttiva ma għandhomx, madankollu, japplikaw għal:

(a)

karburanti maħsuba għal skopijiet ta' riċerka u ittestjar;

(b)

karburanti maħsuba għall-ipproċessar qabel il-kombustjoni finali;

(ċ)

karburanti li għandhom jiġu proċessati fl-industrija tar-raffinazzjoni;

(d)

karburanti wżati u mqiegħda fis-suq fir-reġjuni l-iktar estremi tal-Komunità biss jekk l-Istati Membri relevanti jiżguraw li f'dawk ir-reġjuni:

l-istandards tal-kwalità ta' l-arja huma osservati;

żjut karburanti tqal ma jkunux użati f'każ li l-kontenut tagħhom ta' kubrit jeċċedi t-3 % fil-massa;

(e)

karburanti wżati minn bastimenti tal-gwerra u bastimenti oħra f'servizz militari. Madankollu, kull Stat Membru għandu jagħmel ħiltu sabiex jiżgura, billi jadotta l-miżuri adegwati li ma jxekklux l-operazzjonijiet jew il-kapaċità operazzjonali ta' tali bastimenti, li dawn il-bastimenti joperaw b'mod konsistenti, safejn dan ikun raġonevoli u prattiku, ma' din id-Direttiva;

(f)

kwalunkwe użu ta' karburant f'bastiment meħtieġ għall-iskop speċifiku tal-protezzjoni tas-sigurtà ta' bastiment jew biex tiġi salvata l-ħajja fuq il-baħar;

(ġ)

kwalunkwe użu ta' karburant f'bastiment li jsir meħtieġ minħabba xi danni li jkun sofra l-bastiment jew it-tagħmir tiegħu, biss jekk il-miżuri raġonevoli kollha jittieħdu wara l-okkorrenza tad-dannu sabiex jipprevjenu jew jimminimizzaw emissjonijiet eċċessivi u jekk jittieħdu miżuri minnufih għat-tiswija tad-dannu. Dan ma għandux japplika jekk is-sid jew il-kaptan ikun aġixxa bil-ħsieb li jikkawża d-dannu, jew bi traskuraġni;

(h)

karburant użat abbord bastimenti li jimpjegaw teknoloġiji approvati li jnaqqsu l-emissjonijiet skond l-Artikolu 4ċ.”;

2)

L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fil- punt 1, l-ewwel inċiż jiġi mibdul b'dan li ġej:

“-

kull karburant likwidu derivanti miż-żejt, eskluż il-karburant marin, li jaqa' taħt il-Kodiċi NM 2710 19 51 sa 2710 19 69, jew;”

(b)

Fil- punt 2, l-ewwel subparagrafu jiġi mibdul b'dan li ġej:

gas oil tfisser:

kull karburant likwidu derivanti miż-żejt, eskluż il-karburant marin, li jaqa' taħt il-kodiċi NM 2710 19 25, 2710 19 29, 2710 19 45 jew 2710 19 49; jew,

kull karburant likwidu derivanti miż-żejt, eskluż il-karburant marin, li minnu anqas minn 65 % fil-volum (inkluż it-telf) jiddistilla mal-250oC u li minnu ta' l-anqas 85 % fil-volum (inkluż it-telf) jiddistilla mat-350oC bil-metodu ASTM D86.;”

(ċ)

il- punt 3 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3.

karburant marin tfisser kull karburant likwidu derivanti miż-żejt maħsub għal jew użat abbord xi bastiment, inklużi dawk il-karburanti definiti fl-ISO 8217;”

(d)

jiġu nseriti l-punti li ġejjin:

“3a

żejt diesel marin tfisser kull karburant marin li għandu viskożità jew densità li taqa' fil-parametri tal-viskożità jew densità definiti għall-gradi DMB u DMC fit-Tabella I ta' l-ISO 8217;

3b

gas oil marin tfisser kull karburant marin li għandu viskożità jew densità li taqa' fil-parametri tal-viskożità jew densità definiti għall-gradi DMX u DMA fit-Tabella I ta' l-ISO 8217;

MARPOL tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif modifikata bil-Protokoll ta' l-1978 marbut magħha;

3d

MARPOL Anness VI tfisser l-Anness, intitolat ‘Regolamenti għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis ta' l-Arja mill-Bastimenti’, li l-Protokoll ta' l-1997 iżid mal-MARPOL;

3e

Żoni ta' Kontroll fuq l-Emissjoni ta' l-SOx tfisser żoni ta' baħar definiti bħala tali mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) fil-MARPOL Anness VI;

3f

Bastimenti tal-passiġġieri tfisser bastimenti li jġorru aktar minn tnax-il passiġġier, fejn passiġġier huwa kull persuna li mhijiex:

(i)

il-kaptan u l-membri ta' l-ekwipaġġ jew xi persuna oħra impjegata jew ingaġġata fi kwalunkwe kapaċità abbord bastiment fix-xogħol ta' dak il-bastiment, u

(ii)

tarbija taħt l-età ta' sena;

3g

servizzi regolari tfisser serje ta' vjaġġi ta' bastiment tal-passiġġieri magħmula sabiex jaqdu l-bżonnijiet tat-traffiku bejn l-istess zewġ portijiet jew aktar, jew serje ta' vjaġġi minn u sa l-istess port mingħajr waqfien intermedji:

