EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-programm Marco Polo II

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 1692/2006 li jistabbilixxi t-tieni programm Marco Polo għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Komunità biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija (Marco Polo II)

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Il-programm Marco Polo II kien imfassal biex iċaqlaq il-merkanzija mit-triq għal mezzi ta’ trasport li jirrispettaw aktar l-ambjent u biex iżid l-effiċjenza tal-operazzjonijiet tat-trasport billi jevita traffiku mhux meħtieġ u vjaġġi vojta.
  • Il-programm kellu l-għan li jtejjeb l-intermodalità* billi jsir użu aħjar fis-sistema tat-trasport tar-riżorsi eżistenti billi t-tbaħħir fil-qosor u t-trasport bil-ferrovija u bl-ilma jiġu inkorporati fil-katina loġistika.
  • Ir-Regolament iħassar ir-Regolament (KE) Nru 1382/2003, li stabbilixxa l-ewwel programm Marco Polo.

PUNTI EWLENIN

  • Il-programm Marco Polo II kien fis-seħħ mill-2007 sal-2013, bħala suċċessur għall-programmi Marco Polo I (2003-2006) u PACT (1997-2001).
  • Il-programm kien maħsub biex jipprovdi appoġġ operattiv lill-entitajiet tat-trasport u tal-loġistika bil-għan li jindirizza l-fallimenti tas-suq li jikkawżaw żbilanċi u ineffiċjenzi fis-settur Ewropew tat-trasport tal-merkanzija, speċjalment minħabba l-pożizzjoni dominanti tat-trasport bit-triq.
  • L-għanijiet ewlenin tiegħu kienu li jnaqqas il-konġestjoni u li jtejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija. B’hekk ikkontribwixxa għal sistema tat-trasport effiċjenti u sostenibbli li tipprovdi valur miżjud tal-UE mingħajr ma jkollha impatt negattiv fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali jew territorjali.
  • Il-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ proġetti ġew ivvalutati u mħallsa fuq il-bażi ta’ riżultati kwantifikabbli, bħal bidla modali li attwalment qed tinkiseb u t-traffiku tal-merkanzija li qed jiġi evitat fin-network Ewropew tat-trasport.
  • Marco Polo II ippermetta għal kopertura ġeografika usa’ billi appoġġa azzjonijiet operati mhux biss bejn il-pajjiżi tal-UE iżda wkoll bejn mill-inqas pajjiż wieħed tal-UE u pajjiż mhux tal-UE fil-qrib.
  • Baġit totali ta’ EUR 435 miljun kien disponibbli biex jiffinanzja ħames tipi ta’ azzjonijiet:
    • bidla modali,
    • katalizzatur,
    • tagħlim komuni,
    • awtostradi tal-baħar, u
    • l-evitar tat-traffiku.
  • L-azzjonijiet intgħażlu permezz ta’ sejħiet annwali għall-proposti.
  • L-azzjonijiet kollha ffinanzjati taħt il-programm Marco Polo II tlestew u l-programm wasal fi tmiemu.
  • Żewġ aġenziji eżekuttivi kienu qed jimmaniġġjaw il-programm: L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni sal-aħħar tal-2013 u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Networks mill-2014 sal-għeluq tagħha.
  • Fl-2013, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni dwar ir-riżultati tal-programmi Marco Polo għall-perjodu mill-2003 sal-2010.

Azzjonijiet eliġibbli

L-azzjonijiet li ġejjin kienu eliġibbli.

