Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

programm Kultura (2007–2013)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi strument ta’ ffinanzjar u programmar għall-kooperazzjoni kulturali għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2013. Tipprovdi għal baġit ta’ EUR 400 miljun biex tiġi żviluppata kooperazzjoni kulturali transnazzjonali bejn l-operaturi mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) jew tal-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE li jipparteċipaw fil-programm. L-għan tal-programm Kultura huwa li jappoġġja l-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni kulturali, l-organizzazzjonijiet Ewropej attivi fil-qasam tal-kultura, kif ukoll il-ġbir u t-tixrid ta’ informazzjoni fil-qasam tal-kultura.

ATT

Id-Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-Programm Kultura (2007 – 2013) (ara l-att(i) emendatorju(i)).

SOMMARJU

Fid-dawl tal-eżempju tal-programmi kulturali ta’ qabel, l-għan ġenerali tal-programm Kultura huwa li jkattar l-ispazju kulturali komuni għall-Ewropej bil-ħsieb li jiġi inkoraġġut l-iżvilupp taċ-ċittadinanza Ewropea.

Tliet għanijiet

Il-programm għandu tliet għanijiet ewlenin b’valur miżjud Ewropew sostanzjali:

  • li jappoġġja l-mobilità transnazzjonali tal-professjonisti fis-settur kulturali;
  • li jinkoraġġixxi ċ-ċirkolazzjoni ta’ xogħlijiet ta’ arti u prodotti artistiċi u kulturali lil hinn mill-fruntieri nazzjonali;
  • li jippromwovi d-djalogu interkulturali.

Sabiex ikunu jistgħu jirċievu l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea (UE), il-proġetti magħżula se jkollhom jissodisfaw wieħed jew aktar minn dawn l-għanijiet.

Tliet livelli ta’ intervent

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tipprovdi tliet livelli ta’ intervent, li jirrispondu għall-ħtiġijiet differenti:

  • l-appoġġ għal attivitajiet kulturali. Din id-deċiżjoni tidentifika tliet tipi ta’ azzjoni kulturali bħala eliġibbli għall-appoġġ tal-UE:
  • appoġġ għall-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam kulturali. Din l-għajnuna hija maħsuba għall-organizzazzjonijiet li għandhom influwenza ġenwina fuq il-livell tal-UE jew li jkopru mill-inqas seba’ pajjiżi Ewropej. L-organizzazzjonijiet jistgħu jibbenefikaw minn dan l-appoġġ jekk jipprovdu rappreżentanza fuq il-livell tal-UE, ixerrdu informazzjoni għall-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni kulturali fuq il-livell tal-UE jew jipparteċipaw fi proġetti ta’ kooperazzjoni kulturali billi jaġixxu bħala ambaxxaturi għall-kultura Ewropea. L-għażla se ssir wara sejħa għal proposti;
  • appoġġ għall-analiżi, il-ġbir u t-tixrid ta’ informazzjoni u għall-ottimizzazzjoni tal-impatt tal-proġetti fil-qasam tal-kooperazzjoni kulturali u tal-iżvilupp ta’ politika. L-għan ta’ dan l-appoġġ huwa li jżid il-volum u l-kwalità tal-informazzjoni u d-dejta dwar il-kooperazzjoni kulturali u l-iżvilupp ta’ politika fuq livell Ewropew, kif ukoll li jippromwovi t-tixrid tagħhom, inkluż permezz tal-Internet. Għandu l-għan ukoll li jiżgura t-tixrid lokali u mmirat ta’ informazzjoni prattika dwar il-programm. Għal dan l-għan, sejrin jitwaqqfu punti ta’ kuntatt għall-kultura biex jippromwovu l-programm, iħeġġu l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-programm mill-akbar numru possibbli ta’ professjonisti u operaturi fil-qasam kulturali u jipprovdu konnessjoni effiċjenti mad-diversi istituzzjonijiet li jipprovdu appoġġ kulturali fil-pajjiżi tal-UE.

