Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Assistenza makrofinanzjarja lis-sħab tat-tkabbir u tal-viċinat fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/701 dwar il-forniment ta’ assistenza makrofinanzjarja lis-sħab tat-tkabbir u tal-viċinat fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

Il-pandemija tal-COVID-19 għandha effetti ta’ ħsara kbira fuq l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja fir-reġjuni tat-tkabbir u tal-viċinat bl-ekonomiji tagħhom li deħlin f’reċessjoni. F’dan l-isfond, l-Unjoni Ewropea qed tagħmel disponibbli assistenza makrofinanzjarja (MFA)* biex tappoġġa 10 pajjiżi sħab tal-viċinat.

PUNTI EWLENIN

  • L-UE qed tagħmel disponibbli l-MFA għal 10 pajjiżi tal-viċinat (sħab), sa ammont totali massimu ta’ €3 biljun, biex tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika u programm miftiehem ta’ riformi ekonomiċi. L-assistenza hija mfassla biex tikkontribwixxi fil-koperta tal-ħtiġijiet urġenti tal-bilanċ tal-pagamenti tas-sħab, kif identifikati fi programm miftiehem, u arranġament ta’ kreditu bejn il-partijiet u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).
  • L-appoġġ huwa bbażat fuq stima tal-ħtiġijiet finanzjarji ta’ kull sieħeb u jqis il-kapaċità tagħhom li jiffinanzjaw lilhom infushom bir-riżorsi proprji tagħhom, b’mod partikolari kwalunkwe riżerva internazzjonali disponibbli għalihom. L-ammonti disponibbli huma kif ġej:
    • L-Albanija: €180 miljun
    • Il-Bożnija-Ħerzegovina: €250 miljun
    • Il-Georgia: €150 miljun
    • Il-Ġordan: €200 miljun
    • Il-Kosovo*: €100 miljun
    • Il-Moldova: €100 miljun
    • Il-Montenegro: €60 miljun
    • Il-Maċedonja ta’ Fuq: €160 miljun
    • It-Tuneżija: €600 miljun
    • L-Ukrajna: €1.2 biljun.
  • L-assistenza hija fil-forma ta’ self b’maturità medja massima ta’ 15-il sena. Il-Kummissjoni Ewropea tissellef il-fondi meħtieġa fis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji u żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati dwar kif qed topera l-iskema.

Kundizzjonijiet

  • Is-sħab għandhom, bħala prekondizzjoni, jirrispettaw il-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluża sistema parlamentari b’diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.
  • L-UE u kull sieħeb għandhom jaqblu dwar il-politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji, b’enfasi fuq ir-riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi f’memorandum ta’ qbil (MtQ).
  • Il-kondizzjonijiet għandhom l-għan li jtejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fis-sħab. Jitqies ukoll il-kummerċ ibbażat fuq ir-regoli u dak ġust. Il-progress biex jintlaħqu dawn l-objettivi jiġi mmonitorjat mill-Kummissjoni.
  • Qabel ma timplimenta l-assistenza, il-Kummissjoni tivvaluta s-solidità tal-arranġamenti finanzjarji, il-proċeduri amministrattivi, u l-mekkaniżmi ta’ kontroll intern u estern tas-sieħeb.

Ħlasijiet

  • Il-ħlas isir f’2 pagamenti ta’ self, li huma ggarantiti mill-baġit tal-UE permezz tal-Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni.
  • Il-Kummissjoni tirrilaxxa l-pagamenti, skont il-kondizzjonijiet li ġejjin:
    • it-twettiq tal-prekondizzjoni;
    • rekord sodisfaċenti kontinwu fl-implimentazzjoni ta’ arranġament ta’ kreditu tal-FMI;
    • l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji maqbula fl-MtQ.
  • L-MFA hija disponibbli għal perjodu ta’ 12-il xahar, li jibda mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-MtQ.

Ftehim dwar self

It-termini finanzjarji dettaljati huma stabbiliti fi ftehim dwar self, bil-kompiti li ġejjin:

  • Is-sieħeb jivverifika regolarment li l-finanzjament jintuża kif suppost;
  • Miżuri biex jipprevjenu irregolaritajiet u frodi, u tittieħed azzjoni legali biex jiġu rkuprati kwalunkwe fondi miżapproprjati;
  • Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni ta’, u l-ġlieda kontra, il-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra;
  • L-awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni, jew lir-rappreżentanti tagħha, biex iwettqu verifiki, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post;
  • L-awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri biex iwettqu awditi, inklużi awditjar tad-dokumenti u awditi fuq il-post, bħal valutazzjoni operattiva;
  • L-iżgurar li l-UE tkun intitolata għal ħlas lura bikri meta sieħeb ikun wettaq kwalunkwe att ta’ frodi jew korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li tkun ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-UE;
  • L-iżgurar li l-kostijiet kollha tas-self u ta’ għoti b’self imġarrba mill-UE jitħallsu mis-sieħeb.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din ilha tapplika mit-28 ta’ Mejju 2020.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Assistenza makrofinanzjarja (MFA): Assistenza finanzjarja estiża mill-UE lill-pajjiżi sħab li qed jesperjenzaw kriżi tal-bilanċ tal-pagamenti. Din tieħu l-forma ta’ self jew għotjiet fuq perjodu medju/twil, jew kombinazzjoni, disponibbli biss għall-pajjiżi li jibbenefikaw minn programm ta’ żborż tal-FMI.

L-MFA hija mfassla għal pajjiżi ġeografikament, ekonomikament u politikament qrib l-UE, inklużi pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, pajjiżi li jinsabu fil-fruntiera tal-UE koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, pajjiżi oħra mhux tal-UE.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/701 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar il-forniment ta’ assistenza makrofinanzjarja lis-sħab tat-tkabbir u tal-viċinat fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 165, 27.5.2020, pp. 31-37)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 145, 10.6.2009, pp. 10-14)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE, Euratom) Nru 480/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.


Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

l-aħħar aġġornament 27.07.2020

Top