EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Miżuri tas-Sajd u l-Akkwakultura fiż-żona Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM)

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 1343/2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa jistabbilixxi regoli għall-konservazzjoni, il-ġestjoni, l-isfruttament, il-monitoraġġ, il-kummerċjalizzazzjoni u l-miżuri ta’ infurzar għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura kif stabbiliti mill-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran (GFCM) fil-Baħar Mediterran, fil-Baħar l-Iswed u fl-ilmijiet li jgħaqqdu.
  • Dan japplika għall-attivitajiet kummerċjali kollha tas-sajd u l-akkwakultura, kif ukoll għal attivitajiet tas-sajd rikreattiv meta jkun speċifikament ipprovdut għal dan, immexxija minn bastimenti tas-sajd tal-UE u ċittadini.
  • Ir-regolament ġie emendat mir-Regolament (UE) 2015/2102 u (UE) 2019/982, ġeneralment biex jiġu estiżi miżuri ta’ konservazzjoni, ġestjoni u kontroll b’reazzjoni għal kundizzjonijiet li qed jevolvu fl-ilmijiet ikkonċernati.

PUNTI EWLENIN

Żoni ristretti tas-sajd

Hemm żoni ristretti tas-sajd fis-seħħ biex jipproteġu l-ħabitats tal-ħut essenzjali, l-ekosistemi tal-baħar vulnerabbli u l-ħabitats sensittivi tal-baħar fond.

Is-sajd bil-gangmu rmunkat u bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ huwa pprojbit fiż-żoni ristretti tas-sajd tal-baħar fond li ġejjin:

  • Sikka ta’ Lophelia ’l barra minn Capo Santa Maria di Leuca;
  • l-idrokarburi kesħin fiż-żona tad-delta tan-Nil;
  • l-Eratosthenes Seamount.

Is-sajd bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ huma pprojbiti fiż-żoni restrittivi li ġejjin fl-Istrett ta’ Sqallija:

  • Xatt tal-Lvant ta’ Avventura;
  • Puntent tal-Baċin ta’ Gela;
  • Xatt tal-Lvant ta’ Malta.

Restrizzjonijiet addizzjonali

  • Iż-Żona ta’ Jabuka/Pomo Pit fil-Baħar Adrijatiku: restrizzjonijiet staġjonali għax-xbieki, u sajd limitat għal bastimenti awtorizzati;
  • restrizzjonijiet fil-Golf tal-Iljuni;
  • restrizzjonijiet spazjali jew temporali fil-Baħar Alboran u fil-Golf ta’ Gabès;
  • għeluq temporanju u miżuri oħrajn fil-Baħar l-Iswed japplikaw matul l-istaġun ta’ riproduzzjoni tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed;
  • il-kapaċità tal-flotta tas-sajd u r-restrizzjonijiet tas-sajd għall-paġella ħamra fil-Baħar Alboran;
  • is-sajd tal-lampuki bl-użu ta’ apparat għall-aggregazzjoni tal-ħut huwa pprojbit mill-1 ta’ Jannar sal-14 ta’ Awwissu;
  • daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni għall-mazzola griża tal-Baħar l-Iswed.

Restrizzjonijiet dwar l-irkaptu tas-sajd

Ir-regolament jiddeskrivi restrizzjonijiet fuq:

  • daqs tat-toqob tax-xbieki u użu ta’ xbieki tat-tkarkir u ta’ xbieki tal-garġi fil-Baħar l-Iswed;
  • l-użu ta’ xbieki tal-gangmu rmunkati u sajd bi xbieki tat-tkarkir.

Konservazzjoni u sfruttament sostenibbli tal-qroll aħmar

Ir-regolament jiddeskrivi r-regoli u r-restrizzjonijiet inkluż:

  • awtorizzazzjonijiet tas-sajd;
  • fond minimu għall-ħsad;
  • dijametru minimu bażali tal-kolonji;
  • tagħmir tal-ħsad permess: imrietel biss għandhom jintużaw minn persuni awtorizzati;
  • għeluq temporali;
  • reġistrazzjoni tal-qabdiet;
  • l-iżbark tal-qabdiet f’portijiet magħżula biss;
  • operazzjonijiet ta’ trasbord fuq il-baħar ipprojbiti.

