Xogħol mhux iddikjarat — il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Deċiżjoni (UE) 2016/344 dwar l-istabbiliment ta’ Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-indirizzar ta’ xogħol mhux iddikjarat
X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?
-
Din tistabbilixxi pjattaforma jew forum fil-livell tal-UE fejn rappreżentanti mill-pajjiżi kollha tal-UE jiltaqgħu biex:
-
jiskambjaw l-informazzjoni u l-aħjar prattiki;
-
jiżviluppaw l-għarfien u l-kapaċità; u
-
jaħdmu f’kooperazzjoni transkonfinali aktar mill-qrib biex jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat* b’mod aktar effettiv u effiċjenti.
PUNTI EWLENIN
-
Il-pjattaforma għandha l-għan li:
-
tnaqqas ix-xogħol mhux iddikjarat;
-
ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol;
-
tippromwovi l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali;
-
ittejjeb l-infurzar tal-liġi fl-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali;
-
tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ impjiegi formali;
-
tikkontribwixxi għal riformi strutturali fil-qasam tax-xogħol mhux iddikjarat.
-
Il-pjattaforma tappoġġa l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE permezz ta’:
-
l-iskambju tal-aħjar prattiki u informazzjoni;
-
l-iżvilupp ta’ kompetenza esperta u analiżi;
-
l-inkoraġġiment ta’ modi innovattivi ta’ kooperazzjoni transkonfinali effettivi u effiċjenti;
-
il-promozzjoni ta’ fehim usa’ tal-kwistjonijiet imqajma mix-xogħol mhux iddikjarat.
-
L-attivitajiet tal-pjattaforma jinkludu:
-
definizzjonijiet kondiviżi, kunċetti komuni, analiżi komparattiva, ġbir tad-data u l-użu tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari;
-
l-analiżi ta’ politiki differenti, miżuri preventivi u penalitajiet;
-
l-istabbiliment ta’ bank ta’ għarfien biex jiġu kondiviżi l-informazzjoni u l-esperjenza;
-
il-produzzjoni ta’ linji gwida għall-infurzar, manwali ta’ prattiki tajba u prinċipji kondiviżi ta’ spezzjoni;
-
l-inkoraġġiment tal-iskambju ta’ uffiċjali nazzjonali u attivitajiet kondiviżi;
-
l-eżami tal-fattibbiltà ta’ sistema ta’ skambju rapidu ta’ informazzjoni u l-kondiviżjoni tad-data mtejba;
-
l-iżvilupp tal-kapaċità ta’ taħriġ;
-
iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar il-problema tax-xogħol mhux iddikjarat permezz ta’ kampanji Ewropej u strateġiji reġjonali u madwar l-UE kkoordinati.
-
il-pjattaforma tikkoopera mill-qrib ma’ gruppi u kumitati esperti oħra involuti fl-indirizzar ta’ xogħol mhux iddikjarat.
-
il-pjattaforma tinkludi rappreżentanti minn kull pajjiż tal-UE, mill-Kummissjoni Ewropea u kemm min-naħa ta’ min iħaddem kif ukoll min-naħa tal-ħaddiema fl-industrija.
-
Ir-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali, b’mod partikolari f’setturi b’inċidenza għolja ta’ xogħol mhux iddikjarat, il-korpi relevanti tal-UE u dawk internazzjonali, bħall-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, u pajjiżi mhux tal-UE (l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja) jistgħu jattendu bħala osservaturi.
-
Il-pjattaforma tiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena u hija ppreseduta mill-Kummissjoni.
-
Il-parteċipazzjoni fil-pjattaforma ma taffettwax l-isforzi nazzjonali u internazzjonali l-oħra tal-pajjiżi tal-UE biex jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat.
-
Il-Kummissjoni tirrapporta dwar l-attivitajiet tal-pjattaforma sat-13 ta’ Marzu 2020. Hija tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet biex tbiddel l-ambitu tal-attivitajiet tagħha.
META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?
Ilha tapplika mit-12 ta’ Marzu 2016.
SFOND
-
Ix-xogħol mhux iddikjarat huwa partikolarment komuni fis-setturi bħall-kostruzzjoni, it-tiswija, ix-xogħol fil-ġnien, it-tindif, l-indukrar tat-tfal, il-catering u l-lukandi.
-
Huwa ta’ dannu għall-ekonomija tal-UE, iwassal għall-kompetizzjoni mhux ġusta u jdgħajjef il-protezzjoni soċjali u okkupazzjonali tal-ħaddiema.
-
L-awtoritajiet nazzjonali għandhom ir-responsabbiltà ewlenija li jindirizzaw ix-xogħol mhux iddikjarat: jew permezz tad-deterrenza (sanzjonijiet aktar stretti, spezzjonijiet aktar effettivi) jew permezz tal-prevenzjoni (inċentivi fiskali jew amnestiji).
* TERMINI EWLENIN
Xogħol mhux iddikjarat: kwalunkwe attività mħallsa li hija legali fin-natura tagħha, imma ma tiġix iddikjarata lill-awtoritajiet pubbliċi
DOKUMENT EWLIENI
Deċiżjoni (UE) 2016/344 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar l-istabbiliment ta’ Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-indirizzar ta’ xogħol mhux iddikjarat (ĠU L 65, 11.3.2016, pp. 12–20)
l-aħħar aġġornament 12.12.2016
Top