Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ bil-għan li tingħata spinta lill-impjegabbiltà

Il-qgħad, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, huwa problema serja f’ħafna pajjiżi tal-UE. Madankollu, b’aktar minn 2 miljun post tax-xogħol vakanti madwar l-UE, hemm evidenza li l-provvista tal-ħiliet mhijiex qiegħda tilħaq il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

ATT

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ - reazzjoni għal Nikkunsidraw mill-Ġdid l-Edukazzjoni: Investiment fil-ħiliet għal riżultati soċjo-ekonomiċi aħjar u L-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali 2013

SOMMARJU

Fi Frar 2013, il-Ministri tal-Edukazzjoni tal-pajjiżi membri tal-UE adottaw konklużjonijiet b’reazzjoni għall-komunikazzjoni tal-2012 tal-Kummissjoni Ewropea Nikkunsidraw mill-Ġdid l-Edukazzjoni u L-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali 2013.

Il-konklużjonijiet jenfasizzaw oqsma ta’ prijorità għal riforma fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ bil-għan li jittejbu l-livelli tal-ħiliet u l-kompetenza globali sabiex tiżdied l-impjegabbiltà u jitnaqqas il-qgħad.

Il-pajjiżi membri tal-UE qablu fuq il-ħtieġa li:

  • jinbnew rabtiet aktar mill-qrib bejn is-sistemi edukattivi u s-suq tax-xogħol tagħhom;
  • tingħata promozzjoni lill-eċċellenza fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u li din tiġi ffokata fuq oqsma ta’ tkabbir potenzjali jew oqsma b’nuqqas ta’ ħiliet;
  • jiġu identifikati ż-żgħażagħ f’riskju li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien u jiġi pprovdut appoġġ individwalizzat;
  • jiġu indirizzati l-kawżi ta’ kisbiet baxxi bil-għajnuna ta’ edukazzjoni u indukrar aċċessibbli u ta’ kwalità għolja fil-fażi tat-tfulija bikrija;
  • jiġi rivedut u msaħħaħ il-profil professjonali tal-professjoni tal-għalliema;
  • jitnaqqas in-numru ta’ adulti b’ħiliet baxxi permezz ta’ aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ tal-adulti;
  • jiġi ottimizzat it-tagħlim appoġġjat mill-ICT u l-aċċess għal riżorsi edukattivi miftuħa.

Appoġġ u assistenza fil-livell tal-UE

B’segwitu għal dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni, fost l-oħrajn,

  • qiegħda tappoġġja lill-pajjiżi billi tħeġġiġhom jagħmlu użu sħiħ mill-fondi u l-programmi edukattivi tal-UE;
  • qiegħda tesplora l-għażliet għaż-żieda fil-livell u l-kwalità tal-għoti ta’ taħriġ u edukazzjoni għall-adulti għall-finijiet tat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib fil-ħiliet tagħhom;
  • qiegħda tipproċedi lejn il-ħolqien ta’ Qasam Ewropew għall-Ħiliet u l-Kwalifiki, li għandu jiżgura li l-ħiliet u l-kwalifiki jiġu rikonoxxuti faċilment tul il-fruntieri;
  • nediet inizjattiva ġdida dwar Il-Ftuħ tal-Edukazzjoni, sabiex tipprovdi appoġġ mill-UE sabiex jiżdied l-aċċess għal u l-użu ta’ ICT u Riżorsi Edukattivi Miftuħa bi kwalità garantita;
  • nediet, b’kooperazzjoni mal-OECD, azzjonijiet li jippromwovu edukazzjoni imprenditorja, b’mod partikolari gwida ta’ politika, kif ukoll oqfsa li jinkoraġġixxu l-edukazzjoni imprenditorjali fil-livell istituzzjonali.

Fl-aħħarnett, inizjattivi bħall-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati mnedija riċentament mill-Kummissjoni, għandhom jippromwovu skemi u programmi ta’ apprendistat madwar l-Ewropa.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Skadenza għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Ġurnal Uffiċjali

Konklużjonijiet tal-Kunsill

-

-

ĠU C 64 tal-5.3.2013

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Nikkunsidraw mill-Ġdid l-Edukazzjoni: Investiment fil-ħiliet għal riżultati soċjo-ekonomiċi aħjar (COM(2012)0669 finali tal-20.11.2012).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Stħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali 2013. (COM(2012)750 finali tat-28.11.2012).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta’ Azzjoni għall-Imprenditorjat 2020 - Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu imprenditorjali fl-Ewropa. (COM(2012)795 finali tad-9.1.2013).

L-aħħar aġġornament: 17.02.2014

Top