This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Direttiva 2007/38/KE dwar ir-retrofitting ta’ mirja fuq vetturi tqal tal-merkanzija reġistrati fl-UE
Id-Direttiva tistabbilixxi regoli għar-retrofitting ta’ mirja li permezz tagħhom tara wara ta’ vetturi kummerċjali ddiżinjati biex iġorru merkanzija li tiżen aktar minn 3.5 tunnellati u rreġistrati wara l-1 ta’ Jannar 2000.
Dan sabiex titjieb prinċipalment is-sigurtà għal utenti oħrajn tat-triq bħal persuni li jkunu mexjin, ċiklisti u xufiera ta’ muturi, li partikolarment jiġu esposti għal perikli li jirriżultaw mill-punti mhux viżibbli laterali li jkollhom it-trakkijiet fuq in-naħa tal-passiġġier.
Mis-6 ta’ Awwissu 2007 u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2009, il-vetturi kollha tal-merkanzija fl-UE ddiżinjati biex iġorru aktar minn 3.5 tunnellati (kategorija N2 u N3) għandhom jiġu modifikati fuq in-naħa tal-passiġġier b’mirja ta’ klassi IV (angolu wiesa’) u klassi V (prossimità mill-qrib).
Id-Direttiva hija miżura temporanja li tapplika għal vetturi rreġistrati wara l-1 ta’ Jannar 2000 u li hija mmirata biex ittejjeb il-kamp viżiv indirett għal vetturi mhux koperti mir-regoli l-ġodda tal-vetturi fir-Regolament (KE) Nru 661/2009.
Id-Direttiva ma tapplikax direttament, iżda teħtieġ li l-gvernijiet nazzjonali jgħaddu leġiżlazzjoni li tagħmel il-mirja obbligatorji.
Eċċezzjonijiet
Il-pajjiżi tal-UE għandhom jikkomunikaw lista ta’ soluzzjonijiet tekniċi lill-Kummissjoni Ewropea, li mbagħad tagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku. Hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni, permezz tal-kumitati rilevanti, li tiżgura li t-tagħmir jiġi installat u ttestjat sabiex tiġi vverifikata l-konformità u l-kontroll tekniku ta’ vettura.
Din ilha tapplika mit-3 ta’ Awwissu 2007. Din kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sas-6 ta’ Awwissu 2008.
Għal aktar informazzjoni, ara:
Direttiva 2007/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar ir-retrofitting ta’ mirja fuq vetturi tqal tal-merkanzija reġistrati fil-Komunità (ĠU L 184, 14.7.2007, pp. 25-28)
Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li tħassar id-Direttiva 2009/40/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, pp. 51-128)
Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (ĠU L 200, 31.7.2009, pp. 1-24)
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 661/2009 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
l-aħħar aġġornament 19.02.2018