(i)

skond itinerarju ppubblikat, jew

(ii)

ta' traversati tant regolari jew frekwenti li jikkostitwixxu skeda rikonoxxibbli;

3h

bastiment tal-gwerra tfisser bastiment li huwa parti minn qawwa armata ta' xi Stat li jkollu marki esterni li jiddistingwuh bin-nazzjonalità, taħt il-kmand ta' uffiċjal li jkun debitament imqabbad mill-Gvern ta' l-Istat u li ismu jkun jidher fil-lista adatta tas-servizz jew fl-ekwivalenti tagħha, u li jkun ekwipaġġat b'persunal taħt iddixxiplina ta' forzi armati regolari;

3i

bastimenti irmiġġati tfisser bastimenti li jkunu sorġuti jew ankrati sewwa f'port fil-Komunità filwaqt li jgħabbu, jħottu jew jakkomodaw persuni, inkluż il-ħin li fih ma jkunux involuti fl-operazzjonijiet ta' tagħbija;

3j

bastiment tal-passaġġi ta' l-ilma interni tfisser bastiment maħsub b'mod partikolari għall-użu f' passaġġi navigabbli f'ilmijet interni kif definit fid-Direttiva 82/714/KEE li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastiment tal-passaġġi ta' l-ilma interni (*1), inkluż kull bastiment li jġorr:

ċertifikat għan-navigazzjoni interna fil-Komunità, kif stabbilit fid-Direttiva 82/714/KEE,

ċertifikat maħruġ skond l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Rhine;

3k

tqegħid fis-suq tfisser il-forniment jew il-prokura ta' karburanti marini għall-kombustjoni abbord, lil terzi persuni, bi ħlas jew b'xejn, fi kwalunkwe parti fil-ġurisdizzjonijiet ta' l-Istati Membri. Din teskludi il-forniment jew il-prokura ta' karburanti marini għall-esportazzjoni f'tankijiet tat-tagħbija tal-bastimenti;

3l

reġjuni l-aktar estremi tfisser id-dipartimenti Franċiżi barranin, l-Ażores, il-Madeira u l-Gżejjer ta' Canary, kif stabbiliti fl-Artikolu 299 tat-Trattat;

3m

teknoloġija li tnaqqas l-emissjonijiet tfisser xi sistema li tnaddaf il-gass ta' l-exhaust, jew kull metodu teknoloġiku ieħor li huwa verifikabbli u inforzabbli.

(*1)  ĠU L 301, 28.10.1982, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata fl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003”;"

(e)

Il-punt 6 jiġi mħassar.

3)

L-Artikolu 3 jiġi mibdul b'li ġej:

“Artikolu 3

Kontenut massimu ta' kubrit fiż-żejt karburant tqil

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li mill-1 ta' Jannar 2003, żjut karburanti tqal ma jintużawx ġewwa t-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta' kubrit tagħhom jeċċedi l-1 % fil-massa.

2.

(i)

Soġġett għas-sorveljanza adegwata ta' l-emissjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti dan ir-rekwiżit ma għandux japplika għal żjut karburanti tqal użati:

(a)

f'impjanti ta' kombustjoni li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta 23 ta' Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet ta' ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (*2), li huma ikkunsidrati impjanti ġodda skond id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(9) ta' l-istess Direttiva u li jikkonformaw mal-limiti ta' emissjoni ta' diossidju tal-kubrit stabbiliti għal tali impjanti stipulati fl- Anness IV ta' dik id-Direttiva u applikati skond l-Artikolu 4 tagħha.

(b)

f'impjanti ta' kombustjoni li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2001/80/KE, li huma ikkunsidrati impjanti eżistenti skond id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(10) tagħha, fejn l-emissjonijiet tad-diossidju tal-kubrit minn dawn l-impjanti huma ugwali għal jew anqas minn 1700 mg/Nm3 f'kontenut ta' ossiġenu fil-flue gas ta' 3 % bil-volum fuq bażi xotta, u fejn, mill-1 ta' Jannar 2008, l-emissjonijiet ta' diossidju tal-kubrit mill-impjanti tal-kombustjoni li huma soġġetti għall-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2001/80/KE huma ugwali jew anqas minn dawk riżultanti mill-osservanza tal-valuri ta' limiti ta' l-emissjonijiet imposti għal impjanti ġodda msemmija fil-Parti A ta' l-Anness IV ma' dik id-Direttiva, u fejn ikun il-każ, bl-applikazzjoni ta' l-Artikoli 5, 7 u 8 ta' l-istess;

(ċ)

f'impjanti ta' kombustjoni oħra, li ma jaqgħux fl-ambitu ta' (a) jew (b), fejn l-emissjonijiet ta' diossidu tal-kubrit minn dawk l-impjanti ma jeċċedux l-1700 mg/Nm3 f'kontenut ta' ossiġenu fil-flue gas ta' 3 % bil-volum fuq bażi xotta;

(d)

għall-kombustjoni f'raffineriji, fejn il-medji ta' emissjonijiet kull xahar ta' diossidu tal-kubrit meta mkejla mal-medja ta' l-impjanti kollha fir-raffinerija, irrispettivament mit-tip ta' karburant jew kombinazzjoni ta' karburanti wżati, ikunu jaqgħu f'limitu li għandu jiġi stabbilit minn kull Stat Membru, li ma għandux jeċċedi l-1700 mg/Nm3. Dan ma għandux japplika għall-impjanti tal-kombustjoni li jaqgħu taħt (a) jew, mill-1 ta' Jannar 2008, għal dawk li jaqgħu taħt (b).