Qabdiet inċidentali

Fil-każ ta’ qabdiet inċidentali, l-ispeċijiet li ġejjin iridu jiġu rilaxxati mingħajr ma ssirilhom ħsara u ħajjin, sa fejn hu possibbli:

  • tajr tal-baħar;
  • fkieren tal-baħar;
  • bumerini;
  • ċetaċji;
  • klieb il-baħar protetti u raj.

Kull qabda inċidentali għandha tiġi rreġistrata f’ġurnal abbord, b’informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi, inkluż it-tip ta’ tagħmir.

Ġestjoni ta’ stokkijiet pelaġiċi żgħar fil-Baħar Adrijatiku

Il-kapaċità tas-sajd ta’ referenza għal stokkijiet pelaġiċi żgħar hija stabbilita abbażi tan-numru ta’ bastimenti elenkati uffiċjalment mill-pajjiżi tal-UE kkonċernati. L-awtoritajiet nazzjonali jridu jiżguraw li l-kapaċità ġenerali tal-flotta ma taqbeż fl-ebda ħin din il-kapaċità tas-sajd ta’ referenza.

Reġistru tal-bastimenti awtorizzati

Qabel l-1 ta’ Diċembru ta’ kull sena, kull pajjiż tal-UE għandu jipprovdi lista tal-bastimenti ta’ aktar minn 15-il metru tul li jtajru l-bandiera tiegħu u reġistrati fit-territorju tiegħu li jawtorizza biex jistadu fiż-żona tal-Ftehim GFCM.

Awtorizzazzjonijiet tas-sajd

Il-listi ta’ bastimenti operattivi b’awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom jiġu kkomunikati fir-rigward ta’ paġella ħamra fil-Baħar Alboran, stokkijiet demersali fl-Istrett ta’ Sqallija, barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed, qroll aħmar, lampuki, sajd fiż-żona Jabuka/Pomo Pit.

Spezzjonijiet fl-Istrett ta’ Sqallija

Ir-regolament jintroduċi skema internazzjonali konġunta ta’ spezzjoni u sorveljanza fl-ibħra internazzjonali fl-Istrett ta’ Sqallija u jagħti dettalji dwar il-proċeduri li jridu jsegwu għat-twettiq ta’ spezzjonijiet u s-sejbien ta’ ksur.

Bastimenti mhux tal-UE

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiċħdu aċċess tal-bastimenti mhux tal-UE għas-servizzi tal-port, inklużi servizzi ta’ riforniment tal-fjuwil u forniment mill-ġdid, jekk il-bastiment ma jikkonformax ma’ dan ir-regolament jew ma jkunx awtorizzat.

Koperazzjoni u informazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-UE għandhom jaqsmu l-informazzjoni mas-Segretarju Eżekuttiv tal-GFCM, b’mod partikolari billi jużaw bażi tad-dejta rilevanti u jitolbu kooperazzjoni u jikkooperaw biex jippromwovu l-implimentazzjoni effettiva tar-regolament.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-regolament oriġinali (UE) Nru 1343/2011 ilu japplika mid-19 ta’ Jannar 2012.

Ir-regoli emendatorji ilhom japplikaw mit-28 ta’ Novembru 2015 (Regolament (UE) 2015/2102 dwar l-isfruttament sostenibbli tal-qroll aħmar u biex itaffu l-qabdiet inċidentali ta’ għasafar tal-baħar, fkieren, bumerini u ċetaċji) u l-10 ta’ Lulju 2019 (Regolament (UE) 2019/982 dwar tnaqqis ta’ qabdiet inċidentali ta’ ċerti speċi marittimi sensittivi u impatti ambjentali negattivi tas-sajd fuq ħabitats tal-baħar).

SFOND

Ara wkoll:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, pp. 44-61)

L-Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2019/982 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1343/2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) (ĠU L 164, 20.6.2019, pp. 1-22)

Ir-Regolament (UE) 2015/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1343/2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) (ĠU L 308, 25.11.2015, pp. 1-10)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran, u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, pp. 11-85). Test ippubblikat mill-ġdid fir-rettifika (ĠU L 36, 8.2.2007, pp. 6-30)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 22.10.2019

Top