EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-enerġija rinnovabbli tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1294 dwar il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-enerġija rinnovabbli tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jistabbilixxi r-regoli dwar il-funzjonament tal-mekkaniżmu l-ġdid ta’ finanzjament tal-enerġija rinnovabbli tal-UE f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-governanza tal-unjoni tal-enerġija.

Il-mekkaniżmu jappoġġa proġetti ġodda tal-enerġija rinnovabbli madwar l-UE u jikkontribwixxi għall-użu tal-enerġija rinnovabbli skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar l-enerġija rinnovabbli.

PUNTI EWLENIN

Il-finanzjament ġej minn tliet sorsi:

  • Il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE jistgħu jipprovdu pagamenti volontarji;
  • programmi u fondi oħra tal-UE jistgħu jagħmlu kontribuzzjonijiet, speċjalment biex inaqqsu l-kost tal-kapital għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli jew biex jappoġġaw il-kooperazzjoni reġjonali fl-UE u ma’ pajjiżi mhux tal-UE;
  • is-settur privat jista’ joffri finanzjament, bl-għażla li jindika l-proġett, it-teknoloġija jew l-użu aħħari li jixtieq jappoġġa.

Il-finanzjament kollu għandu jirrispetta r-regoli finanzjarji tal-UE kif stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (ara s-sommarju).

Il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-gvernijiet tal-UE kull sena jekk jixtiqux jipprovdu pagament volontarju (pajjiż kontribwenti) jew jippermettux l-installazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fit-territorju tagħhom (pajjiż ospitanti).

Il-pajjiżi ospitanti għandhom jipprovdu ċerta informazzjoni, bħal:

  • il-kapaċità totali massima jew l-enerġija rinnovabbli disponibbli għal proġetti ffinanzjati mill-mekkaniżmu;
  • it-teknoloġiji ppreferuti jew is-setturi tal-użu aħħari;
  • kwalunkwe restrizzjoni fuq is-sit jew restrizzjoni ġeografika.

Il-pajjiżi kontribwenti għandhom jipprovdu ċerta informazzjoni, bħal:

  • il-volum tal-enerġija rinnovabbli li huma biħsiebhom jappoġġaw u jibbenefikaw minn allokazzjonijiet statistiċi;
  • il-kontribuzzjoni finanzjarja massima tagħhom;
  • preferenza għal proċeduri għall-għoti ta’ għotjiet teknoloġikament newtrali, multiteknoloġiċi, speċifiċi għat-teknoloġija, speċifiċi għall-proġett jew speċifiċi għall-użu aħħari.

Il-Kummissjoni:

  • tiddisinja, fuq il-bażi tal-offerti u t-talbiet riċevuti, offerti (imsejħa sejħiet għal proposti) li jispeċifikaw, pereżempju:
    • l-għanijiet tas-sejħa,
    • il-forma ta’ għotjiet (investiment jew sostenn operazzjonali) u l-kriterji għall-għoti,
    • il-prezz massimu tal-proposti,
    • it-teknoloġiji eliġibbli;
  • tinforma lill-pajjiżi tal-UE li biħsiebu jniedi sejħa għal proposti;
  • tniedi s-sejħa jew is-sejħiet, inklużi l-kriterji ta’ eliġibbiltà u tal-għażla, wara li tirċievi impenji vinkolanti mill-pajjiżi ospitanti, fejn dawn jippermettu lill-installazzjonijiet fit-territorju tagħhom biex jirċievu l-appoġġ finanzjarju, u mill-pajjiżi kontribwenti, fejn dawn jipprovdu l-flus li offrew.

Jekk promotur ta’ proġett jonqos milli jwettaq l-impenn tiegħu, japplikaw ir-regoli dwar is-sospensjoni, it-terminazzjoni u t-tnaqqis fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

Is-sistema għall-għoti ta’ għotjiet:

  • tinkludi prinċipji biex jiġi żgurat proċess kompetittiv, biex jittaffa r-riskju finanzjarju u biex jiġu limitati l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet;
  • tipprovdi kamp ta’ applikazzjoni għal proċeduri differenti skont it-teknoloġija jew il-proġetti involuti;
  • talloka għotjiet sabiex:
    • tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli (appoġġ għal investiment),
    • tagħti inċentivi biex jitħaddmu installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli billi tipprovdi primjums flimkien mad-dħul mis-suq (sostenn operazzjonali).

Il-perjodi ta’ implimentazzjoni jirriflettu perjodi realistiċi ta’ twettiq u huma speċifiċi għat-teknoloġija u uniformi madwar l-UE, sakemm il-Kummissjoni ma tiddeterminax mod ieħor.

Il-proġetti ffinanzjati mill-iskema tal-enerġija rinnovabbli jistgħu jirċievu finanzjament minn programmi oħra tal-UE, nazzjonali, pubbliċi jew privati sakemm dawn jirrispettaw ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat u l-baġit tal-UE ma jiffinanzjax l-istess kostijiet darbtejn.

Il-benefiċċji statistiċi tal-enerġija rinnovabbli mill-installazzjonijiet iffinanzjati mill-iskema huma, b’mod ġenerali, diviżi fi 80:20 bejn il-pajjiżi kontribwenti u dawk ospitanti — madankollu, il-Kummissjoni tista’ tibdel dan il-proporzjon — matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni jew ta’ appoġġ. Wara dan, dawn jibqgħu għalkollox mal-ospitant. Dawn il-benefiċċji statistiċi jgħoddu għas-sehem nazzjonali tal-enerġija rinnovabbli irrispettivament minn fejn u kif tiġi kkunsmata l-enerġija rinnovabbli attwali mill-installazzjonijiet.

Il-Kummissjoni:

  • tikkalkula kull sena, fuq il-bażi tad-data disponibbli dwar il-produzzjoni tal-enerġija mill-pajjiżi parteċipanti tal-UE u minn pajjiżi mhux tal-UE, il-benefiċċji statistiċi attwali li jirċievu l-pajjiżi parteċipanti;
  • tirrapporta sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena lill-:
    • -Kumitat tal-Unjoni tal-Enerġija, u tagħmel pubbliku kif il-mekkaniżmu ta’ finanzjament qed jgħin biex jintlaħqu l-miri vinkolanti tal-UE għall-2030 dwar l-enerġija rinnovabbli u l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (ara s-sommarju),
    • Il-Kumitat tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Parlament Ewropew dwar il-finanzi tal-mekkaniżmu, inklużi s-somom riċevuti, allokati u li jifdal.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mis-7 ta’ Ottubru 2020 u m’għandux skadenza.

SFOND

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1294 tal-15 ta’ Settembru 2020 dwar il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni (ĠU L 303, 17.9.2020, pp. 1-17)

DOKUMENTI RELATATI

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final, 11.12.2019)

Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, pp. 1-77)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (riformulazzjoni) (ĠU L 328, 21.12.2018, pp. 82-209)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva (UE) 2018/2001 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, pp. 1-222)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 25.11.2020

Top