Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-konservazzjoni tal-għasafar tal-ilma migratorji Afro-Ewroasjatiċi

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewroasjatiċi

Id-Deċiżjoni 2006/871/KE — dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewroasjatiċi

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

Il-ftehim jimpenja lill-gvernijiet firmatarji biex:

  • jikkoordinaw miżuri biex jinżammu, jew jiġu restawrati, kundizzjonijiet ta’ konservazzjoni favorevoli għall-għasafar tal-ilma migratorji Afro-Ewroasjatiċi;
  • jagħtu attenzjoni speċjali lill-ispeċijiet fil-periklu u lil dawk bi status ta’ konservazzjoni mhux favorevoli.

Id-deċiżjoni tal-Kunsill:

  • tapprova l-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewroasjatiċi;
  • tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea, f’isem l-Unjoni Ewropea (UE), tapprova emendi għall-annessi tal-ftehim li huma konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

PUNTI EWLENIN

  • L-Anness 1 jiddefinixxi l-kopertura ġeografika tal-ftehim (iż-“żona tal-ftehim”). Dan jestendi min-Norveġja sal-Afrika t’Isfel u mill-Iżlanda sal-Użbekistan.
  • Il-partijiet għall-ftehim:
    • jagħtu protezzjoni stretta lill-għasafar tal-ilma migratorji fil-periklu (l-Anness 2 jelenka l-255 speċi koperti);
    • jiżguraw li kwalunkwe interazzjoni mal-għasafar tal-ilma migratorji tkun ibbażata fuq l-aħjar għarfien disponibbli tal-ekoloġija tagħhom u tkun sostenibbli;
    • jidentifikaw u jħeġġu l-protezzjoni, il-ġestjoni, ir-riabilitazzjoni u r-restawr tas-siti u tal-ħabitats;
    • jikkoordinaw l-isforzi biex jiżguraw li jinżamm jew jiġi rrestawrat network ta’ ħabitats xierqa;
    • jinvestigaw il-problemi kkawżati mill-attività tal-bniedem u jieħdu azzjoni ta’ rimedju;
    • jikkooperaw f’emerġenzi li jirrikjedu rispons internazzjonali;
    • jipprojbixxu l-introduzzjoni intenzjonata ta’ għasafar tal-ilma mhux nattivi fl-ambjent u jippruvaw jipprevjenu r-rilaxx mhux intenzjonat tagħhom;
    • jibdew u jappoġġaw riċerka, inklużi l-programmi ta’ monitoraġġ, fil-bijoloġija u fl-ekoloġija tal-għasafar;
    • janalizzaw ir-rekwiżiti ta’ taħriġ għall-istħarriġ, il-monitoraġġ, it-twaħħil ta’ ċrieki u l-ġestjoni tal-artijiet mistagħdra;
    • jiżviluppaw u jżommu programmi biex jiżdied l-għarfien u fehim dwar kwistjonijiet ta’ konservazzjoni;
    • jiskambjaw informazzjoni u riżultati tar-riċerka;
    • jikkooperaw fl-implimentazzjoni tal-ftehim.
  • L-Anness 3 fih tabella bl-istatus tal-popolazzjonijiet tal-għasafar tal-ilma migratorji, pjan ta’ azzjoni dettaljat u linji gwida ta’ konservazzjoni li jkopru:
    • il-konservazzjoni tal-ispeċijiet, inklużi miżuri legali skont l-istatus tal-ispeċijiet;
    • il-konservazzjoni tal-ħabitats;
    • il-ġestjoni tal-attivitajiet tal-bniedem;
    • ir-riċerka u l-monitoraġġ;
    • l-edukazzjoni u l-informazzjoni;
    • l-implimentazzjoni.
  • Il-partijiet għall-ftehim:
    • jaħtru awtorità ta’ implimentazzjoni nazzjonali u punt ta’ kuntatt;
    • iħejju għal sessjonijiet ordinarji tal-ftehim;
    • jikkontribwixxu għall-baġit;
    • jistgħu jagħtu kontribuzzjonijiet volontarji lil fond ta’ konservazzjoni;
    • huma mħeġġa jipprovdu taħriġ u appoġġ tekniku u finanzjarju lil firmatarji oħra.
  • Il-ftehim jistipula:
    • il-proċeduri ta’ teħid tad-deċiżjonijiet;
    • il-kompożizzjoni u r-rwol ta’ kumitat tekniku;
    • id-dmirijiet tas-segretarjat;
    • ir-relazzjonijiet ma’ korpi internazzjonali eżistenti;
    • il-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim;
    • l-erba’ verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali (bl-Għarbi, bl-Ingliż, bil-Franċiż u bir-Russu).

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1999.

SFOND

  • L-UE hija parti għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi. Din il-Konvenzjoni, magħrufa bħala l-Konvenzjoni ta’ Bonn (ara s-sommarju), tħeġġeġ il-kooperazzjoni internazzjonali biex tilħaq l-għanijiet tagħha.
  • L-għasafar tal-ilma migratorji huma partikolarment vulnerabbli. Dawn jivvjaġġaw distanzi twal u huma dipendenti minn artijiet mistagħdra li qed isiru iżgħar u degradati minn attività tal-bniedem mhux sostenibbli.
  • Il-ftehim għandu 82 parti kontraenti — 44 mill-Ewrasja, inkluża l-UE, u 38 mill-Afrika.

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewroasjatiċi (ĠU L 345, 8.12.2006, pp. 26-72)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/871/KE tat-18 ta’ Lulju 2005 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewroasjatiċi (ĠU L 345, 8.12.2006, pp. 24-25)

DOKUMENTI RELATATI

Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji tal-annimali selvaġġi (ĠU L 210, 19.7.1982, pp. 11-22)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1982 li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji tal-annimali selvaġġi (ĠU L 210, 19.7.1982, p. 10)

l-aħħar aġġornament 29.09.2021

Top