(ii)

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull impjant ta' kombustjoni li juża żejt karburant tqil b'konċentrazzjoni ta' kubrit ogħla minn dik imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandux jiġi operat mingħajr permess mogħti minn awtorità kompetenti, li tispeċifika l-limiti ta' l-emissjonijiet.

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 għandhom jiġu riveduti u, jekk xieraq, emendati fid-dawl ta' kwalunkwe reviżjoni futura tad-Direttiva 2001/80/KE.

(*2)  ĠU L 309, tat-27.11.2001, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003”."

4)

L-Artikolu 4 jiġi emendat kif ġej:

(a)

B'effett mill-1 ta' Jannar 2010:

(i)

fil-paragrafu 1, jitħassru l-kliem “inkluż il-gas oil marin”;

(ii)

il-paragrafu 2 jiġi mħassar.

(b)

B'effett minn........... (*3), il-paragrafi 3 u 4 jiġu mħassra.;

5)

Jiġu nseriti l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 4a

Kontenut massimu ta' kubrit fil-karburanti marini użati f'Żoni ta' Kontroll fuq l-Emissjoni tas-SOx u minn bastimenti tal-passiġġieri li joperaw b'servizzi regolari sa u minn portijiet fil-Komunità Ewropea

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-karburanti marini ma jintużawx fiż-żoni ta' l-ibħra territorjali, fiż-żoni ekonomiċi esklussivi u f'żoni ta' kontroll tat-tniġġis tagħhom li jaqgħu f'Żoni ta' Kontroll fuq l-Emissjoni ta' l-Sox jekk il-kontenut ta' kubrit ta' dawk il-karburanti jeċċedi l-1.5 % fil-massa. Dan għandu japplika għall-bastimenti kollha tal-bnadar kolha, inklużi l-bastimenti li jibdew il-vjaġġ tagħhom minn barra l-Komunità.

2.   Id-dati tal-bidu ta' l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 għandhom ikunu kif ġej:

(a)

għaż-żona tal-Baħar Baltiku imsemmi fir-regolament 14(3)(a) tal-MARPOL Anness VI, … (*4);

(b)

għaż-żoni tal-Baħar tat-Tramuntana u ta' ibħra oħra, inklużi il-portijiet, li sussegwentement jiġu nominati mill-IMO bħala Żoni ta' Kontroll fuq l-Emissjoni ta' l-SOx skond ir-regolament 14(3)(b) tal-MARPOL Anness VI:

12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dik in-nomina, jew

…….. (*5),

skond liema tkun l-aħħar data minnhom.

3.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli mill-infurzar tal-paragrafu 1 ta' l-inqas fir-rigward ta:

bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom; u

fil-każ ta' Stati Membri li jikkonfinaw ma' xi żona ta' Kontroll fuq l-Emissjoni ta' l-SOx, il-bastimenti li jtajru kawlunkwe bandiera waqt li jkunu fil-portijiet tagħhom.

L-Istati Membri jistgħu jieħdu wkoll azzjoni addizzjonali ta' infurzar fir-rigward ta' bastimenti oħra skond il-liġi marittima internazzjonali.

4.   Mid-data imsemmija fil-paragrafu 2(a), l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-karburanti marini ma jintużawx fl-ibħra territorjali, fiż-żoni ekonomiċi esklussivi u fiż-żoni ta' kontroll tat-tniġġis tagħhom minn bastimenti tal-passiġġieri li joperaw f'servizzi regolari sa u minn kwalunkwe port Komunitarju jekk il-kontenut ta' kubrit f'dawk il-karburanti jeċċedi l-1.5 % fil-massa. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli mill-infurzar ta' dan ir-rekwiżit ta' l-inqas fir-rigward ta' bastimenti li jtajru l-bandieri tagħhom u ta' bastimenti li jtajru kawlunkwe bandiera waqt li jkunu fil-portijiet tagħhom

5.   Mid-data msemmija fil-paragrafu 2(a), l-Istati Membri għandhom jirrikjedu l-kompletament korrett tal-ġurnal uffiċjali ta' abbord, inklużi d-dettalji ta' l-operazzjonijiet tal-bdil tal-karburant, bħala kundizzjoni għad-dħul tal-bastiment fil-portijiet tal-Komunità.

6.   Mid-data msemmija fil-paragrafu 2(a), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontenut ta' kubrit fil-karburanti marini kollha mibjugħin fit-territorju tagħhom jiġi dokumentat mill-fornitur fuq nota ta' kunsinna tal-bunker, akkumpanjata b'kampjun issiġillat.

7.   Mid-data msemmija fil-paragrafu 2(a), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żjut diesel marini ma jiġux imqiegħda fis-suq fit-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta' kubrit ta' dawk iż-żjut diesel marini jeċċedi l-1.5 % fil-massa.

