EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa jistabbilixxi l-Fond għal Għajnuna Ewropea għallPersuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) li għandu l-għan li jikkumplimenta l-programmi nazzjonali għall-eradikazzjoni tal-faqar kif ukoll il-politiki tal-inklużjoni soċjali fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE). Il-FEAD isegwi l-programm ta’ għajnuna alimentari tal-UE.
  • L-għan speċifiku tiegħu huwa li jgħin biex jittaffew l-agħar forom ta’ faqar.
  • Il-fokus prinċipali tiegħu huwa li jipprovdi għajnuna materjali bażika u/jew ikel lil dawk l-aktar fil-bżonn, flimkien ma’ miżuri relatati oħra, jew li jipprovdi appoġġ iddedikat għall-inklużjoni soċjali.
  • Fl-indirizzar tal-ħtiġijiet l-aktar bażiċi tal-persuni, dan jikkumplementa l-Fond Soċjali Ewropew, li jista’ jipprovdi appoġġ ulterjuri għall-inklużjoni soċjali bil-għan li jintegra n-nies fis-suq tax-xogħol.
  • Ir-regolament ġie emendat bosta drabi, inkluż waqt il-pandemija tal-COVID-19 meta l-baġit tiegħu żdiedbiex jadatta ruħu għal bżonnijiet dejjem jiżdiedu kif ukoll ġie estiż biex ikopri l-perjodu sa’ tmiem l-2022. Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, ir-Regolamenti emendatorji (UE) 2022/562 u (UE) 2022/613 adattaw ir-regolament għall-isfidi ffaċċjati mill-baġits pubbliċi minħabba l-fluss sostanzjali ta’ refuġjati mill-Ukrajna.

PUNTI EWLENIN

Approvazzjoni ta’ programmi nazzjonali mill-Kummissjoni Ewropea

  • Il-ġestjoni tal-fond hija maqsuma bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE, bl-istess mod bħall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.
  • L-awtoritajiet nazzjonali ssottomettew programmi nazzjonali għall-perjodu 2014-2020 għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Dawn fihom l-informazzjoni kollha dwar, pereżempju, liema azzjoni l-Istati Membri pproponew li jieħdu, it-tip ta’ għajnuna ppjanata u kif dawn ser imexxu l-programm.
  • L-Istati Membri jistgħu jagħżlu:
    • x’tip ta’ assistenza ser jipprovdu:
      • Ikel, affarijiet bażiċi, jew taħlita minn dawn, jew
      • Għajnuna għall-inklużjoni soċjali – pereżempju, attivitajiet biex jgħinu l-inklużjoni tal-anzjani jew tat-tfal; u
    • kif jakkwistaw u jqassmu dawn l-affarijiet.

Organizzazzjonijiet sħab fil-livell nazzjonali

Biex il-programm jiġi implimentat fil-prattika, kull Stat Membru jagħżel organizzazzjonijiet sħab — jew korpi pubbliċi jew organizzazzjonijiet mhux governattivi — permezz ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti li huma definiti fil-livell nazzjonali.

Implimentazzjoni

  • Il-Kummissjoni Ewropea adottat atti ta’ implimentazzjoni (ara d-dokumenti relatati hawn taħt) li jistabbilixxu regoli għas-sottomissjoni, għall-implimentazzjoni u għall-monitoraġġ ta’ programmi ffinanzjati mill-FEAD. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom l-għan ewlieni li:
    • jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-użu tas-sistema għall-ġestjoni tal-fond fl-Unjoni Ewropea, SFC2014, li hija sistema ta’ skambju ta’ data elettronika bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE;
    • joħolqu sistema kompjuterizzata għall-ħżin ta’ data dwar il-ġestjoni finanzjarja u l-evalwazzjoni tal-programmi ffinanzjati mill-FEAD;
    • jistabbilixxu mudelli speċifiċi għall-ġestjoni u għall-ħlas ta’ kull programm operattiv implimentat taħt l-FEAD;
    • jistabbilixxu l-frekwenza u l-format tar-rappurtar tal-irregolaritajiet;
    • jistabbilixxu mudelli għad-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni, l-istrateġija tal-awditjar, l-opinjoni tal-awditjar u r-rapport annwali ta’ kontroll.
  • Il-Kummissjoni adottat ukoll atti delegati, fost affarijiet oħra, li jintroduċu regoli speċifiċi dwar ir-rappurtar ta’ irregolaritajiet (ir-Regolament Delegat (UE)2015/1972) li jintroduċi rekwiżiti minimi għal għanijiet ta’ awditjar u sabiex id-data tiġi reġistrata u maħżuna (Regolament Delegat (UE) Nru 532/2014) u li jistabbilixxi l-kontentut tar-rapporti ta’ implimentazzjoni annwali u finali, inkluża l-lista ta’ indikaturi komuni (Regolament Delegat (UE) Nru 1255/2014).

