EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Statistika rigward il-ġarr tal-passiġġieri, il-merkanzija u l-posta bl-ajru
SOMMARJU TA’:
Ir-Regolament (KE) Nru 1358/2003 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 437/2003
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI?
Sabiex tiġi fformulata l-politika tal-UE dwar l-avjazzjoni, din jeħtieġ li jkollha data statistika komparabbli, konsistenti, sinkronizzata u regolari dwar l-iskala u l-iżvilupp tal-ġarr tal-passiġġieri, il-merkanzija u l-posta bl-ajru fi ħdan l-UE. Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 437/2003 għandu l-għan li jistabbilixxi bażi statistika solida għal dan l-iskop.
Huwa kkomplementat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (KE) Nru 1358/2003 li fih informazzjoni metodoloġika importanti, bħalma huma l-kategoriji tal-ajruporti li fuqhom huma bbażati l-obbligi tar-rappurtar, aktar definizzjonijiet u linji gwida tal-kodifikazzjoni.
PUNTI EWLENIN
L-għan tar-Regolament (KE) Nru 437/2003 huwa li tinġabar informazzjoni affidabbli, regolari, aġġornata, armonizzata u komparabbli dwar il-ġarr tal-passiġġieri, il-merkanzija u l-posta bl-ajru. Il-ġbir ta’ data komuni fuq bażi komparabbli jew armonizzata jagħmilha possibbli li tiġi stabbilita sistema integrata li tipprovdi informazzjoni affidabbli, konsistenti u fil-pront.
Kull pajjiż tal-UE għandu jiġbor data statistika dwar:
Kull pajjiż tal-UE għandu jiġbor ukoll id-data speċifikata kollha għall-ajruporti kollha tal-UE fit-territorju tiegħu b’iktar minn 150,000 passiġġier kull sena. Għandha tinġabar statistika inqas dettaljata għal ajruporti ta’ bejn 15,000 u 150,000 passiġġier, waqt li ajruporti b’inqas minn 15,000 passiġġier m’għandhomx għalfejn jirrapportaw.
Fejn ikun possibbli, il-ġbir tad-data għandu jkun ibbażat fuq sorsi disponibbli sabiex jiġi minimizzat il-piż fuq ir-rispondenti. Meta pajjiż tal-UE jitlob lil rispondent biex jipprovdi informazzjoni, ir-rispondent huwa obbligat jagħti informazzjoni vera u kompluta sad-data ta’ skadenza mogħtija.
Il-ġbir tad-data għandu jkun ibbażat fuq prospetti mimlijin sakemm ma jiġux stabbiliti standards ta’ preċiżjoni oħrajn mill-Kummissjoni Ewropea. Il-pajjiżi tal-UE għandhom jibagħtu r-riżultati tal-ipproċessar tad-data, inkluża d-data ddikjarata kunfidenzjali, lill-Eurostat.
Meta jintalbu mill-Kummissjoni, il-pajjiżi tal-UE għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni kollha rigward il-metodi użati fil-ġbir tad-data, kif ukoll kwalunkwe bidliet sostantivi f’dawn il-metodi.
Ir-Regolament (KE) Nru 1358/2003 jistabbilixxi l-lista ta’ ajruporti tal-UE (minbarra dawk li jkollhom biss traffiku kummerċjali okkażjonali).
Din fiha informazzjoni metodoloġika importanti ħafna — pereżempju, il-kategoriji tal-ajruporti — li abbażi tagħha jiġu stabbiliti l-obbligi tar-rapportar, kif ukoll definizzjonijiet u linji gwida tal-kodifikazzjoni addizzjonali.
KEMM ILHOM FIS-SEĦĦ IR-REGOLAMENTI?
Ir-Regolament (KE) Nru 437/2003 ilu fis-seħħ mill-31 ta’ Marzu 2003.
Ir-Regolament (KE) Nru 1358/2003 ilu fis-seħħ mill-21 t’Awwissu 2003.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
ID-DOKUMENTI EWLENIN
Ir-Regolament (KE) Nru 437/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2003 dwar il-prospetti ta’ l-istatistika rigward it-trasport tal-passiġġieri, l-merkanzija u l-posta bl-ajru (ĠU L 66, 11.3.2003, pp. 1-8)
Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 437/2003 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1358/2003 tal-31 ta’ Lulju 2003 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 437/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospetti ta’ l-istatistika rigward it-trasport tal-passiġġieri, l-merkanzija u l-posta bl-ajru w li jemenda l-Anness I u II tiegħu (ĠU L 194, 1.8.2003, pp. 9-33)
Ara l-verżjoni kkonsolidata.
l-aħħar aġġornament 13.04.2018