8.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri bid-dati ta' applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(a) u għandha tippubblikhom fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Atikolu 4b

Kontenut massimu ta' kubrit fil-karburanti marini wżati minn bastimenti tal-passaġġi ta' l-ilma interni u bastimenti irmiġġati f'portijiet tal-Komunità

1.   B'effett mill-1 ta' Jannar 2010, l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-bastimenti li ġejjin ma jagħmlux użu minn karburanti marini b'kontenut ta' kubrit li jeċċedi l-0.1 % fil-massa:

(a)

bastimenti ta' passaġġi ta' l-ilma interni; u

(b)

bastimenti irmiġġati f'portijiet Komunitarji, wara li jingħata żmien suffiċjenti sabiex l-ekwipaġġ iwettaq l-operazzjoni tal-bidla neċessarja ta' karburant kemm jista' jkun malajr wara l-wasla fl-irmiġġ u l-aktar tard possibbli qabel it-tluq.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-ħin tat-tul ta' l-operazzjoni tal-bdil tal-karburant jitniżżel fil-ġurnal uffiċjali ta' abbord.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika:

(a)

meta, skond l-itinerarji ppubblikati, il-bastimenti jkunu se jdumu irmiġġati għal inqas minn sagħtejn;

(b)

għall-bastimenti ta' passaġġi ta' l-ilma interni li jkollhom ċertifikat li juri l-konformità mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar, 1974, kif emendata, waqt li dawk il-bastimenti jkunu fuq il-baħar;

(ċ)

sal-1 ta' Jannar 2012 għall-bastimenti elenkati fl-Anness u li joperaw esklussivament fit-territorju tal-Greċja.

3.   B'effett mill-1 ta' Jannar 2012, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-gas oils marini ma jitqegħdux fis-suq fit-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta' kubrit f'dawk l-istess gas oils marini jaqbeż jeċċedi l-0.1 % fil-massa.

Artikolu 4ċ

Provi u użu ta' teknoloġiji ġodda li jnaqqsu l-emissjonijiet

1.   L-Istati Membri jistgħu, b'koperazzjoni ma' Stati Membri oħra, skond kif xieraq, japprovaw l-użu bi prova ta' teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet fuq bastimenti fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, jew f'żoni ta' baħar taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. Matul dawn il-provi ma għandux ikun obbligatorju l-użu ta' karburanti marini konformi mar-rekwiżiti ta' l-Artikoli 4a u 4b, biss jekk:

il-Kummissjoni u kwalunkwe Stat portwali konċernat jiġu notifikati bil-miktub ta' l-inqas 6 xhur qabel ma jibdew il-provi;

il-permessi għall-provi ma jeċċedux 18-il xahar fit-tul;

il-bastimenti kollha involuti jiġu mgħammra b'tagħmir protett mit-tbagħbis għas-sorveljanza kontinwa tal-funnel gas emissions u jużawh matul il-perjodu ta' prova kollu;

il-bastimenti kollha involuti jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet li jkun ta' l-inqas ekwivalenti għal dak li jkun jintlaħaq bl-impożizzjoni tal-limiti fuq il-kubrit fil-karburant speċifikati f'din id-Direttiva;

matul il-perjodu tal-prova kollu jkun hemm sistemi tajbin għall-immaniġġjar ta' l-iskart għal kwalunkwe skart ġenerat mit-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet;

matul il-perjodu tal-prova kollu issir stima ta' l-impatti fuq l-ambjent marin, b'mod partikolari fuq l-ekosistemi f'portijiet magħluqa, portijiet u estwarji; u

fis-sitt xhur wara t-tmiem tal-provi, ir-riżultati kompleti jingħataw lill-Kummissjoni u jingħata aċċess għalihom lill-pubbliku.

2.   It-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet għall-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru għandhom jiġu approvati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru. 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru ta' l-2002 li jistabilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti (COSS) (*6), b'kont meħud:

ta' linjigwidali għandhom jiġu żviluppati mill-IMO;

ta' riżultati ta' kwalunkwe provi magħmulin skond il-paragrafu 1;

ta' l-effetti fuq l-ambjent, inkluż it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet li jista' jintlaħaq, u l-impatti fuq l-ekosistemi f'portijiet magħluqa, portijiet u estwarji;

tal-vijabbiltà tas-sorveljanza u tal-verifiki.

3.   Għandhom jiġu stabbiliti kriterji għall-użu, tat-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet, minn bastimenti li jtajru kwalunkwe bandiera f'portijiet magħluqa, portijiet u estwarji fil-Komunità skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2). Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dawn il-kriterji lill-IMO.

4.   Bħala alternattiva għall-użu ta' karburanti marini b'kontenut ta' kubrit baxx li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' l-Artikoli 4a u 4b, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li bastimenti jużaw xi teknoloġija approvata għat-tnaqqis ta' emissjonijiet, biss jekk dawn il-bastimenti:

jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet li huwa ta' l-inqas ekwivalenti għal dak li jkun jintlaħaq permezz tal-limiti fuq il-kubrit fil-karburant speċifikati f'din id-Direttiva; u

jiddokumentaw b'mod rigoruż li kwalunkwe flussi ta' skart rilaxxjati f'portijiet magħluqa, f'portijiet u fl-estwarji ma jkollhom l-ebda impatt fuq l-ekosistemi, u dan fuq il-bażi ta' kriterji komunikati mill-awtoritajiet ta' l-Istati portwali lill-IMO.

