EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kontijiet annwali tal-banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din għandha l-għan li tarmonizza l-format u l-kontenut tal-kontijiet annwali, inklużi l-kontijiet konsolidati*, tal-istituzzjonijiet finanzjarji kollha tal-Unjoni Ewropea (UE).

PUNTI EWLENIN

  • Id-direttiva tapplika għall-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (eż. banek) u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn, bi ftit eċċezzjonijiet bħal pereżempju:
    • Il-Greċja: ETEBA (Bank Nazzjonali ta’ Investiment għal Żvilupp Industrijali);
    • L-Irlanda: industrial and provident societies*;
    • Ir-Renju Unit (1): friendly societies* and industrial and provident societies.
  • Format standard tal-karta tal-bilanċ: l-attivi u l-passivi huma ppreżentati f’ordni dixxendenti ta’ likwidità.
  • Hemm regoli speċjali għal ċerti dettalji fuq il-karta tal-bilanċ bħal flus fl-idejn, kambjali tat-teżor, self u avvanzi lil istituzzjonijiet ta’ kreditu, ammonti dovuti lil istituzzjonijiet ta’ kreditu, eċċ.
  • Hemm żewġ formati standard tal-qligħ u t-telf: format vertikali u wieħed orizzontali.
  • Hemm regoli speċjali għal ċerti dettalji fil-kont tal-qligħ u t-telf, bħal imgħax riċevibbli, dħul minn titoli, qligħ jew telf nett fuq l-operazzjonijiet finanzjarji, eċċ.
  • Hemm regoli ta’ valutazzjoni għall-attiv, attiv finanzjarju fiss, titoli miżmuma minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, titoli trasferibbli, self u avvanzi, titoli ta’ dħul varjabbli*, u attivi u passivi denominati f’munita barranija.
  • Hemm lista dettaljata tal-kontenut meħtieġ tan-noti fil-kontijiet.
  • Hemm regoli speċifiċi relatati mat-tfassil tal-kontijiet konsolidati.
  • Il-pubblikazzjoni tal-kontijiet annwali hija kif stabbilita bil-liġi nazzjonali. Meta r-rapport annwali ma jiġix ippubblikat, iridu jkunu disponibbli kopji bi prezz li ma jkunx ogħla mill-prezz amministrattiv tagħhom.
  • Hemm konċessjonijiet speċjali għal banek ta’ tfaddil pubbliċi. Pereżempju, meta l-verifika statutorja tkun irriservata għal korp eżistenti ta’ sorveljanza, ma tkunx meħtieġa verifika separata.
  • Id-Direttiva 2006/43/KE għandha l-għan li ttejjeb il-kredibilità tal-informazzjoni finanzjarja u żżid il-protezzjoni tal-UE kontra l-iskandlu finanzjarju. Din fiha, fost affarijiet oħrajn, regoli dwar ir-rekwiżit għall-assigurazzjoni tal-kwalità esterna (eż. din l-assigurazzjoni tal-kwalità trid tkun indipendenti mill-awdituri statutorji u d-ditti ta’ verifika eżaminati u soġġetta għal sorveljanza pubblika), l-użu ta’ standards internazzjonali, id-dmirijiet tal-awdituri statutorji u prinċipji dwar l-indipendenza tal-awdituri.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija ilha tapplika mit-23 ta’ Diċembru 1986. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 1990.

* TERMINI EWLENIN

Kontijiet konsolidati: meta l-kontijiet ta’ grupp ta’ kumpaniji li jinkludu l-kumpanija prinċipali u s-sussidjarji tagħha jiġu kkombinati.
Industrial and provident societies: fl-Irlanda u r-Renju Unit (1), forma ta’ soċjetà mutwa, li hija entità legali u proprjetà tal-membri tagħha, immexxija jew bħala kooperattiva jew għall-benefiċċju tal-komunità.
Friendly societies: fir-Renju Unit (1), forma ta’ assoċjazzjoni mutwa li tipprovdi lill-membri tagħha b’benefiċċji bħall-assigurazzjoni tal-ħajja u għajnuna jew manteniment waqt mard, qgħad u l-irtirar.
Titoli ta’ imgħax varjabbli: titoli li s-sidien tagħhom jirċievu dħul li jista’ jvarja maż-żmien.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1–17)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 86/635/KEE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss għal skopijiet ta’ informazzjoni.

DOKUMENTI RELATATI

Direttiva 2006/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji, 83/349/KEE dwar kontijiet konsolidati, 86/635/KEE dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn u 91/674/KEE dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni (ĠU L 224, 16.8.2006, p. 1–7)

Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87–107)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 19.09.2016



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top