Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Niksbu enerġija sikura, affordabbli u sostenibbli - Il-Pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija

L-isfidi globali li qed tiffaċċja s-sistema tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea (UE) jirrikjedu li l-pajjiżi tal-UE jingħaqdu u jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw li l-enerġija ssir aktar sikura, affordabbli u sostenibbli għall-konsumaturi.

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew għall-Investiment Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ’il quddiem (COM(2015) 80 final tal-25 ta’ Frar 2015)

SOMMARJU

L-isfidi globali li qed tiffaċċja s-sistema tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea (UE) jirrikjedu li l-pajjiżi tal-UE jingħaqdu u jaħdmu flimkien sabiex jiżguraw li l-enerġija ssir aktar sikura, affordabbli u sostenibbli għall-konsumaturi.

X’TAGĦMEL IL-KOMUNIKAZZJONI?

Din tistabbilixxi l-istrateġija wara l-pakkett tal-Unjoni tal-Enerġija propost mill-UE. Peress li l-enerġija fl-UE hija rregolata fuq il-livell nazzjonali, l-għan tal-Unjoni tal-Enerġija huwa li tittrasforma s-sistema tal-enerġija tal-UE li attwalment tinkludi 28 qafas nazzjonali f’qafas wieħed għall-UE kollha.

PUNTI EWLENIN

Il-komunikazzjoni tistabbilixxi ħames dimensjonijiet ewlenin li fuqhom hija bbażata l-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija biex iġibu sigurtà akbar, sostenibbiltà u kompetittività.

Is-sigurtà tal-provvista

Sabiex tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, l-UE teħtieġ li:

  • tiddiversifika s-sorsi tal-enerġija, inkluż billi tuża s-sorsi indiġeni b’mod iktar effiċjenti;
  • taħdem mill-qrib mal-ġirien tagħha (inklużi tmien pajjiżi mhux tal-UE li huma membri tal-Komunità tal-Enerġija) fi żminijiet ta’ nuqqas ta’ provvista ta’ enerġija jew kriżi;
  • toħloq korp responsabbli għax-xiri kollettiv tal-gass matul kriżi.

Tnaqqis tal-emissjonijiet

Il-miri tal-enerġija tal-UE għas-sena 2030 jinkludu tnaqqis ta 40 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra meta mqabbla mal-livelli tal-1990. L-azzjonijiet meħtieġa sabiex jinkiseb dan jinkludu:

Suq intern integrat b’mod sħiħ

It-tlestija ta’ suq intern tal-enerġija tal-UE integrat b’mod sħiħ se tinkiseb permezz ta’:

  • iktar interkonnessjonijiet bejn il-pajjiżi tal-UE biex jitħeġġeġ il-fluss tal-enerġija rapidu u b’mod ħieles;
  • iktar xogħol u manutenzjoni fuq l-infrastruttura essenzjali;
  • iktar kompetittività bejn il-fornituri li għandha tippermetti prezzijiet orħos.

L-effiċjenza tal-enerġija

L-UE temmen li t-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija se jnaqqas l-importazzjonijiet tal-enerġija, inaqqas it-tniġġis u jżid il-preservazzjoni tar-riżorsi tal-enerġija domestiċi. Il-komunikazzjoni tenfasizza b’mod partikolari l-ħtieġa għal iktar investiment u kuxjenza dwar il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija fis-setturi tal-bini u t-trasport.

Riċerka u innovazzjoni

L-UE qed tbassar skoperti sinifikanti fit-teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju. Dawn għandhom jinkisbu permezz tal-koordinazzjoni tar-riċerka u l-finanzjament ta’ proġetti fi sħubija mas-settur privat.

Għal aktar informazzjoni, ara L-Unjoni tal-Enerġija fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

l-aħħar aġġornament 26.08.2015

Top