(*6)  ĠU L 324, tad-29.11.2002, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 415/2004 (ĠU L 68, tas-6.3.2004, p. 10).”;"

6)

L-Artikolu 6 jiġi emendat kif ġej:

(a)

Jiġi nserit il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-kontenut ta' kubrit fil-karburanti marini jikkonforma mad-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-Artikoli 4a u 4b.

Kull wieħed minn dawn il-mezzi ta' teħid ta' kampjuni, ta' analiżi u ta' ispezzjoni għandu jintuża skond kif xieraq:

it-teħid ta' kampjuni tal-karburant marin għall-kombustjoni abbord waqt li jiġi kunsinnat lill-bastimenti, skond il-linjigwidata' l-IMO, u l-analiżi tal-kontenut tiegħu ta' kubrit;

it-teħid ta' kampjuni u l-analiżi tal-kontenut ta' kubrit fil-karburant marin għall-kombustjoni abbord li jkun qiegħed f'tankijiet, fejn ikun possibbli, u f'kampjuni siġillati tal-bunker abbord;

l-ispezzjoni tal-ġurnali uffiċjali ta' abbord u tan-noti ta' kunsinna tal-bunker.

It-teħid ta' kampjuni għandu jibda mad-data li fiha jidħol fis-seħħ il-limitu relevanti għall-kontenut massimu ta' kubrit fil-karburant. Dan għandu jsir bi frekwenza suffiċjenti, fi kwantitajiet suffiċjenti, u b'tali mod li l-kampjuni ikunu rappreżentattivi tal-karburant eżaminat, u tal-karburant li jkun qiegħed jintuża mill-bastimenti meta dawn ikunu f'żoni ta' ibħra, portijiet u passaġġi ta' l-ilma interni relevanti.

L-Istati Membri għandhom jieħdu wkoll il-miżuri raġonevoli, skond ir-rekwiżiti tal-każ, sabiex jissorveljaw il-kontenut ta' kubrit fil-karburanti marini barra minn dawk li għalihom japplikaw l-Artikoli 4a u 4b.”.

(b)

Fil-paragrafu 2, il-punt (a) għandu jiġi sostitwit b'li ġej:

“(a)

Il-metodu ISO 8754 (1992) u PrEN ISO 14596 għaż-żejt karburant tqil u karburanti marini;”.

7)

L-Artikolu 7 għandu jiġi sostitwit b'li ġej:

“Artikolu 7

Rapportar u reviżjoni

1.   Fuq il-bażi tar-riżultati tal-kampjuni, ta' l-analiżi u ta' l-ispezzjonijiet magħmula skond l-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena jipprovdu lill-Kummissjoni b'rapport qasir dwar il-kontenut ta' kubrit fil-karburanti likwidi li jaqgħu fl-ambitu ta' din id-Direttiva u wżati fit-territorju tagħhom matul is-sena kalendarja preċedenti. Dak ir-rapport għandu jinkludi reġistrazzjoni tan-numru totali ta' kampjuni eżaminati skond it-tip ta' karburant u għandu jindika l-kwantità korrispondenti ta' karburant użat, u l-kontenut medju ta' kubrit kalkulat. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw ukoll dwar in-numru ta' ispezzjonijiet magħmula abbord, u għandhom jirreġistraw il-kontenut medju ta' kubrit fil-karburanti marini wżati fit-territorju tagħhom li ma jaqgħux fl-ambitu ta' din id-Direttiva fi... (*7).

2.   Fuq il-bażi, inter alia:

(a)

ta' rapporti annwali sottomessi skond il-paragrafu 1;

(b)

tat-tendenzi osservati fil-kwalità ta' l-arja, fl-aċidifikazzjoni, fl-ispejjeż tal-karburant u fil-bdil modali; u

(ċ)

tal-progress fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' l-ossidju tal-kubrit minn bastimenti permezz ta' mekkaniżmi ta' l-IMO fuq inizjattivi Komunitarji f'dan ir-rigward;

(d)

ta' analiżi ġdida tal-benefiċċji kontra l-ispejjeż, inklużi benefiċċji ambjentali diretti u indiretti, miksuba mill-miżuri elenkati fl-Artikolu 4a(4),

il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-2008.

Flimkien mar-rapport tagħha, il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposti għal emendi f'din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward ta' stadju ieħor ta' valuri ta' limiti fuq il-kubrit stabbiliti għal kull kategorija ta' karburant u, b'kont meħud tax-xogħol fl-IMO, taż-żoni tal-baħar fejn għandhom jiġu wżati karburanti marini b'kontenut baxx ta' kubrit.

3.   Sal-31 ta' Diċembru 2005, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu possibbli ta' strumenti ekonomiċi, inklużi mekkaniżmi bħal taxxi differenzjati u imposti fuq il-kilometri, permessi ta' l-emissjoni negozjabbli u tpaċija.

