Previżjonijiet ekonomiċi Ewropej
SOMMARJU TA’:
Artikolu 134 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
X’INHU L-GĦAN TAL-ARTIKLU U TAL-PREVIŻJONIJIET?
L-Artikolu 134 jistabbilixxi l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF). L-għan tal-KEF huwa li jippromwovi l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fost il-pajjiżi tal-UE, billi wieħed mill-kompiti prinċipali tiegħu hu li jżomm is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-UE u tal-pajjiżi tal-UE taħt reviżjoni.
Il-previżjonijiet janalizzaw l-iżviluppi makroekonomiċi attwali u futuri possibbli u jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika tal-UE.
PUNTI EWLENIN
Il-previżjonijiet huma ppubblikati fis-serje ta’ dokumenti istituzzjonali. Huma:
- ippreparati mid-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (DG ECFIN) tal-Kummissjoni Ewropea;
- ikopru lill-UE, lill-pajjiżi tal-UE, liż-żona tal-euro, xi wħud mill-ekonomiji ewlenin l-oħrajn tad-dinja, bħall-Istati Uniti, il-Ġappun, iċ-Ċina, ir-Russja u l-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, u l-pajjiżi kandidati tal-UE (il-Montenegro, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Albanija, is-Serbja u t-Turkija);
- janalizzaw kwistjonijiet bħal
- tkabbir tal-prodott domestiku gross (PDG) u l-elementi li jixprunawh;
- is-suq tax-xogħol, l-inflazzjoni u l-pagi u l-finanzi pubbliċi;
- jikkunsidraw politiki makroekonomiċi sal-punt li dawn jistabbilixxu l-prospetti għat-tkabbir tal-PDG u l-inflazzjoni;
- jiffokaw fuq medda ta’ żmien ta’ mill-inqas sentejn (2);
- ikopru madwar 180 fattur;
- huma ppubblikati erba’ (4) darbiet fis-sena (żewġ (2) previżjonijiet kompluti f’Mejju u f’Novembru u żewġ (2) previżjonijiet interim fi Frar u f’Lulju) skont iċ-ċiklu annwali ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-UE, magħruf bħala s-Semestru Ewropew.
Id-DĠ ECFIN jippubblika wkoll:
- rapporti ekonomiċi biex jinfurmaw id-diskussjoni u d-dibattitu dwar il-politika;
- dokumenti ta’ diskussjoni biex jiżdied l-għarfien dwar ix-xogħol tekniku tad-DĠ;
- dokumenti tekniċi dwar rapporti u data.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
DOKUMENT PRINĊIPALI
Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Verżjoni konsolidata) — It-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VIII — Politika ekonomika u monetarja — Kapitolu 3 — Dispożizzjonijiet Istituzzjonali — Article 134 (ex Article 114 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 105-106)
l-aħħar aġġornament 18.05.2018
Top