EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Pjan għall-impjiegi u t-tkabbir għall-Greċja: Il-mobilizzazzjoni tal-fondi tal-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Bidu ġdid għat-tkabbir u l-impjiegi fil-Greċja — COM(2015) 400 final

SOMMARJU

X’TAGĦMEL IL-KOMUNIKAZZJONI?

Magħruf bħala l-Pjan għall-Impjiegi u t-Tkabbir għall-Greċja, din tiddeskrivi approċċ sabiex il-Greċja tiġi megħjuna timmassimizza l-użu tal-fondi tal-UE sal-2020.

F’dak il-perjodu ta’ żmien, il-Kummissjoni Ewropea (KE) beħsiebha taħdem mal-awtoritajiet Griegi sabiex timmobilizza sa EUR 35 biljun sabiex tgħin fil-finanzjament tal-investiment u l-attività ekonomika, li hija kruċjali sabiex il-Greċja tkun tista’ terġa' taqbad it-triq lejn it-tkabbir ekonomiku.

PUNTI EWLENIN

Il-finanzjament tal-UE ta’ EUR 35 biljun disponibbli għall-Greċja sal-2020 ser jiġi mill-fondi segwenti:

il-Fond ta’ Koeżjoni (EUR 3.25 biljun);

il-Fond Soċjali Ewropew (EUR 3.7 biljun);

Il-Greċja se tkompli tibbenefika wkoll minn programmi tal-UE bħal Orizzont 2020, li ħallas madwar EUR 160 miljun sabiex jiġu ffinanzjati proġetti ta’ innovazzjoni Griegi fl-ewwel sena tal-perjodu 2014–20 .

Bħala miżura eċċezzjoni u fid-dawl tas-sitwazzjoni unika tal-Greċja, il-Kummissjoni tipproponi li tittejjeb il-likwidità immedjata tal-fondi tal-UE sabiex l-investimenti jkunu jistgħu jsiru issa, u jħallu impatt benefiċjarju tagħhom fuq it-tkabbir u l-impjiegi.

Il-EUR 35 biljun ser jintużaw għal:

investimenti għal firxa wiesgħa ta’ setturi fl-ekonomija Griega;

il-ġlieda kontra l-qgħad u l-faqar u t-titjib tal-kundizzjonijiet soċjali;

it-titjib tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni;

l-appoġġ għall-agrikoltura u s-sajd; u

proġetti tal-enerġija, it-trasport u ambjentali.

Is-Servizz ta’ Appoġġ tar-Riforma Strutturali tal-Kummissjoni Ewropea, li nħoloq sabiex joffri appoġġ tekniku skont il-bżonn lill-pajjiżi tal-UE ser jipprovdi appoġġ tekniku għar-riformi u l-implimentazzjoni.

SFOND

Minn meta bdiet il-kriżi tad-dejn tal-gvern Grieg fl-aħħar tal-2009, iċ-ċittadini Griegi għaddew minn żminijiet estremament diffiċli. Il-kriżi rriżultat f’kompetittività dgħajfa, produttività baxxa (minħabba rata tal-qgħad għolja ħafna) u defiċit pubbliku għoli ħafna. L-appoġġ tal-UE huwa meħtieġ sabiex jgħin fit-tlestija tar-riformi fil-Greċja, bħat-titjib tal-amministrazzjoni pubblika, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-frodi; u t-titjib fil-kura tas-saħħa. Huwa ttamat li dawn ir-riformi, flimkien ma’ investimenti ġodda, se jreġġgħu lill-Greċja lura lejn il-prosperità ekonomika.

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Bidu ġdid għat-tkabbir u l-impjiegi fil-Greċja (COM(2015) 400 final tal-15.7.2015)

l-aħħar aġġornament 23.11.2015

Top