4.   Kwalunkwe emendi li jkunu meħtieġa biex isiru adattamenti tekniċi fl-Artikolu 2, punti 1, 2, 3a, 3b u (4) jew fl-Artikolu 6(2) fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2). Tali adattamenti ma għandhomx jirriżultaw f'bidliet diretti fll-ambitu ta' din id-Direttiva jew fil-limiti fuq il-kubrit fil-karburant speċifikati f'din id-Direttiva.”;

8)

L-Artikolu 9 għandu jiġi sostitwit b'li ġej:

“Artikolu 9

Il-Proċedura ta' Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat.

2.   Fejn isir riferiment għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (*8), b'kont meħud għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

(*8)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.”."

9)

Jiżdied ma' din id-Direttiva t-test li jinsab fl-Anness.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa …… (*9). Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jinkludu riferiment għal din id-Direttiva meta l-Istati Membri jadottawhom, jew jiġu akkumpanjati minn tali riferiment fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-modalitajiet ta' dan ir-riferiment.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU Ċ 45 E, tal-25.2.2003, p. 277.

(2)  ĠU Ċ 208, tat-3.9.2003, p. 27.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Ġunju 2003 (ĠU Ċ 68E, tat-18.3.2004, p. 311), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad 9 ta' Diċembru 2004 u l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta'....... (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 242, ta' l-10.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 121, tal-11.5.1999, p. 13. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

(6)  ĠU L 309, tas-27.11.2001, p. 22. Direttiva kif emendata bl-Att ta' Adezzjoni ta' l-2003.

(7)  ĠU L 309, tas-27.11.2001, p. 1. Direttiva kif emendata fl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(8)  ĠU L 324, tad-29.11.2002, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 415/2004 (ĠU L 68, tas-6.3.2004, p. 10).

(9)  ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

(*3)  Data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(*4)  19 ta' Mejju 2006 jew, jekk iktar tard, 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(*5)  12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(*7)  Id-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

(*9)  12–il xahar wara l-jum tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.


ANNESS

“ANNESS

BASTIMENTI GRIEGI

ISEM TAL-BASTIMENT

SENA TAL-KUNSINNA

NUMRU TA' L- IMO

ARIADNE PALACE

2002

9221310

IKARUS PALACE

1997

9144811

KNOSSOS PALACE

2001

9204063

OLYMPIA PALACE

2001

9220330

PASIPHAE PALACE

1997

9161948

FESTOS PALACE

2001

9204568

EUROPA PALACE

2002

9220342

BLUE STAR I

2000

9197105

BLUE STAR II

2000

9207584

BLUE STAR ITHAKI

1999

9203916

BLUE STAR NAXOS

2002

9241786

BLUE STAR PAROS

2002

9241774

HELLENIC SPIRIT

2001

9216030

OLYMPIC CHAMPION

2000

9216028

LEFKA ORI

1991

9035876

SOPHOKLIS VENIZELOS

1990

8916607


ABBOZZ TA' DIKJARAZZJONI TAR-RAĠUNIJIET TAL-KUNSILL

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fit-28 ta' Novembru 2002, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Kunsill proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/32/KE fir-rigward tal-kontenut ta' kubrit f'karburanti marittimi.

2.

Il-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fis-sessjoni tiegħu mit-2 sal-5 ta' Ġunju 2003.

3.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ssottometta l-opinjoni tiegħu fl-14 ta' Mejju 2003.

4.

Il-Kumitat tar-Reġjuni indika fl-20 ta' Jannar 2003 l-intenzjoni tiegħu li ma joħroġx opinjoni.

5.

Il-Kummissjoni adottat proposta emendata fl-1 ta' Awissu 2003.

6.

Fid-9 ta' Diembru 2004, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni tiegħu skond l-Artikolu 251(2) tat-Trattat.

II.   GĦAN

L-emendi proposti għad-Direttiva 1999/32/KE jfittxu li jestendu l-firxa ta' applikazzjoni tagħha għat-tipi kollha ta' karburanti likwidi derivati miż-żejt użati fuq bastimenti u biex jiġi limitat il-kontenut ta' kubrit f'dawn il-karburanti marittimi meta jkunu qed jiġu użati minn bastimenti f'ċerti partijiet ta' l-Unjoni Ewropea.

L-għan hu li jiġu mnaqqsa l-emissjonijiet mill-bastimenti ta' diossidu tal-kubrit u materjal partikulat (PM) kif stabbilit fl-istrateġija parallela ta' l-UE biex jiġu mnaqqsa emissjonijiet atmosferiċi minn bastimenti marittimi. Il-proposta għandha l-għan li timplimenta ż-Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjoni ta' Diossidu tal-Kubrit diġà magħżula mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) fil-konvenzjoni tagħha dwar it-tniġġis ta' l-arja, l-Anness VI tal-MARPOL. Il-proposta timmodifika d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/32/KE dwar il-kontenut ta' kubrit fil-karburanti marittimi, kif ġej:

tintroduċi limitu ta' 1.5 % ta' kontenut ta' kubrit fuq karburanti marini użati mill-bastimenti kollha, fil-Baltiku, fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Kanal Ingliż, skond l-Anness VI tal-MARPOL, sabiex jitnaqqas l-effett ta' l-emissjonijiet tal-bastimenti fuq l-aċidifikazzjoni fl-Ewropa tat-Tramuntana;

tintroduċi limitu ta' 1.5 % ta' kontenut ta' kubrit fuq karburanti marittimi użati minn bastimenti tal-passiġġieri f'servizz regolari lejn u minn kwalunkwe port Komunitarju, sabiex tittejjeb il-kwalità ta' l-arja, b'mod partikolari madwar portijiet u kosti u tinħoloq domanda suffiċjenti biex tiġi żgurata provvista fl-UE kollha ta' karburant b'kontenut ta' kubrit ta' mhux aktar minn 1.5 %.

