Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati tal-Paċifiku

 

SOMMARJU TA’:

Il-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati tal-Paċifiku

Id-Deċiżjoni 2009/729/KE dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati tal-Paċifiku

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

L-għanijiet tal-ftehim huma li:

  • l-Istati tal-Paċifiku jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-aċċess imtejjeb tas-suq offrut mill-UE fi ħdan il-qafas tan-negozjati tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) u, fl-istess waqt, jiġi evitat it-tfixkil tal-kummerċ bejn l-Istati tal-Paċifiku u l-UE minħabba l-iskadenza tal-preferenzi kummerċjali mogħtija skont il-Ftehim ta’ Cotonou fil-31 ta’ Diċembru 2007, sakemm jintlaħaq FSE komprensiv bejn iż-żewġ partijiet;
  • jiġu promossi l-iżvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni gradwali tal-Istati tal-Paċifiku fl-ekonomija dinjija, bi qbil mal-għażliet politiċi u l-prijoritajiet ta’ żvilupp tagħhom;
  • tiġi stabbilita żona ta’ kummerċ ħieles bejn il-partijiet ibbażata fuq l-interess komuni, u dan l-għan jintlaħaq bil-liberalizzazzjoni progressiva tal-kummerċ f’konformità mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-prinċipju tal-asimetrija, bl-UE tqis il-ħtiġijiet speċifiċi u l-limitazzjonijiet ta’ kapaċità tal-Istati tal-Paċifiku, f’termini tal-livelli u t-twaqqit għall-impenji skont il-ftehim;
  • jiġu stabbiliti arranġamenti xierqa għas-soluzzjoni tat-tilwim;
  • jiġu stabbiliti arranġamenti istituzzjonali xierqa;

Id-deċiżjoni tikkonkludi l-ftehim f’isem il-Komunità Ewropea (issa l-UE).

PUNTI EWLENIN

L-Istati tal-Paċifiku huma 15-il pajjiż indipendenti fir-reġjun tal-Paċifiku (il-Gżejjer Cook, Timor Leste, Fiġi, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, Niue, Palau, Papua New Guinea, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Tonga, Tuvalu u Vanuatu).

Il-ftehim huwa bbażat fuq il-prinċipji u l-elementi fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 2 u 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou. Huwa maqsum f’5 partijiet:

  • 1.

    Sħubija kummerċjali għall-iżvilupp sostenibbli

    • Il-partijiet jaffermaw mill-ġdid li l-għan tal-iżvilupp sostenibbli għandu jkun parti integrali mill-ftehim, f’konformità mal-għanijiet u l-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikoli 1, 2 u 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou, bl-impenn li jitqiesu l-aħjar interessi umani, kulturali, ekonomiċi, soċjali, sanitarji u ambjentali tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom u tal-ġenerazzjonijiet futuri.
    • Il-metodi tat-teħid tad-deċiżjonijiet huma bbażati fuq il-prinċipji fundamentali tas-sjieda, tal-parteċipazzjoni u tad-djalogu.
    • Il-ftehim jibni fuq u għandu l-għan li jsaħħaħ l-integrazzjoni reġjonali.
    • Il-partijiet se jikkooperaw f’fora internazzjonali dwar kwistjonijiet rilevanti għall-ftehim.
  • 2.

    Kummerċ fil-merkanzija

    Il-ftehim japplika għal prodotti li joriġinaw mill-UE jew mill-Istati tal-Paċifiku u li jaqgħu taħt intestaturi tariffarji speċifiċi.

