EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Inbejjed u prodotti mis-settur tal-inbid — denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, tikkettar u preżentazzjoni

 

SOMMARJU TA’:

Regolament Delegat (UE) 2019/33 — applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan jistabbilixxi regoli dwar denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u termini tradizzjonali, b’żieda għat-tikkettar u l-preżentazzjoni fis-settur tal-inbid.
  • Huwa jissupplimenta r-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013

PUNTI EWLENIN

Denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti

  • Denominazzjoni ta’ oriġini protetta (PDO) tidentifika l-isem ta’ reġjun, post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali, pajjiż, użata biex tiddeskrivi prodott li l-kwalità u l-karatteristiċi tiegħu huma essenzjalment dovuti għal ambjent ġeografiku partikolari u li għandhom jiġu prodotti f’żona ġeografika determinata permezz ta’ għarfien espert rikonoxxut u rreġistrat. Il-prodotti kollha tal-inbid bi status ta’ DPO għandhom ikunu prodotti esklussivament b’għeneb miż-żona kkonċernata.
  • Indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) tfisser indikazzjoni li tirreferi għal reġjun, post speċifiku jew, f’każijiet eċċezzjonali, pajjiż, użata biex tiddeskrivi prodott li jkollu kwalità speċifika, reputazzjoni jew karatteristiċi oħra li jistgħu jiġu attribwiti għal dik l-oriġini ġeografika. Il-prodotti kollha bi status ta’ IĠP għandhom jiġu prodotti b’mill-inqas 85 % tal-għeneb b’oriġini miż-żona kkonċernata.

Regoli għal DPOs u IĠP

Ir-regolament jistabbilixxi regoli li jkopru:

  • l-applikazzjoni għall-protezzjoni;
  • il-proċedura ta’ oġġezzjoni — regoli dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ DPO u IĠP meta tkun saret oġġezzjoni;
  • l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott;
  • it-tħassir tal-protezzjoni;
  • użu ta’ simboli, indikazzjonijiet u abbrevjazzjonijiet — inkluż l-użu ta’ logos u indikazzjonijiet nazzjonali kif ukoll derogi.

Termini tradizzjonali

Termini tradizzjonali jintużaw biex:

  • jindikaw li l-prodott għandu status ta’ DPO jew IĠP skont id-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż tal-UE;
  • jindikaw metodu ta’ produzzjoni jew ta’ maturazzjoni jew ta’ kwalità, kulur jew tip ta’ post jew avveniment partikolari marbut mal-istorja tal-prodott bi status DPO jew IĠP.

Regoli għal termini tradizzjonali

Ir-regolament jistabbilixxi regoli li jkopru:

  • applikazzjoni għall-protezzjoni u l-proċedura ta’ eżami — inklużi l-lingwa u l-ortografija tat-termini, il-kundizzjonijiet tal-validità u l-iskrutinju mill-Kummissjoni Ewropea;
  • il-proċedura ta’ oġġezzjoni;
  • protezzjoni — inkluża r-relazzjoni ma’ trademarks, u omonimi*;
  • modifika u tħassir.

Tikkettar u preżentazzjoni

Ir-regolament ikopri wkoll regoli għat-tikkettar u l-preżentazzjoni li jkopru:

  • “dettalji obbligatorji” — sabiex il-konsumaturi jkunu megħjuna jifhmu aħjar il-karattru speċifiku tal-prodotti tas-settur tal-inbid u biex jiggarantixxu r-rikonoxximent tal-produtturi tal-kwalità tal-prodotti tagħhom, it-tikketti tal-prodotti tas-settur tal-inbid għandu jkun fihom numru ta’ punti ta’ informazzjoni inklużi:
    • il-kategorija tal-prodott tal-inbid, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013;
    • it-terminu DPO jew IĠP għal inbejjed b’dawk id-denominazzjonijiet u l-isem rispettiv;
    • qawwa alkoħolika proprja;
    • indikazzjoni tal-provenjenza;
    • indikazzjoni tal-bottiljatur, għall-inbejjed frizzanti l-produttur jew il-bejjiegħ, għall-inbejjed importati l-importatur;
    • il-kontenut taz-zokkor tal-inbejjed frizzanti.
  • “dettalji fakultattivi” — dan jista’ jinkludi:
    • il-vendemmja;
    • il-varjetà(jiet) ta’ għeneb;
    • il-kontenut taz-zokkor (għal inbejjed għajr inbid frizzanti);
    • termini tradizzjonali għall-inbejjed b’DPO jew IĠP;
    • simbolu tal-UE li jindika DPO jew IĠP;
    • termini li jirreferu għal ċerti metodi ta’ produzzjoni;
    • termini li jirreferu għal azjenda.
  • forom u għeluq speċifiċi tal-flixkun.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-14 ta’ Jannar 2019.

SFOND

Dan ir-Regolament delegat ġie adottat b’mod parallel mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/34 li jistipula regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Huwa għandu l-għan li jissimplifika, jiċċara, jikkompleta u jarmonizza r-regoli speċifiċi tal-proċedura għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi biex jagħmilhom konsistenti ma’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel oħra.

Qari ulterjuri:

TERMINI EWLENIN

Omonimi: kliem li għandhom l-istess ortografija jew pronunzja imma tifsiriet jew oriġini differenti.

DOKUMENT EWLIENI

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni (ĠU L 9, 11.1.2019, pp. 2-45)

Ara l-verżjoni konsolidata.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/34 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u ta’ termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti, ir-reġistru ta’ ismijiet protetti, it-tħassir tal-protezzjoni u l-użu ta’ simboli, u tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward sistema xierqa ta’ kontrolli (ĠU L 9, 11.1.2019, pp. 46-76)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 671-854)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, pp. 1-29)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 28.08.2023

Top