temenda d-dispożizzjoni eżistenti dwar żjut tal-gass marittimi billi teħtieġ li bastimenti rmiġġati u vetturi tal-passaġġi fuq l-ilma interni jużaw karburanti b'kontenut ta' kubrit ta' 0.1 % jew anqas (mill-1 ta' Jannar 2010), sabiex jitnaqqsu emissjonijiet lokali ta' SO2 u PM u tittejjeb il-kwalità ta' l-arja lokali. Deroga għal 16-il bastiment speċifiku fil-Greċja tapplika sa l-1 ta' Jannar 2012;

Sabiex jiġi żgurat li karburanti li jikkonformaw huma disponibbli, tipprojbixxi l-bejgħ ta' żjut tal-gass marittimi (gradi DMA u DMX) b'kontenut ta' aktar minn 0.1 % kubrit sa l-2010, biex jitneħħa l-limitu attwali ta' 0.2 % ta' kontenut ta' kubrit fuq żjut tad-diesel marittimi tal-gradi DMB u DMC, u sussegwentement tipprojbixxi l-bejgħ ta' tali karburanti b'kontenut ta' aktar minn 1.5 % ta' kubrit.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI KOMUNI

1.   Ġenerali

Il-Parlament Ewropew adotta 36 emenda għall-proposta tal-Kummissjoni.

Fil-fehma tal-Kunsill, il-pożizzjoni komuni tikkostitwixxi kompromess bilanċjat fejn:

hemm sett koerenti ta' dati għad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, b'kont meħud tad-dħul fis-seħħ issa imminenti ta' l-Anness VI tal-MARPOL (f'Mejju 2005);

l-ebda deroga ma hi stabbilita f'konflitt mad-dħul fis-seħħ ta' l-Anness VI tal-MARPOL u l-istabbiliment ta' SOxECAs;

il-problemi tekniċi u prattiċi tal-ħtiġiet ġodda għal bastimenti rmiġġati huma kkunsidrati b'mod raġonevoli, inkluża d-deroga temporanja speċifika mitluba mill-EL għal ċerti vapuri Roll on/Roll off.

L-Anness VI tal-MARPOL jidħol fis-seħħ internazzjonalment sena wara li jkun ġie ratifikat minn ta' l-inqas 15-il Stat tal-bandiera li jirrappreżentaw mill-inqas 50 % tat-tunnellaġġ gross ta' bastimenti merkantili fid-dinja. Sal-15 ta' Ottubru 2004, 17-il pajjiż issa rratifikaw - l-Isvezja, in-Norveġja, Singapor, il-Baħamas, il-Gżejjer Marshall, il-Liberja, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Vanwatu, il-Panama, il-Greċja, il-Bangladex, Spanja, il-Barbados, Samoa, l-Ażerbajġan u r-Renju Unit - li jirrappreżentaw iżjed minn 50 % tat-tunnellaġġ dinji. Samoa, il-15-il Stat, irratifikat l-Anness VI tal-MARPOL fid-19 ta' Mejju 2004, u b'hekk ħejjiet it-triq biex l-Anness VI jiddaħħal fl-operazzjoni mid-19 ta' Mejju 2005 u r-Regolament 14 (SOxECA tal-Baħar Baltiku) jiddaħħal fl-operazzjoni fid-19 ta' Mejju 2006. Sitt Stati Membri ta' l-UE (DK, DE, EL, ES, SE, UK) diġà rratifikaw il-MARPOL, u erba' Stati Membri (NL, FI, CY, PL) huma fl-aħħar stadju ta' ratifika, mistennija din is-sena.

Il-pożizzjoni komuni hija skond il-pożizzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew fir-rigward ta' l-għan li tiġi estiża l-firxa ta' applikazzjoni tad-Direttiva 1999/32/KE għall-karburanti likwidi kollha derivati miż-żejt użati fuq bastimenti li joperaw fl-ilmijiet ta' l-Istati Membri.

Il-Kunsill:

(a)

Introduċa fil-pożizzjoni komuni 21 emenda b'mod sħiħ, parzjali jew fil-prinċipju, kif ġej:

L-Emenda 1:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa inkorporat fil-Premessa 4.

L-Emenda 3:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa inkorporat fil-Premessa 5.

L-Emenda 4:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa inkorporat fil-Premessa 4.

L-Emenda 5:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa inkorporat fil-Premessa 6.

L-Emenda 6:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa rifless fil-Premessi 6 kif ukoll is-17.

L-Emenda 7:

inkorporata b'mod sħiħ fil-Premessa 7.

L-Emenda 8:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa inkluż fil-Premessa 10.

