Ftehim doganali bejn l-UE u l-Indja
SOMMARJU TA’:
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/633/KE li tikkonkludi l-ftehim bejn l-UE u l-Indja dwar koperazzjoni doganali u assistenza reċiproka amministrattiva fi kwistjonijiet doganali
Ftehim bejn l-UE u l-Indja dwar koperazzjoni doganali u assistenza reċiproka amministrattiva fi kwistjonijiet doganali
X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI U TAL-FTEHIM?
- Id-deċiżjoni tikkonċerna l-iffirmar, mill-UE u mill-Indja, ta’ ftehim immirat biex jissimplifika l-miżuri doganali u l-kondiviżjoni ta’ esperjenza u għarfien fil-qasam doganali.
- Il-ftehim jimmira biex jiffaċilita l-moviment leġittimu tal-merkanzija u l-koperazzjoni effikaċi bejn l-awtoritajiet amministrattivi responsabbli għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali*. Dan jintlaħaq bl-istabbiliment ta’ kanali ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali bil-għan li tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni sikura u rapida tal-informazzjoni. Il-koperazzjoni prevista mill-ftehim tista’ tiġi miżjuda u ssupplimentata permezz ta’ ftehimiet dwar setturi u kwistjonijiet speċifiċi.
PUNTI EWLENIN
Kooperazzjoni doganali
Il-partijiet jimpenjaw ruħhom li jiżviluppaw kooperazzjoni doganali billi:
- jiffaċilitaw il-moviment leġittimu tal-merkanzija u jwettqu skambju ta’ informazzjoni u għarfien espert relatati mat-tekniki u l-proċeduri doganali u sistemi kompjuterizzati;
- jipprovdu assistenza teknika lil xulxin;
- iwettqu skambju ta’ persunal u għarfien espert;
Assistenza amministrattiva reċiproka
- Il-partijiet jimpenjaw ruħhom li jipprovdu assistenza lil xulxin bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali. Il-ftehim jipprevedi żewġ tipi ta’ assistenza:
- għajnuna fuq talba: l-awtorità rikjesta* tipprovdi lill-awtorità rikjedenti* l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermettiha tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali u l-identifikazzjoni ta’ operazzjonijiet li jkunu qed jiksru l-leġiżlazzjoni. L-informazzjoni tista’ tirrigwarda offiżi bħall-preżentazzjoni ta’ dokumenti skorretti jew foloz u r-regolarità tal-proċeduri ta’ esportazzjoni u ta’ importazzjoni bejn iż-żewġ partijiet. Tista’ wkoll tintalab assistenza f’każijiet fejn hemm raġunijiet biex wieħed jassumi li individwi, postijiet, oġġetti jew mezzi tat-trasport huma involuti fi ksur tal-leġiżlazzjoni.
- assistenza spontanja: il-partijiet jipprovdu assistenza lil xulxin jekk iqisu dan neċessarju għall-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali. B’mod partikolari jikkondividu bejniethom, fuq inizjattiva tagħhom stess, kwalunkwe informazzjoni li tista’ tgħin biex tiġi evitata ħsara sostanzjali lill-ekonomija, lis-saħħa pubblika jew lil interessi vitali simili.
Aspetti formali u eċċezzjonijiet mill-assistenza
- It-talbiet iridu jitressqu bil-miktub, ħlief f’każijiet urġenti, li fihom jistgħu jitressqu talbiet orali li jiġu kkonfermati bil-miktub aktar tard. It-talbiet irid ikun fihom:
- dejta dwar l-awtorità rikjedenti;
- il-miżura mitluba;
- l-objettiv tat-talba u r-raġuni warajha;
- l-istrumenti legalment vinkolanti kollha involuti;
- id-dettalji tal-persuni soġġetti għal investigazzjoni.
- Il-parti rikjesta tista’ tirrifjuta li tipprovdi assistenza f’każijiet fejn ikun probabbli li din tippreġudika s-sovranità, l-ordni pubbliku, is-sigurtà jew interessi essenzjali oħra ta’ waħda mill-partijiet. L-obbligu li tingħata assistenza jista’ jiġi rrinunzjat ukoll f’każijiet fejn din kieku tikser sigriet industrijali, kummerċjali jew professjonali. Il-parti rikjesta tista’ wkoll tiddeċiedi li tipposponi l-assistenza bir-raġunament li din tinterferixxi ma’ investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċedimenti li għaddejjin.
- Il-ftehim jinkludi klawżoli ta’ kunfidenzjalità b’rabta mal-informazzjoni pprovduta, li hija koperta bl-obbligu tas-segretezza professjonali. Jingħata livell għoli ta’ protezzjoni lid-data personali.
- Il-ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali li jissorvelja l-operat tal-ftehim u jeżamina kull kwistjoni li tqajjem l-applikazzjoni tiegħu.
MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?
Id-deċiżjoni ilha tapplika mit-30 ta’ Marzu 2004. Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2004.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Leġiżlazzjoni doganali: kwalunkwe regola adottata mill-UE jew mill-Indja rigward l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu tal-merkanzija u t-tqegħid tagħha taħt kwalunkwe proċedura doganali oħra, inklużi miżuri ta’ projbizzjoni, restrizzjoni u kontroll.
Awtorità rikjesta: l-awtorità doganali kompetenti li tirċievi talba għal assistenza.
Awtorità rikjedenti: l-awtorità doganali kompetenti li tressaq talba għal assistenza.
DOKUMENTI EWLENIN
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/633/KE tat-30 ta’ Marzu 2004 li tikkonċerna l-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Indja dwar koperazzjoni doganali u assistenza reċiproka amministrattiva fi kwistjonijiet doganali (ĠU L 304, 30.9.2004, p. 24)
Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Indja dwar koperazzjoni doganali u assistenza reċiproka amministrattiva fi kwistjonijiet doganali (ĠU L 304, 30.9.2004, p. 25-31)
l-aħħar aġġornament 07.11.2017
Top