Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Schengen

SOMMARJU TA’:

L-acquis ta’ Schengen – Ftehim bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontroll fuq il-fruntieri komuni tagħhom

L-acquis ta’ Schengen – Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom

X’INHI SCHENGEN?

Schengen hija l-ikbar żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni fid-dinja. Din tiggarantixxi l-moviment liberu għal aktar minn 450 miljun ċittadin tal-Unjoni Ewropea (UE), u ma’ pajjiżi assoċjati, flimkien ma’ nazzjonali li jgħixu fl-UE jew li jżuru l-UE jew pajjiżi assoċjati bħala turisti, studenti fuq programmi ta’ skambju jew għal skopijiet ta’ negozju (kwalunkwe persuna legalment preżenti fl-UE jew f’pajjiżi assoċjati).

X’INHU L-GĦAN TAŻ-ŻONA SCHENGEN?

It-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà għaċ-ċittadini tagħha. Din tinvolvi l-issikkar u l-applikazzjoni ta’ kriterji uniformi dwar kontrolli fil-fruntiera esterna komuni, l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni bejn il-gwardji tal-fruntieri, il-pulizija nazzjonali u l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-użu ta’ sistemi sofistikati ta’ skambju ta’ informazzjoni.

PUNTI EWLENIN

Evoluzzjoni tal-kooperazzjoni ta’ Schengen

Il-kooperazzjoni ta’ Schengen kibret minn inizjattiva ta’ ħames pajjiżi għal żona ta’ politika tal-UE ewlenija li tirregola vjaġġar mingħajr fruntieri interni u kontroll fuq il-fruntieri esterni, fl-istadji li ġejjin:

  • 1985. Il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u n-Netherlands jiffirmaw ftehim, fil-villaġġ ta’ Schengen fil-Lussemburgu, dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom.
  • 1990. L-istess ħames pajjiżi jiffirmaw il-Konvenzoni ta’ Schengen li tispjega l-miżuri u s-salvagwardji għall-applikazzjoni tal-ftehim.
  • 1995. Il-ħolqien taż-żona Schengen mingħajr fruntieri interni bit-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri interni bejn seba’ Stati Membri tal-UE.
  • 1999. Il-Protokoll ta’ Schengen għat-Trattat ta’ Amsterdam jinkorpora l-kooperazzjoni ta’ Schengen fil-qafas legali tal-UE.
  • 2022. It-twaqqif tal-Kunsill ta’ Schengen u ċ-ċiklu tal-Kunsill ta’ Schengen, pedament tas-sistema ta’ governanza ta’ Schengen.
  • 2025. Approvazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Schengen biex jitfakkar l-40 anniversarju mill-iffirmar tal-Ftehim ta’ Schengen u biex jiġġedded l-impenn għal żona mingħajr fruntieri interni.

Sħubija

  • Minn ħames membri fundaturi, iż-żona Schengen issa tinkludi l-Istati Membri kollha għajr għall-Irlanda flimkien ma’ erba’ pajjiżi assoċjati: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.

Fil-prattika, il-kontrolli fil-fruntieri interni

  • Kwalunkwe persuna legalment preżenti fiż-żona Schengen, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħha, tista’ taqsam fruntieri interni mingħajr ma tiġi kkontrollata.
  • L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jwettqu kontrolli tal-pulizija fuq il-post jew fiż-żoni tal-fruntieri meta dawn ikunu bbażati fuq informazzjoni u esperjenza ġenerali u ma jkunux kontrolli sistematiċi tal-passaporti.
  • L-individwi huma meħtieġa jġorru ċerti dokumenti tal-ivvjaġġar, skont jekk ikunux ċittadini tal-UE, membri tal-familja mhux tal-UE jew ċittadini mhux tal-UE.
  • Kwalunkwe pajjiż li huwa parti miż-żona ta’ Schengen jista’ eċċezzjonalment jintroduċi mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri, bħala miżura temporanja tal-aħħar istanza, jekk ikun hemm theddida serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna. Huwa jeħtieġlu jinforma lil Stati oħra ta’ Schengen, lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pubbliku. Wara l-COVID, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen issa jinkludi wkoll regoli speċifiċi għall-introduzzjoni ta’ miżuri f’każ ta’ kriżi tas-saħħa, li jagħtu rwol lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Sigurtà msaħħa