Baġit

  • Aktar minn EUR 3.8 biljun huma allokati għall-FEAD għall-perjodu 2014-2020 (bi prezzijiet attwali).
  • Finanzjament addizzjonali sar disponibbli lill-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19.
  • L-Istati Membri jeħtieġ li jikkontribwixxu mill-anqas 15% f’kofinanzjament nazzjonali lill-programm nazzjonali tagħhom, imma regoli speċifiċi ġew introdotti sabiex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, li ppermetta li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddikkjaraw l-ispiża b’mod eċċezzjonali abbażi ta’ rata ta’ kofinanzjament ta’ 100%.

ir-Reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju (ir-regolament omnibus): l-ewwel emenda għar-regolament

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (ara s-sommarju) jemenda r-Regolament (UE) Nru 223/2014 biex jissimplifika l-implimentazzjoni tal-fond, b’mod partikolari billi:

  • jestendi l-possibbiltà biex l-Istati Membri jużaw għażliet ta’ spejjeż simplifikati;
  • jissimplifika l-proċeduri biex jiġu emendati ċerti elementi tal-programmi operattivi;
  • jistabbilixxu salvagwardji għal organizzazzjonijiet sħab f’każ li l-korp li qed jixtri l-ikel jew prodotti bażiċi oħra jonqos milli jikkonforma mal-liġi applikabbli.

Il-pandemija tal-COVID-19: it-tieni emenda għar-regolament

  • Ir-Regolament (UE) 2020/559 jemenda r-Regolament (UE) Nru 223/2014 biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrispondu għat-tifqigħa tal-COVID-19 u jintroduċi miżuri biex jiġi żgurat li l-persuni l-aktar fil-bżonn ikunu jistgħu jkomplu jirċievu għajnuna skont l-FEAD f’ambjent sikur.
  • Dan jagħti lill-Istati Membri biżżejjed flessibbiltà u likwidità biex jaġġustaw l-iskemi ta’ appoġġ tagħhom għas-sitwazzjoni, bbażati fuq konsultazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet sħab, inkluż billi:
    • jipprovdi aktar flessibbiltà lill-Istati Membri biex jixtru tagħmir protettiv personali għall-organizzazzjonijiet sħab;
    • jippermetti skemi alternattivi ta’ konsenja, bħal pereżempju permezz ta’ vawċers jew kards f’forma elettronika jew f’forma oħra;
    • jippermetti lill-Istati Membri jemendaw ċerti elementi tal-programm operattiv mingħajr il-ħtieġa ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni;
    • jippermetti nefqa marbuta ma’ operazzjonijiet li jipprovdu rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19 biex ikunu eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020 u
    • Billi jtaffu ċertu rekwiżiti dwar il-monitoraġġ, il-kontroll u l-awditu.

Il-pandemija COVID-19: it-tielet emenda għar-regolament

Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2021/177 jippermetti lill-Istati Membri jużaw fondi addizzjonali li saru disponibbli għall-irkupru ta’ wara COVID-19 taħt l-inizjattiva REACT-EU fl-2021 u l-2022.

Biex ikun żgurat li l-Istati Membri għandhom biżżejjed mezzi finanzjarji biex jimplimentaw malajr miżuri biex jgħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn, huma jistgħu jibbenefikaw minn rata ta’ kofinanzjament ta’ mhux iktar minn 100 % għal dawn il-fondi addizzjonali. Dan itaffi l-piż tal-baġits pubbliċi tal-Istati Membri u jipprovdi xi soljiev għall-organizzazzjonijiet li qed iwieġbu għall-emerġenza ta’ COVID-19 biex jippermettu l-kontinwità tal-għoti tal-għajnuna.