  • Azzjonijiet ta’ katalizzatur: azzjonijiet immirati biex jingħelbu l-ostakli strutturali sinifikanti fis-suq tat-trasport tal-merkanzija tal-UE li jimpedixxu l-funzjonament effiċjenti tas-swieq, il-kompetittività tat-tbaħħir fil-qosor, it-trasport bil-ferrovija jew fl-ilmijiet navigabbli interni, u/jew l-effiċjenza tal-ktajjen tat-trasport li jagħmlu użu minn dawn il-modi. Dawn għandhom l-għan li jtejbu s-sinerġiji fis-setturi tat-trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni u tbaħħir fil-qosor, inklużi l-awtostradi tal-baħar, billi jagħmlu użu aħjar mill-infrastruttura eżistenti.
  • Azzjonijiet ta’ bidla modali: azzjonijiet immirati lejn iċ-ċaqliq tal-merkanzija mit-trasport bit-triq għal tbaħħir fil-qosor, trasport bil-ferrovija, fl-ilmijiet navigabbli interni jew taħlita ta’ modi ta’ trasport. L-għan huwa li l-vjaġġi bit-triq jinżammu qosra kemm jista’ jkun.
  • Azzjonijiet ta’ tagħlim komuni: azzjonijiet immirati lejn it-titjib tal-kooperazzjoni għall-ottimizzazzjoni strutturali tal-metodi u l-proċeduri tax-xogħol fil-katina tat-trasport tal-merkanzija, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti tal-loġistika.
  • Awtostradi tal-baħar: idea introdotta għall-ewwel darba mill-White Paper tal-2001 dwar il-politika Ewropea tat-trasport. L-awtostradi tal-baħar għandhom l-għan li jittrasferixxu direttament proporzjon ta’ merkanzija mit-triq għat-tbaħħir fil-qosor jew kombinazzjoni ta’ tbaħħir fil-qosor u modi oħra ta’ trasport li fihom il-vjaġġi bit-triq huma qosra kemm jista’ jkun. Pereżempju, jistgħu jiġu stabbiliti awtostradi tal-baħar bejn Spanja u Franza biex jeliminaw ir-restrizzjoni tat-traffiku fit-toroq fil-Pirinej.
  • Azzjonijiet ta’ evitar tat-traffiku: kwalunkwe azzjoni innovattiva mmirata lejn l-integrazzjoni tat-trasport fil-loġistika tal-produzzjoni tan-negozji biex jiġi evitat perċentwal kbir ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq mingħajr ma jiġi affettwat ħażin l-output tal-produzzjoni jew il-kapaċità tal-forza tax-xogħol.

Il-kriterji tal-għażla tal-proposti sottomessi

  • L-azzjonijiet għandhom jiġu sottomessi minn impriżi jew konsorzji stabbiliti f’pajjiżi tal-UE jew f’pajjiżi parteċipanti, li jinkludu pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, iż-Żona Ekonomika Ewropea u pajjiżi mhux tal-UE viċin soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet.
  • L-assistenza finanzjarja tal-UE kellha l-forma ta’ għotjiet. Għall-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ proġetti, din kienet ibbażata fuq in-numru ta’ tunnellati-kilometri trasferiti mit-triq għal mezzi oħra ta’ trasport bil-baħar jew fuq l-art jew in-numru ta’ kilometri ta’ vetturi ta’ merkanzija bit-triq evitati. L-għan kien li jiġu ppremjati proġetti ta’ kwalità għolja. L-għotja tal-UE ma setgħetx twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.
  • Il-programm jagħti attenzjoni speċjali liż-żoni sensittivi u metropolitani. Il-Kummissjoni tevalwa l-azzjonijiet sottomessi, filwaqt li tqis il-kontribut tagħhom għat-tnaqqis tal-konġestjoni fit-toroq, iżda wkoll il-merti ambjentali relattivi tagħhom u s-sostenibbiltà ġenerali tagħhom.
  • L-assistenza finanzjarja tal-UE għad-diversi azzjonijiet hija limitata għal massimu ta’ 35% tan-nefqa totali meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet tal-azzjoni u li seħħew b’riżultat tagħha. Fil-każ ta’ azzjonijiet ta’ tagħlim komuni, il-limitu hu ta’ 50%.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Intermodalità: L-intermodalità, magħrufa wkoll bħala multimodalità, hija indikatur tal-kwalità tal-livell ta’ integrazzjoni bejn il-modi differenti tat-trasport. Aktar intermodalità tfisser aktar integrazzjoni u komplementarjetà bejn il-modi, li tipprovdi kamp ta’ applikazzjoni għal użu aktar effiċjenti tas-sistema tat-trasport.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 1692/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li jistabbilixxi t-tieni programm Marco Polo għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Komunità biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija (Marco Polo II), u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1382/2003 (ĠU L 328, 24.11.2006, pp. 1-13)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1692/2006 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-programm Marco Polo — Riżultati u perspettivi (COM(2013) 278 final, 14.5.2013)

l-aħħar aġġornament 10.08.2020

Top