EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali mill-universitajiet u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Rakkomandazzjoni 2008/416/KE dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intellettwali f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ għarfien u Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi oħrajn

X’INHU L-GĦAN TAR-RAKKOMANDAZZJONI?

Ir-rakkomandazzjoni timmira li ttejjeb il-ġestjoni tal- proprjetà intellettwali (IP) u t-trasferiment tal-għarfien mill-universitajiet u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi (PROs) f’pajjiżi tal-UE.

F’din ir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tinkoraġġixxi lill-pajjiżi tal-UE sabiex jintroduċu politiki jew linji gwida sabiex jiżguraw li r-riżultati ta’ riċerka xjentifika ffinanzjata pubblikament jintużaw b’mod kummerċjali jew għal aktar riċerka, sabiex tiġi inkoraġġuta l-adozzjoni ta’ innovazzjonijiet.

PUNTI EWLENIN

L-universitajiet u l-PROs għandhom jiġġestixxu l-proprjetà intellettwali tagħhom sabiex jiffaċilitaw it-trasferiment tal-għarfien, b’mod partikolari permezz tal-għoti ta’ liċenzji u l-ħolqien ta’ kumpaniji spin-off.

Sabiex jiġu mtejbin il-ġestjoni u l-għarfien dwar il-IP mill-universitajiet u l-PROs Ewropej, din ir-rakkomandazzjoni tistabbilixxi għadd ta’ prinċipji li l-pajjiżi tal-UE jintalbu jsegwu meta jkunu qed iħejju l-linji gwida jew ir-regoli tagħhom.

F’konformità ma’ dawn il-prinċipji, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE sabiex:

  • jipprijoritizzaw it-trasferiment tal-għarfien għall-universitajiet u l-PROs;
  • jistiednu lill-universitajiet u lill-PROs sabiex iħejju u jimplimentaw miżuri dwar il-ġestjoni tal-proprjetà intellettwali f’konformità mal-Kodiċi ta’ Prattika stabbilita fl-Anness I tar-rakkomandazzjoni;
  • jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet u ħiliet fil-proprjetà intellettwali, it-trasferiment tal-għarfien u l-kultura intraprenditorjali fi ħdan l-universitajiet u l-PROs;
  • jippermettu t-tixrid ta’ riżultati ta’ riċerka ffinanzjata pubblikament, filwaqt li jiżguraw li l-proprjetà intellettwali tiġi protetta kif xieraq;
  • jikkooperaw bil-għan li jtejbu l-konsistenza tal-iskemi rispettivi tagħhom fir-rigward tal-proprjetà intellettwali, li jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien fuq livell internazzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp;
  • jużaw il-prinċipji stipulati f’din ir-rakkomandazzjoni bħala l-bażi għat-tħejjija jew l-adattament ta’ linji gwida u politiki dwar il-ġestjoni tal-IP, it-trasferiment tal-għarfien jew skemi ta’ finanzjament ġodda, jew sabiex jikkonkludu ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE fil-qasam tar-riċerka;
  • jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika;
  • jiggarantixxu trattament ekwu u ġust għal proġetti ta’ riċerka internazzjonali f’termini ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, fl-interess reċiproku tas-sħab ikkonċernati kollha;
  • jaħtru kuntatt nazzjonali responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ miżuri fir-rigward tat-trasferiment tal-għarfien bejn l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi u s-settur privat;
  • jeżaminaw u jutilizzaw l-aqwa prattiki stabbiliti fl-Anness II tar-rakkomandazzjoni, b’kunsiderazzjoni tal-kuntest nazzjonali;
  • jinfurmaw lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Lulju 2010 u kull sentejn wara din id-data bil-miżuri adottati abbażi ta’ din ir-rakkomandazzjoni, kif ukoll bl-impatt tagħhom.

Il-Kodiċi ta’ Prattika għall-universitajiet u PROs oħrajn tipproponi prinċipji operazzjonali sabiex jintużaw mill-PROs u l-universitajiet meta dawn ikunu qed jiddefinixxu jew jirrevedu l-politiki istituzzjonali tagħhom. L-universitajiet għandhom, b’mod partikolari, jinkoraġġixxu l-użu u t-tixrid ta’ riżultati ta’ riċerka ffinanzjata pubblikament, filwaqt li jippermettu li l-proprjetà intellettwali tkun protetta.

SFOND

Din ir-rakkomandazzjoni hija waħda mill-ħames inizjattivi strateġiċi ppjanati mill-Kummissjoni fl-2008 b’segwitu għall-Green Paper tagħha mmirata lejn il-ħolqien ta’ Żona Ewropea ta’ Riċerka ġenwina. Din hija bbażata wkoll fuq il-komunikazzjoni tal-2007 tal-Kummissjoni dwar it-trasferiment tal-għarfien.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Rakkomandazzjoni 2008/416/KE tal-Kummissjoni tal-10 ta’ April 2008 dwar il-ġestjoni ta’ proprjetà intellettwali f’attivitajiet għat-trasferiment ta’ għarfien u Kodiċi ta’ Prattika għal universitajiet u organizzazzjonijiet ta’ riċerka pubbliċi oħrajn (ĠU L 146, 5.6.2008, pp. 19–24)

l-aħħar aġġornament 16.05.2018

Top