L-Emenda 40:

skond ir-regoli ġenerali għall-abbozzar ta' leġislazzjoni Komunitarja l-għan ta' premessa hu li tistabblixxi raġunijiet konċiżi għal dispożizzjoni prinċipali tat-termini ta' promulgazzjoni, u m'għandux ikun fihom dispożizzjonijiet normattivi jew eżortazzjonijiet politiċi; madankollu, l-ispirtu ta' din l-emenda huwa rifless fil-Premessa 12.

L-Emenda 18:

l-għan ta' din l-emenda huwa inkorporat mill-Artikolu 1(1)(d).

L-Emenda 30:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa msemmi fil-Premessa 19.

L-Emenda 38:

id-definizzjoni prevista fl-Artikolu 2 (3j) issegwi l-ispirtu ta' din l-emenda.

L-Emenda 39:

id-definizzjoni prevista fl-Artikolu 2 (3k) tirrifletti l-għan ta' din l-emenda b'mod aktar dettaljat u speċifiku.

L-Emenda 10:

din l-emenda hija inkluża fl-Artikolu 4 b'emendi konsegwenzjali fir-rigward ta' l-iskeda taż-żmien.

L-Emenda 23:

din hija indirizzata mill-Artikolu 4b ġdid li jipposponi l-implimentazzjoni sa l-2010 għal kull tip ta' bastiment.

L-Emenda 43:

din hija indirizzata b'mod komprensiv mill-Artikolu 4ċ ġdid.

L-Emenda 27:

din hija riflessa fit-test ġdid ta' l-Artikolu 6 bl-abbozzar ikun kjarifikat biex tiġi evitata kwalunkwe diffikultà teknika fl-applikazzjoni.

L-Emenda 29:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa segwit fil-Premessa 10 u huwa ttrattat ukoll fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 99/32.

L-Emenda 31:

dan it-tħassib huwa ttrattat bl-użu ta' l-espressjoni “karburanti likwidi”.

L-Emenda 32:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa rifless fil-Premessi 4 u 6 u fl-Artikolu 7.2.

L-Emenda 33:

hija aċċettata.

L-Emenda 44:

l-ispirtu ta' din l-emenda huwa rifless fl-Artikolu 7.

(b)

ma inkorporax 15-il emenda (2, 4, 13, 14, 15, 16, 17, 21, 22, 28, 41, 42, 24, 25, 26, 37) fil-pożizzjoni komuni:

L-Emenda 2:

din l-emenda ma setgħatx tiġi inkorporata għax inħass li ma kinitx rilevanti.

L-Emenda 14:

din l-emenda ma setgħatx tiġi inkorporata għax il-paragrafu li għalih tirreferi ġie mħassar.

L-Emendi 15, 16, 17:

dawn l-emendi ma setgħux jiġu inkorporati. Madankollu, l-ispirtu ta' dawn l-emendi huwa rifless fl-Artikolu 4(a)2 li għandu l-għan li jġib 'il quddiem id-dħul fis-seħħ għal Mejju 2006, biex tkun allinjata ma' l-Anness VI tal-MARPOL.

L-Emendi 21 u 22:

ma setgħux jiġu inkorporati.

L-Emenda 28:

ma setgħatx tiġi inkorporata.

L-Emendi 41 u 42:

ma setgħux jiġu aċċettati għax il-Kunsill ħass li kien prematur li tiġi antiċipata leġislazzjoni futura (tieni fażi), li jkun jiddependi fuq il-valutazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' l-emendi attwali. Minkejja dan, il-ħtieġa għal aktar titjib fil-futur hija rikonoxxuta mill-Artikolu 7.2 ġdid.

L-Emenda 24:

ma setgħatx tiġi inkorporata.

L-Emenda 25:

ma setgħatx tiġi inkorporata għax inħass li ma kinitx proporzjonata.

L-Emenda 26:

ma setgħatx tiġi aċċettata billi l-Emenda 42 kienet ġiet respinta (l-Artikolu 4.a.a ġdid).

L-Emenda 37:

ma setgħatx tiġi inkorporata għax il-Kunsill ħass li jkunu meħtieġa 12-il xahar għat-traspożizzjoni.

(ċ)

Il-Kunsill introduċa l-Artikolu 4a (3) u (4) biex jikkjarifika kwistjonijiet relatati ma' l-infurzar tad-dispożizzjonijiet differenti tad-Direttiva.

IV.   KONKLUŻJONI

Minkejja l-fatt li l-Kunsill ma jistax jaċċetta l-emendi kollha adottati mill-Parlament Ewropew, jikkunsidra li l-pożizzjoni komuni tissodisfa fil-wisgħa t-tħassib tal-Parlament Ewropew u li tikkonforma mal-proposta emendata tal-Kummissjoni, u tnaqqas b'mod sostanzjali l-emmissjonijiet ta' diossidu tal-kubrit fl-UE, bi tnaqqis immirat li jagħti l-akbar numru ta' benefiċċji possibbli fi u madwar linji tal-kosta u portijiet popolati u fl-ekosistemi sensittivi għall-aċidu.

Dan l-eżerċizzju jagħti inċentiv lill-Istati Membri ta' l-UE biex internazzjonalment jagħmlu aktar biex itejbu l-istandards ambjentali għall-bastimenti u b'mod partikolari permezz tar-ratifika u t-tisħiħ ta' l-Anness VI tal-MARPOL.


Top