Programm aktar faċli għall-użu

Il-Kummissjoni sejra tafda l-ġestjoni tal-programm lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura u sejra tintroduċi metodi aktar sempliċi għall-benefiċjarji. Barra minn hekk, għandha l-ħsieb li tissimplifika l-forom u tagħmel il-proċedura tal-għoti aktar trasparenti. Tixtieq ukoll tapplika l-prinċipju tal-proporzjonalità, filwaqt li fl-istess ħin tikkonforma mar-Regolament Finanzjarju fis-seħħ.

Prevenzjoni ta’ frodi

Il-Kummissjoni se tkompli tapplika sistema ta’ verifika biex tiċċekkja kif intużaw l-għotjiet u biex titlob lill-benefiċjarji tal-għotjiet jipprovdu dokumenti ta’ appoġġ fi kwalunkwe żmien għal perjodu ta’ ħames snin. Għandha wkoll aċċess għall-uffiċċji tal-benefiċjarji u għall-informazzjoni kollha meħtieġa. Ir-riżultati ta’ dawn il-verifiki, fejn xieraq, jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet ta’ rkupru. Il-Qorti tal-Awdituri u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandhom l-istess drittijiet.

Kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex membri tal-UE

Soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, il-programm huwa miftuħ għal parteċipazzjoni minn:

  • il-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE li iżda jiffurmaw parti miż-Żona Ekonomika Ewropea (l-Islanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein);
  • il-pajjiżi kandidati li qegħdin jibbenefikaw minn strateġija ta’ qabel l-adeżjoni;
  • il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

Il-programm huwa miftuħ ukoll għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħra li mhumiex membri tal-UE li kkonkludew ftehimiet bilaterali mal-UE li jinkludu klawżoli kulturali.

Ġestjoni, baġit u evalwazzjoni

Il-Kummissjoni hija megħjuna minn kumitat. Ħafna mill-miżuri ta’ implimentazzjoni, u b’mod partikolari dawk relatati mal-appoġġ għal azzjonijiet kulturali, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami.

Il-baġit propost inizjalment għall-perjodu 2007–2013 huwa ta’ EUR 400 miljun. Hawn taħt huwa inkluż it-tqassim indikattiv ta’ dan il-baġit:

  • madwar 77 % għall-appoġġ ta’ azzjonijiet kulturali;
  • madwar 10 % għall-appoġġ ta’ organizzazzjonijiet;
  • madwar 5 % għall-analiżi u l-informazzjoni;
  • madwar 8 % għall-ġestjoni tal-programm.

F’nofs it-terminu, iżda mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni sejra tippubblika l-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni interim dwar il-programm. Dan ir-rapport se jkun segwit minn komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-programm, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011. Fl-aħħar nett, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport ta’ evalwazzjoni finali.

Kuntest

Il-bażi legali għal azzjoni tal-UE fil-qasam tal-kultura hija l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan l-artikolu jiffoka fuq il-promozzjoni tad-diversità kulturali u l-wirt kulturali komuni, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Il-programm Kultura, li jsegwi mill-programm “Kultura 2000” u l-programmi preċedenti Raphael, Ariane u Kaleidoscope, ġie stabbilit f’dan il-qafas.

Referenzi

Att

Dħul fis-seħħ - Data ta' skadenza

Skadenza għat-transpożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE

28.12.2006 – 31.12.2013

ĠU L 372, 27.12.2006

Att(i) emendatorju(i)

Dħul fis-seħħ - Data ta' skadenza

Skadenza għat-transpożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni Nru 1352/2008/KE

25.12.2008 – 31.12.2013

ĠU L 348, 24.12.2008

ATTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta’ Jannar 2011 — Rapport ta’ evalwazzjoni interim dwar l-implimentazzjoni tal-programm Kultura (COM(2010) 810 finali — Mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

L-aħħar aġġornament: 12.04.2011

Top