Iż-żona Schengen tħaddan sett uniku ta’ regoli li jkopru:

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS)

Din is-sistema ta’ informazzjoni fuq skala kbira:

  • tappoġġa l-kontrolli fil-fruntieri esterni u l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġijiet bejn l-Istati ta’ Schengen;
  • inħolqot fl-1995 u wara espandiet, l-aktar reċenti fl-2023, b’allerti ġodda, aġġornamenti u ritratti tal-allerti, fid-dawl tal-iżvilupp ta’ sfidi tal-migrazzjoni u tas-sigurtà;
  • fiha informazzjoni dwar:
    • kriminali suspettati,
    • individwi li jista’ ma jkollhomx id-dritt li jidħlu jew li jibqgħu fl-UE,
    • persuni nieqsa,
    • proprjetà misruqa, miżapproprjata jew mitlufa;
  • tintuża mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għal:
    • kontrolli fil-fruntieri,
    • kontrolli tal-pulizija u tad-dwana,
    • prosekuzzjonijiet pubbliċi fi proċedimenti kriminali u inkjesti ġudizzjarji qabel l-akkuża,
    • il-viżi u l-permessi ta’ residenza;
  • tista’ tiġi aċċessata mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, (Frontex) mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol).

Sistema ta’ informazzjoni dwar il-viża (VIS)

Is-sistema ta’ informazzjoni dwar il-viża tippermetti lill-Istati ta’ Schengen jaqsmu d-data dwar il-viża, speċjalment dwar l-applikazzjonijiet għall-viża għal soġġorn qasir. Bħas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen, din hija operata mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA).

Il-kundizzjonijiet għal sħubija

L-Istati Membri l-ġodda jeħtiġilhom jallinjaw is-sistemi nazzjonali tagħhom mar-regoli kollha ta’ Schengen bħala parti mill-proċess ta’ tkabbir tal-UE. Dan jinvolvi l-bini tal-kapaċità istituzzjonali u operazzjonali biex ir-regoli ta’ Schengen jiġu applikati għall-ogħla standards permezz ta’ qafas nazzjonali b’saħħtu ta’ governanza ta’ Schengen.

Meta pajjiż jissieħeb fl-UE, isir Stat ta’ Schengen, jiġifieri r-regoli kollha ta’ Schengen isiru vinkolanti mal-adeżjoni. Madankollu, xi dispożizzjonijiet japplikaw biss fi stadju aktar tard – bħal aċċess attiv sħiħ għas-sistemi ta’ informazzjoni kollha, id-dritt li jinħarġu viżi ta’ Schengen u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Biex dawn japplikaw, l-Istat il-ġdid ta’ Schengen jeħtieġlu jgħaddi minn evalwazzjoni komprensiva kkoordinata mill-Kummissjoni u mwettqa f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, skont il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen (ara s-sommarju).

Ladarba l-evalwazzjoni tikkonferma li l-pajjiż jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa u japplika l-acquis ta’ Schengen effettivament, il-Kunsill jadotta deċiżjoni li tawtorizza t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Dan l-aħħar pass jimmarka l-integrazzjoni sħiħa tal-pajjiż fiż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen daħlet fis-seħħ b’mod sħiħ fis-, neħħiet il-kontrolli fil-fruntieri interni u effettivament stabbiliet iż-żona Schengen mingħajr fruntieri interni.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Ftehim bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontroll fuq il-fruntieri komuni (ĠU L 239, , pp. 13–18).

Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU L 239, , pp. 19–62).

l-aħħar aġġornament

Top