EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ir-riżorsi proprji tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni (EU, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

Id-deċiżjoni jistabbilixxi kif il-baġit annwali tal-UE huwa ffinanzjat minn:

  • emendi ta’ xi regoli eżistenti;
  • aġġornament tal-limitu tar-riżorsi proprji;
  • introduzzjoni ta’ sors ġdid ta’ dħul (ibbażat fuq skart tal-imballaġġ tal-plastik li mhux riċiklat);
  • li jippermetti lill-Kummissjoni Ewropea tissellef fuq swieq kapitali għall-iskop waħdieni li tindirizza l-kriżi tal-COVID.

PUNTI EWLENIN

Il-baġit annwali tal-UE huwa ffinanzjat mill-Istati Membri tal-UE mir-riżorsi proprji li ġejjin:

  • sorsi ta’ dħul tradizzjonali: għalkemm kienu s-sors ewlieni ta’ dħul qabel l-1970, dawn issa huma limitati għal dazji doganali fuq l-importazzjonijiet;
  • taxxa fuq il-valur miżjud (VAT): rata uniformi ta’ 0.30 % hija applikata għall-bażi tal-VAT armonizzata ta’ kull Stat Membru, li hija limitata għal 50 % tad-Dħul Nazzjonali Gross tiegħu;
  • Dħul Nazzjonali Gross (DNG)*: rata uniformi fuq id-DNG nazzjonali li għandha tiġi miftiehma kull sena (bi tnaqqis ta’ somma f’daqqa annwali għall-Awstrija, id-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands u l-Iżvezja);
  • skart mill-imballaġġ tal-plastik: rata uniformi ta’ EUR 0.80 għal kull kg hija applikata għad-differenza bejn il-kwantità ta’ skart mill-imballaġġ tal-plastik iġġenerat u riċiklat (bi tnaqqis fis-sena ta’ somma f’daqqa għal 17-il Stat Membru li d-DNG tagħhom huwa taħt il-medja tal-UE).

Id-daqs massimu tal-baġit annwali (“limitu tar-riżorsi proprji”) jiżdied minn 1.20 % għal 1.40 % tad-DNG tal-UE għall-pagamenti* u għal 1.46 % għall-impenji* jirrifletti b’mod partikolari t-tluq tar-Renju Unit mill-UE.

Il-kundizzjonijiet speċjali li ġejjin japplikaw għall-miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19 permezz tal-Istrument ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea (EURI) — Regolament (UE) 2020/2094 (ara s-sommarju):

  • il-Kummissjoni tista’ tissellef sa EUR 750 000 miljun (prezzijiet tal-2018) fis-swieq kapitali;
  • is-somma hija maqsuma f’EUR 360 000 miljun għal self u EUR 390 000 miljun għan-nefqa;
  • ħlasijiet lura tal-ammont misluf isiru mill-baġit tal-UE, li jibdew qabel it-tmiem tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 (Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 — ara s-sommarju) u jitlestew kompletament sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2058;
  • il-Kummissjoni tamministra l-operazzjonijiet ta’ self u żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati regolarment dwar l-istrateġija tagħha għall-immaniġġjar tad-dejn;
  • il-limiti massimi għall-ħlasijiet (1.40 %) u l-impenji (1.46 %) għandhom jiżdiedu temporanjament b’0.6 % biex ikopru l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mis-self, iżda mhux għal kwalunkwe nefqa oħra;
  • il-Kummissjoni tista’, bħala l-aħħar istanza, titlob lill-Istati Membri biex jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali jekk meħtieġ biex ikopru l-obbligi tagħha tal-EURI.

Id-dħul mir-riżorsi proprji jintuża biex jiffinanzja l-elementi kollha tan-nefqa tal-UE fil-baġit annwali tagħha u kwalunkwe bilanċ pożittiv matul sena waħda jiġi ttrasferit għas-sena ta’ wara.

L-Istati Membri huma responsabbli biex jagħmlu disponibbli r-riżorsi proprji u wkoll biex jiġbru d-dazji doganali f’isem l-UE. L-Istati Membri jżommu 25 % tas-sorsi tradizzjonali tad-dħul biex ikopru l-ispejjeż tagħhom.

Id-deċiżjoni tirrevoka d-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Se tapplika retroattivament mill-1 ta’ Jannar 2021 hekk kif tiġi rratifikata mis-27 Stat Membru kollha.

SFOND

Id-deċiżjoni teħtieġ li tiġi approvata/ratifikata mis-27 Stat Membru kollha biex tidħol fis-seħħ. Hija parti minn pakkett finanzjarju usa’ li jinkludi:

TERMINI EWLENIN

Dħul Nazzjonali Gross: prodott domestiku gross flimkien ma’ dħul nett minn barra l-pajjiż ta’ kumpens għall-impjegati, dħul mill-proprjetà u taxxi netti mingħajr sussidji fuq il-produzzjoni.
Pagamenti: nefqa dovuta fis-sena kurrenti minn impenji legali magħmula f’dik is-sena jew qabel.
Impenji: l-ispiża totali ta’ obbligi legali (kuntratti, ftehim ta’ għotjiet/deċiżjonijiet) li jistgħu jiġu ffirmati fis-sena finanzjarja kurrenti.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, pp. 1-10)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sal-2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, pp. 11-22)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433I, 22.12.2020, pp. 23-27)

Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (ĠU L 433I, 22.12.2020, pp. 28-46)

l-aħħar aġġornament 23.03.2021

Top