L-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa: ir-raba’ emenda għar-regolament

Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2022/562 jintroduċi regoli li jħallu l-Istati Membri jużaw b’mod-iktar faċli l-FEAD sabiex jirreaġixxu għall-kriżi minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u sabiex jgħinu n-numru dejjem jikber ta’ nies li għandhom bżonn l-għajnuna. B’mod notevoli huwa:

  • jestendi l-possibilità lill-Istati Membri biex jibbenefikaw minn rata ta’ kofinanzjament temporanja ta’ 100% għas-sena ta’ kontabilità li tibda fl-1 ta’ Lulju 2021 u tintemm fit-30 ta’ Ġunju 2022;
  • iħalli spiża relatata mal-operazzjonijiet li jindirizzaw l-influss tar-refuġjati minħabba l-aggressjoni militari tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa mill-24 ta’ Frar 2022;
  • iħalli l-Istati Membri jemendaw ċertu elementi tal-programm operattiv mingħajr il-ħtieġata’ deċiżjoni tal-Kummissjoni meta l-emenda tkun meħtieġa sabiex ikun hemm reazzjoni għal din il-kriżi.

Iż-żieda tal-prefinanzjament mir-riżorsi tar-REACT-EU bħala komplement għall-Azzjoni ta’ Koeżjoni tar-Refuġjati fl-Ewropa: il-ħames emenda għar-regolament

Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2022/613 jipprovdi għall-ħlas ta’ prefinanzjament addizzjonali taħt ir-REACT-EU għal programmi operazzjonali megħjuna mill-FEAD li ġew supplimentati mir-riżorsi REACT-EU sabiex jipprovdu finanzi addizzjonali għall-Istati Membri li jindirizzaw il-kriżi minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilhu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

SFOND

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar il-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 72, 12.3.2014, pp. 1-41).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 223/2014 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/594 tat-18 ta’ April 2016 li jistabbilixxi mudell għall-istħarriġ strutturat dwar ir-riċevituri aħħarin tal-programmi operattivi tal-għajnuna alimentari u/jew materjali bażika tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn skont ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 103, 19.4.2016, pp. 13-21).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1972 tat-8 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-irrappurtar ta’ irregolaritajiet fir-rigward tal-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 293, 10.11.2015, pp. 11-14).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1976 tat-8 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi l-frekwenza u l-għamla tal-irrappurtar ta’ irregolaritajiet fir-rigward tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn fir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 293, 10.11.2015, pp. 26-28).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1386 tat-12 ta’ Awwissu 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati li jimplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mudelli għad-dikjarazzjoni tar-responsabbiltajiet ta’ ġestjoni, l-istrateġija tal-awditjar, l-opinjoni tal-awditjar u r-rapport annwali ta’ kontroll (ĠU L 214, 13.8.2015, pp. 9-23).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/341 tal-20 ta’ Frar 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mudelli għall-preżentazzjoni ta’ ċerta informazzjoni lill-Kummissjoni (ĠU L 60, 4.3.2015, pp. 1-30).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/212 tal-11 ta’ Frar 2015 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema li tirreġistra u taħżen id-data dwar kull operazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-verifika, inkluż data dwar parteċipanti individwali fl-operazzjonijiet ikkofinanzjati minn PO II (ĠU L 36, 12.2.2015, pp. 1-3).

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1255/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn billi jistabbilixxi l-kontenut tar-rapporti annwali u finali ta’ implimentazzjoni, inkluża l-lista ta’ indikaturi komuni (ĠU L 337, 25.11.2014, pp. 46-50).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 532/2014 tat-13 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 148, 20.5.2014 pp. 54-69).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 463/2014 tal-5 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi skont ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, it-termini u l-kondizzjonijiet applikabbli għas-sistema ta’ skambju elettroniku ta’ data bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni (ĠU L 134, 7.5.2014, pp. 32-36).

l-aħħar aġġornament 13.05.2022

Top