Regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi mhux tal-UE
SOMMARJU TA’:
Regolament (UE) 2015/755 — importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi mhux tal-UE
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
- Huwa jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja għal importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi mhux tal-UE li jistgħu jikkawżaw dannu serju jew theddida ta’ dannu serju* lill-produtturi tal-UE, u għas-sorveljanza ta’ dawk l-importazzjonijiet.
- Ir-regoli għal prodotti minn ħames pajjiżi huma differenti mir-regoli komuni ġenerali tal-UE għall-importazzjonijiet u mir-regoli stabbiliti għal prodotti tat-tessuti minn ċerti pajjiżi mhux tal-UE skont ir-Regolament (UE) 2015/936.
PUNTI EWLENIN
Kamp ta’ applikazzjoni
- Dan japplika għal prodotti minn:
- l-Ażerbajġan,
- il-Belarussja,
- il-Korea ta’ Fuq,
- it-Turkmenistan,
- l-Użbekistan.
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/749 ineħħi l-Każakistan mil-lista wara l-adeżjoni tagħha mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.
Proċedura ta’ investigazzjoni tal-UE
- Il-pajjiżi tal-UE għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea jekk ix-xejriet fl-importazzjonijiet jidhru li jitolbu miżuri ta’ sorveljanza jew ta’ salvagwardja*.
- Investigazzjoni tal-Kummissjoni tfittex li tiddetermina jekk l-importazzjonijiet ta’ prodott humiex qed jikkawżaw (jew qed jheddu li jikkawżaw) dannu serju lill-produtturi tal-UE kkonċernati.
- L-investigazzjoni normalment għandha titlesta fi żmien 9 xhur iżda, f’ċerti każijiet, tista’ tiġi estiża sa 11-il xahar.
- Hija teżamina:
- it-tendenza fl-importazzjonijiet;
- il-kundizzjonijiet li fihom iseħħu;
- jekk hemmx dannu serju jew it-theddida ta’ dannu serju lill-produtturi tal-UE li tirriżulta minn importazzjonijiet bħal dawn.
- Hija tikkunsidra fatturi differenti fosthom:
- il-volum tal-importazzjonijiet;
- il-prezz tal-importazzjonijiet;
- l-impatt konsegwenti fuq il-produtturi Ewropej ta’ prodotti simili jew direttament kompetittivi.
- Jekk l-investigazzjoni turi li l-importazzjonijiet żdiedu tant li jikkawżaw (jew jheddu li jikkawżaw) dannu serju lill-produtturi tal-UE, il-Kummissjoni tista’ timponi miżuri ta’ salvagwardja.
Miżuri ta’ salvagwardja
- L-investigazzjoni tal-UE tista’ twassal għal restrizzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.
- L-importazzjonijiet ikunu jeħtieġu awtorizzazzjoni ta’ importazzjoni soġġetta għar-regoli u l-limiti stabbiliti mill-Kummissjoni.
- Il-miżuri jistgħu jkunu limitati għal reġjun wieħed jew aktar tal-UE iżda għandhom ikunu temporanji u ma jaffettwawx b’mod mhux xieraq il-ħidma tas-suq uniku.
Miżuri ta’ sorveljanza
- L-investigazzjoni tista’ twassal għal sorveljanza tal-UE minn qabel jew retrospettiva ta’ prodott.
- Is-sorveljanza hija sistema ta’ liċenzjar ta’ importazzjoni awtomatika fuq perjodu ta’ żmien. Hija ma tillimitax l-importazzjonijiet la retroattivament lanqas bil-quddiem.
- Il-prodotti taħt sorveljanza minn qabel jistgħu jitqiegħdu f’ċirkolazzjoni ħielsa, għalkemm mal-preżentazzjoni biss ta’ dokument ta’ sorveljanza ta’ importazzjoni approvat mill-awtorità kompetenti nnominata minn pajjiż tal-UE valida madwar l-UE kollha.
MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Huwa ilu japplika mit-8 ta’ Ġunju 2015.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Dannu serju: ħsara ġenerali sinifikanti fil-pożizzjoni tal-produtturi tal-UE.
Miżuri ta’ salvagwardja: dawn huma maħsuba għal sitwazzjonijiet fejn l-industrija tal-UE hija affettwata minn żieda reċenti, qawwija u f’daqqa ta’ importazzjonijiet minħabba żviluppi mhux previsti. Huma maħsuba biex jagħtu lill-industrija perjodu temporanju għar-ristrutturar.
DOKUMENT EWLIENI
Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, pp. 33-49)
Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2015/755 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, pp. 16-33)
Regolament (UE) 2015/936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjoni ta’ prodotti tessili minn ċerti pajjiżi terzi li mhumiex koperti minn ftehimiet bilaterali, protokolli jew arranġamenti oħra, jew minn regoli oħra speċifiċi tal-Unjoni dwar l-importazzjoni (ĠU L 160, 25.6.2015, pp. 1-54)
Ara l-verżjoni kkonsolidata.
l-aħħar aġġornament 24.10.2017