Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Is-simplifikazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni bejn il-pulizija u d-dwana tal-pajjiżi tal-UE

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/960/ĠAI — l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea

X'INHU L-GĦAN TA' DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS?

Din tippermetti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi* tal-pajjiżi tal-UE biex jaqsmu l-informazzjoni u l-intelligence b'mod effettiv meta jwettqu investigazzjonijiet kriminali jew operazzjonijiet ta' intelligence kriminali.

PUNTI EWLENIN

Kundizzjonijiet għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni

  • Il-pajjiżi tal-UE mhumiex permessi li japplikaw regoli aktar stretti għall-iżvelar tal-informazzjoni fil-livell internazzjonali minn dak li normalment japplikaw internament, pereżempju, billi jeħtieġu ftehim ġudizzjarju.
  • Normalment, il-pajjiżi tal-UE għandhom jirrispondu fi żmien 7 ijiem għat-talbiet dwar reati eleġibbli għal Mandat ta' arrest Ewropew* u meta l-informazzjoni tkun disponibbli għall-aġenzija tal-infurzar tal-liġi. Għandu jsir rispons fi żmien 8 sigħat meta t-talba tkun urġenti. F'każijiet oħrajn, il-pajjiżi għandhom jirrispondu fi żmien 14-il jum. Jekk il-limiti taż-żmien ma jistgħux jiġu ssodisfati, il-pajjiż tal-UE li jirċievi t-talba jeħtieġ li jipprovdi raġunijiet għaliex ma kienx konformi magħhom.
  • L-informazzjoni tista' tiġi pprovduta wkoll b'mod spontanju. F'dan il-każ, għandha tingħata biss l-informazzjoni meħtieġa biex tiskopri, tipprevjeni u tinvestiga r-reat jew l-attività kriminali.
  • L-informazzjoni tista' tiġi skambjata permezz ta' kull kanal eżistenti u għandha tiġi kondiviża mal-Europol jew il- Eurojust jekk taqa' fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom u skont regoli normali tal-protezzjoni tad-dejta.

Limiti għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni

L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi mhumiex obbligati li jiġbru informazzjoni b'rispons għal talba jew li jakkwistaw l-informazzjoni permezz ta' koerċizzjoni. Barra minn hekk:

  • L-informazzjoni ma tistax tintuża bħala evidenza quddiem l-awtorità ġudizzjarja mingħajr il-kunsens tal-pajjiż li pprovdiha (dan jista' jkun indikat diġà fir-risposta).
  • L-informazzjoni li ġiet akkwistata minn pajjiż mhux tal-UE tista' tiġi kondiviża biss bil-kunsens ta' dak il-pajjiż.
  • Awtorità tal-infurzar tal-liġi tista' tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni jekk ikun hemm raġuni biex wieħed jaħseb li din tista' tkun dannuża għas-sigurtà nazzjonali, investigazzjoni, operazzjoni, sigurtà tal-individwi jew hija sproporzjonata jew irrelevanti b'mod ċar.
  • Awtorità tal-infurzar tal-liġi tista' tirrifjuta wkoll li tipprovdi informazzjoni meta t-talba hija dwar reat li jġorr miegħu ħabs minn sena jew inqas, jew meta awtorità ġudizzjarja hija kontra.

ID-DEĊIŻJONI QAFAS META SE TAPPLIKA?

Id-Deċiżjoni Qafas applikat mit-30 ta' Diċembru 2006. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sad-19 ta' Diċembru 2008.

SFOND

Din id-Deċiżjoni Qafas tissostitwixxi partijiet mill-Ftehim ta' Schengen dwar it-trażmissjoni tal-informazzjoni (Artikolu 39) u l-provvediment spontanju tal-informazzjoni (Artikolu 46).

Fl-1 ta' Diċembru 2014, ir-Renju Unit (1) innotifika lill-Kummissjoni Ewropea li huwa xtaq jipparteċipa fid-Deċiżjoni. Dan ġie kkonfermat mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/858/UE.

Għal aktar tagħrif, ara:

* TERMINI EWLENIN

Awtorità tal-Infurzar tal-Liġi: il-pulizija nazzjonali, id-dwana jew awtorità oħra li hija awtorizzata li tiskopri, tipprevjeni u tinvestiga r-reati u teżerċita l-forza tal-awtorità u tal-koerċizzjoni.
Mandat ta’ arrest Ewropew: iddefinit fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI

DOKUMENT EWLIENI

Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni ta' l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (ĠU L 386, 29.12.2006, pp. 89-100)

Emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni Qafas 2006/960/ĠAI ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/858/UE tal-1 ta' Diċembru 2014 dwar in-notifika mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq tax-xewqa tiegħu li jipparteċipa f'atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali adotatti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u li mhumiex parti mill-acquis ta' Schengen (ĠU L 345, 1.12.2014, pp. 6–9)

l-aħħar aġġornament 07.09.2016



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top