EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-prevenzjoni tat-tipjip

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tat-tipjip u dwar inizjattivi sabiex jittejjeb il-kontroll tat-tabakk

SOMMARJU

X’TAGĦMEL IR-RAKKOMANDAZZJONI?

Din tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE japplikaw serje ta’ miżuri leġiżlattivi u/jew miżuri oħrajn sabiex jiskoraġġixxu lill-persuni, partikolarment liż-żgħażagħ, milli jibdew ipejpu. Dawn jinkludu kontrolli fuq il-bejgħ tat-tabakk u fuq ir-reklamar u l-promozzjoni tiegħu.

PUNTI EWLENIN

  • Biex jiġi evitat il-bejgħ tat-tabakk lit-tfal u l-adolexxenti, il-pajjiżi tal-UE huma mħeġġa:
    • jirrikjedu lill-persuni li jbiegħu il-prodotti tat-tabakk sabiex jivverifikaw li l-konsumaturi tagħhom mhumiex taħt l-età;
    • jiżguraw it-tneħħija tal-prodotti tat-tabakk minn displays tas-self-service fil-ħwienet;
    • jirrestrinġu l-aċċess għall-magni tal-bejgħ tat-tabakk għall-persuni taħt l-età;
    • jillimitaw l-aċċess għall-bejgħ mill-bogħod, pereżempju permezz tal-Internet, għall-adulti;
    • jipprojbixxu l-bejgħ ta’ ħelu u ġugarelli tat-tfal li jixbħu lill-prodotti tat-tabakk;
    • jipprojbixxu l-bejgħ tas-sigarretti individwalment jew f’pakketti ta' inqas minn 19.
  • Sabiex irażżnu r-reklamar u l-attivitajiet promozzjonali b’rabta mat-tabakk, il-pajjiżi tal-UE huma mħeġġa jipprojbixxu l-użu ta’:
    • ismijiet ta’ ditti ta’ tabakk fuq prodotti u servizzi mhux tat-tabakk;
    • oġġetti promozzjonali bħal axtrejs, lajters, parasols u kampjuni tat-tabakk;
    • skontijiet, rigali b’xejn, primjums jew opportunitajiet sabiex wieħed jipparteċipa f’logħba promozzjonali jew f'kuntest relatat mat-tabakk;
    • billbords, powsters jew forom oħra ta’ reklamar fuq ġewwa jew barra ta’ tabakk jew prodotti relatati;
    • reklamar ta’ tabakk jew prodotti relatati f’ċinemas;
    • forom oħra diretti jew indiretti ta’ reklamar u sponsorizzazzjoni għall-prodotti tat-tabakk.
  • Il-pajjiżi tal-UE huma mħeġġa wkoll:
    • jirrikjedu lill-manifatturi, lill-importaturi u lil kummerċjanti fuq skala kbira sabiex jinfurmawhom dwar l-ammont ta’ flus li jonfqu fuq ir-reklamar, il-kummerċjalizzazzjoni, l-isponsorizzazzjoni u l-promozzjonijiet;
    • jaġixxu kontra l-effetti tat-tipjip passiv f’postijiet tax-xogħol fuq ġewwa, postijiet pubbliċi magħluqa u t-trasport pubbliku. Għandha tingħata prijorità lil ċentri edukattivi, tal-kura tas-saħħa u tat-tfal;
    • ikomplu jiżviluppaw strateġiji għal kontra t-tipjip, partikolarment permezz tal-edukazzjoni dwar is-saħħa;
    • jinvolvu liż-żgħażagħ f’attivitajiet kontra t-tipjip;
    • jużaw il-politika tal-ipprezzar biex jiskoraġġixxu l-konsum tat-tabakk;
    • jivverifikaw li l-miżuri fis-seħħ qed jiġu implimentati;
    • jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea kull sentejn dwar il-miżuri li jkunu ħadu.
  • Il-Kummissjoni hija mħeġġa:
    • twettaq monitoraġġ u tivvaluta l-miżuri meħuda;
    • tipproduċi rapport fi żmien sena minn meta tirċievi l-informazzjoni nazzjonali;
    • tqis jekk hijiex meħtieġa azzjoni ulterjuri.
  • Il-Kummissjoni ħadet diversi inizjattivi biex tippromwovi l-prevenzjoni tat-tipjip. Dawn jinkludu kampanji bħal “Ex-Smokers are Unstoppable”, u sussidji għat-tneħħija gradwali għall-produtturi tat-tabakk.
  • Leġiżlazzjoni vinkolanti, adottata fl-2003 (Direttiva 2003/33/KE) u ssostitwita fl-2014 (Direttiva 2014/40/UE), tistabbilixxi rekwiżiti mal-UE kollha dwar il-manitfattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti simili, bħal sigaretti elettroniċi.
  • Fl-2009 rakkomandazzjoni oħra ħeġġet lill-pajjiżi tal-UE jżidu l-miżuri biex iħarsu lill-persuni mit-tipjip passiv fuq il-post tax-xogħol, f’postijiet pubbliċi u t-trasport pubbliku.

SFOND

Kwart (26 %) taċ-ċittadini Ewropej ipejpu. It-tipjip huwa l-akbar kawża unika ta’ mewt u mard li jistgħu jiġu evitati fl-UE, b’madwar 700 000 mewt b’rabta mat-tipjip kull sena.

Għal aktar informazzjoni, ara “Politika tat-tabakk” fuq il-websjat tal-Kummissjoni Ewropea.

ATT

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2002 dwar il-prevenzjoni tat-tipjip u dwar inizjattivi biex jittejjeb il-kontroll tat-tabakk (Mhux disponibbli bil-Malti) (ĠU L 22, 25.1.2003, p. 31-34)

ATTI RELATATI

Id-Direttiva 2003/33/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-reklmar u l-patrunaġġ tal-prodotti tat-tabakk (ĠU L 152, 20.6.2003, p. 16-19).

L-emendi sussegwenti għad-Direttiva 2003/33/KEE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew utal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1-38). Ara l-verżjoni konsolidata.

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar ambjenti bla tipjip (ĠU C 296, 5.12.2009, p. 4-14)

l-aħħar aġġornament 03.05.2016

Top