This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Sistema Ewropea ta’ sorveljanza tal-fruntieri (Eurosur)
Sabiex ittejjeb l-amminstrazzjoni tal-fruntieri integrati u sabiex tipprevjeni l-kriminalità trans-fruntiera u l-immigrazzjoni illegali, l-Unjoni Ewropea (UE) ħolqot is-sistema Ewropea ta’ sorveljanza tal-fruntieri (Eurosur)
ATT
Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur).
SOMMARJU
F’Ottubru 2013, l-UE adottat regolament li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur).
Sistema b’għanijiet diversi
Eurosur hija sistema b’ħafna użi li tipprevjeni l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera mal-fruntieri esterni. Se tikkontribwixxi wkoll sabiex tiżgura l-protezzjoni u sabiex jiġu salvati l-ħajjiet ta’ immigranti li qed jippruvaw jilħqu l-kosta Ewropea.
Tipprovdi mekkaniżmu li jippermetti lill-aġenziji ta’ sorveljanza tal-fruntieri illi jagħmlu skambju malajr ta’ informazzjoni u li jaħdmu flimkien. Permezz ta’ ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE responsabbli għas-sorveljanza tal-fruntieri (eżempju gwardjani tal-fruntieri, pulizija, gwardjani tal-kosta, il-forza navali eċċ) għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom, ma’ dawk ta’ pajjiżi oħrajn tal-UE u mal-aġenzija tal-UE għall-fruntieri, Frontex.
Rispons aktar mgħaġġel, grazzi għal informazzjoni aħjar
Eurosur issegwi approċċ immexxi mill-intelliġenza, li jippermetti lil aġenziji tal-UE u dawk nazzjonali sabiex jifhmu aħjar x’ikun qiegħed jiġri mal-fruntieri esterni u li jirrispondu aktar malajr għal rotot u metodi ġodda użati min-netwerks kriminali.
Kapaċitajiet ta’ reazzjoni ta’ malajr
Eurosur tippermetti lill-pajjiżi tal-UE sabiex jirreaġixxu aktar malajr mhux biss għal inċidenti waħdanin, iżda wkoll għal sitwazzjonijiet kritici li jseħħu mal-fruntieri esterni tal-UE. Għal dan il-għan, il-fruntieri tal-art u tal-baħar esterni nqasmu f’“sezzjonijiet ta’ fruntiera” u ngħataw “livell ta’ impatt” separat baxx, medju jew għoli. Dan jippermetti li jiġu identifikati hotspots mal-fruntieri esterni, b’reazzjoni standardizzata fuq livell nazzjonali u tal-UE, jekk meħtieġ.
Drittijiet fundamentali
Il-pajjiżi tal-UE li ffirmaw il-Ftehim Schengen u Frontex għandhom jirrispettaw b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-prinċipju non-refoulement (li ma jippermettix li vittma vera ta’ persekuzzjoni tintbagħat lura għand il-persekutur tagħha) u l-protezzjoni tad-dejta personali.
Dħul fis-seħħ
Sa minn Diċembru 2013, Eurosur kienet operazzjonali fid-19-il pajjiż tal-UE li ffirmaw il-Ftehim ta’ Schengen li għandhom frunteri esterni fin-Nofsinhar u fil-Lvant. Il-11-il pajjiż Schengen li jibqa’ ssieħbu f’Eurosur fl-1 ta’ Diċembru 2014.
Id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit (1) ma ħadux sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament. Madankollu, sar qbil li r-Renju Unit (1) u l-Irlanda jkunu jistgħu jikooperaw mal-Eurosur permezz ta’ netwerks reġjonali. Minn dak iż-żmien, id-Danimarka ddeċidiet li tipparteċipa fl-Eurosur.
REFERENZI
Att |
Dħul fis-seħħ |
Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
Regolament (UE) Nru 1052/2013 |
26.11.2013. |
- |
ĠU L 295 tas-6.11.2013. |
l-aħħar aġġornament 22.04.2014
(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.