Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Fertilizzanti sikuri u effettivi fis-suq tal-UE

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 dwar il-fertilizzanti

X'INHU L-GĦAN TA' DAN IR-REGOLAMENT?

  • Dan iġib f'leġiżlazzjoni waħda, ir-regoli kollha tal-Unjoni Ewropea li japplikaw għall-fertilizzanti — komposti li jipprovdu n-nutrijenti għall-pjanti.
  • Dan jiżgura li dawn ir-rekwiżiti li huma ferm tekniċi jiġu implimentati b'mod uniformi madwar l-UE.

PUNTI EWLENIN

  • Ir-regolament japplika biss għall-fertilizzanti minerali li jikkonsistu f'nutrijent wieħed jew aktar tal-pjanti. Fertilizzanti oħrajn huma regolati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE.
  • Fl-Anness I tiegħu, ir-regolament jelenka t-tipi ta' fertilizzanti skont il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom. Ladarba l-fertilizzant jissodisfa din l-indikazzjoni tat-tip, dan jista' jkollu l-ittri “KE”. Il-fertilizzant imbagħad jista' jinbiegħ u jintuża madwar l-UE. L-indikazzjoni KE tiggarantixxi lill-bdiewa li l-fertilizzanti jinkludu kontenut minimu ta' nutrijent u huma sikuri għall-użu.
  • Għal indikazzjoni ġdida tat-tip li għandha tiġi elenkata fl-Anness I tar-regolament, il-manifattur tal-fertilizzanti li jikkorrispondi għal dik l-indikazzjoni tat-tip għandu jressaq talba lil awtorità nazzjonali kompetenti. Din it-talba tinbagħat lill-Kummissjoni Ewropea, li tikkonsulta lil pajjiżi oħrajn tal-UE u tiddeċiedi jekk taċċettax jew tirrifjutax l-applikazzjoni abbażi tal-parir ta' kumitat stabbilit mir-regolament.
  • Sabiex jinkiseb l-istatus KE, fertilizzant irid jipprovdi n-nutrijenti b'mod effettiv, ma jagħmilx ħsara lis-saħħa tal-bnedmin, tal-annimali jew tal-pjanti jew l-ambjent u juri li dan kien soġġett għall-metodi rilevanti ta' kampjunar, analiżi u tat-test.
  • Il-manifatturi għandhom iżommu notamenti li jagħmluha possibbli biex fertilizzant jiġi intraċċat waqt li jkun fis-suq u għal perjodu ta' sentejn oħra wara dan.
  • Ċertu informazzjoni bażika, bħad-dettalji tal-kuntatt tal-manifattur u l-karatteristiċi ewlenin tal-fertilizzant, iridu jidhru fuq l-imballaġġi, it-tikketti u d-dokumenti li jkunu hemm magħhom.
  • Regoli speċifiċi japplikaw għal fertilizzanti tan-nutrijenti inorganiċi primarji* u sekondarji*, għall-fertilizzanti* li jkun fihom mikronutrijenti inorganiċi* u għall-fertilizzanti ta' nitrat tal-ammonju b'kontenut għoli ta' nitroġenu.
  • Ċerti tipi ta' prodotti żdiedu għal materjali għat-trattament bil-ġir (materjali li jinnewtralizzaw il-ħamrija aċiduża) u addittivi agronomiċi għall-fertilizzant, kif ukoll inibituri (bħal inibituri tan-nitroġenu — materjali li jnaqqsu jew jipprevjenu n-nitrifikazzjoni*).

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-11 ta' Diċembru 2003 bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 8 u 26(3) li huma dwar l-aspetti ta' traċċabbiltà u li ilhom japplikaw mill-11 ta' Ġunju 2005.

SFOND

F'Marzu 2016, il-Kummissjoni adottat proposta bil-għan li tissimplifika l-leġiżlazzjoni eżistenti, biex ittejjeb il-mod ta' kif jaħdem is-suq tal-fertilizzanti tal-UE u biex testendi r-regoli għal prodotti mhux armonizzati, jiġifieri dawk il-fertilizzanti regolati mil-liġijiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE. Sabiex tipprepara għal din l-inizjattiva, il-Kummissjoni wettqet diversi studji f'dawn l-oqsma, bħall-ingredjenti tal-fertilizzant u x-xjenza tal-bijostimulanti tal-pjanti.

Għal aktar tagħrif, ara:

* TERMINI EWLENIN

Nutrijent primarju: wieħed li jinkludi l-elementi tan-nitroġenu, tal-fosfru u tal-potassju biss.

Nutrijent sekondarju: wieħed li jinkludi l-elementi tal-kalċju, tal-manjeżju, tas-sodju u tal-kubrit.

Fertilizzant inorganiku: fertilizzant li fih in-nutrijenti ddikjarati huma fil-forma ta' minerali miksuba mill-estrazzjoni jew minn proċessi industrijali fiżiċi u/jew kimiċi.

Mikronutrijenti: jinkludu l-elementi tal-boron, tal-kobalt, tar-ram, tal-ħadid, tal-manganiż, tal-molibdenu u ż-żingu, essenzjali għat-tkabbir tal-pjanti fi kwantitajiet li huma żgħar meta mqabbla ma' dawk ta' nutrijenti primarji u sekondarji.

Nitrifikazzjoni: proċess naturali fl-ambjent li fih batterji speċjalizzati jikkonvertu l-ammonja fil-ħamrija fin-nitriti u n-nitrati.

DOKUMENT EWLIENI

Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-13 ta’ Diċembru 2003 dwar l-addittivi ta’ l-ikel (ĠU L 304, 21.11.2003, pp. 1-194)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 12.09.2016

Top