    Huwa jkopri:

    • id-dazji doganali;
    • l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ, eż. miżuri anti-dumping, salvagwardji;
    • miżuri mhux tariffarji (il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi, it-trattament nazzjonali dwar tassazzjoni u regolamentazzjoni interna, is-sussidji fuq esportazzjonijiet agrikoli);
    • iffaċilitar tad-dwana u l-kummerċ (kooperazzjoni doganali u amministrattiva, proċeduri doganali, relazzjoni tad-dwana mal-komunità tan-negozju, valwazzjoni doganali, armonizzazzjoni tal-istandards doganali fil-livell reġjonali);
    • l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ u l-miżuri sanitarji u fitosanitarji;
    • l-eċċezzjonijiet, eż. is-sigurtà, it-tassazzjoni, id-diffikultajiet ta’ bilanċ tal-pagamenti, il-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, is-sigurtà tal-ikel, eċċ.
  • 3.

    Evitar u soluzzjoni ta’ tilwim

    Il-ftehim għandu l-għan li jevita u jsolvi tilwim bejn il-partijiet bil-għan li tintlaħaq soluzzjoni li jkun hemm qbil reċiproku dwarha.

    Huwa jkopri:

    • il-konsultazzjoni u l-medjazzjoni;
    • il-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim;
    • artikoli ġenerali, inkluża r-relazzjoni mal-obbligi tad-WTO.
  • 4.

    Dispożizzjonijiet istituzzjonali

    Il-ftehim jistabbilixxi Kumitat tal-Kummerċ, magħmul minn rappreżentanti taż-żewġ partijiet, li jittratta l-implimentazzjoni tal-ftehim, inkluż:

    • l-istabbiliment tar-regoli ta’ proċedura proprji;
    • Id-delega ta’ setgħat speċifiċi lill-Kumitati Speċjali (eż. il-Kumitat Speċjali dwar il-Kooperazzjoni Doganali u r-Regoli tal-Oriġini).
  • 5.

    Dispożizzjonijiet ġenerali u finali

    Dawn jinkludu d-definizzjonijiet u d-dispożizzjonijiet dwar:

    • il-koordinaturi u l-iskambju ta’ informazzjoni;
    • il-preferenza reġjonali;
    • ir-relazzjonijiet mal-Ftehim ta’ Cotonou, il-Ftehim tad-WTO u ma’ Ftehimiet Internazzjonali oħra;
    • ir-reviżjoni;
    • Il-proċeduri għat-tkomplija tan-negozjati u għall-adeżjoni mal-ftehim, eċċ.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

  • Il-ftehim għadu mhuwiex fis-seħħ.
  • Huwa ilu japplika b’mod provviżorju bejn l-UE u l-Papua New Guinea mill-20 ta’ Diċembru 2009.
  • Huwa ilu japplika b’mod provviżorju bejn l-UE u Fiġi mit-28 ta’ Lulju 2014.
  • Huwa ilu japplika b’mod provviżorju bejn l-UE u Samoa mill-31 ta’ Diċembru 2018.
  • Huwa ilu japplika b’mod provviżorju bejn l-UE u l-Gżejjer Solomon mis-17 ta’ Mejju 2020.

SFOND

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra (ĠU L 272, 16.10.2009, pp. 2-715).

Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/729/KE tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra (ĠU L 272, 16.10.2009, p. 1).

DOKUMENTI RELATATI

Ftehim ta’ sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU L 317, 15.12.2000, pp. 3-353).

L-emendi suċċessivi għall-Ftehim ta’ sħubija ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (JOIN(2016) 52 final, 22.11.2016).

Avviż rigward l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika Interim bejn il-Komunità Ewropea, minn banda waħda, u l-Istati tal-Paċifiku min-naħa l-oħra (il-Gżejjer Fiġi) (ĠU L 228, 31.7.2014, p. 2).

Avviż rigward l-applikazzjoni provviżorja ta’ Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika Interim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku min-naħa l-oħra (Samoa) (ĠU L 13, 16.1.2019, p. 1).

Avviż rigward l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika Interim bejn il-Komunità Ewropea, minn banda waħda, u l-Istati tal-Paċifiku min-naħa l-oħra (il-Gżejjer Solomon) (ĠU L 158, 20.5.2020, p. 1).

l-aħħar aġġornament 23.04.2020

Top