Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-irwol tal-isport fil-promozzjoni tat-tkabbir, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u s-saħħa

Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport 2014-2017

ATT

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tal-21 ta' Mejju 2014 dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2014-2017) (2014/C 183/03) (Ġurnal Uffiċjali C 183 tal-14.6.2014, pp. 12-17)

SOMMARJU

Ir-riżoluzzjoni tistipula l-bażi għal Pjan ta’ Ħidma ta’ 3 snin għall-bini tal-isport fuq il-kisbiet ta’ Pjan ta’ Ħidma tal-UE preċedenti. Hija tidentifika l-prijoritajiet u r-riżultati ewlenin kif ukoll il-kontribut li jista’ jagħmel l-isport għall-aġenda ekonomika u tal-politika soċjali usa’ tal-Ewropa.

X’TAGĦMEL IR-RIŻOLUZZJONI?

Hija tistabbilixxi 3 prijoritajiet għall-perjodu 2014-2017:

  • il-ħarsien tal-integrità tal-isport permezz tal-indirizzar tal-imġiba illegali u diskriminatorja;
  • l-iżvilupp tad-dimensjoni ekonomika tal-isport;
  • il-promozzjoni tal-irwol soċjetali tal-isport.

PUNTI EWLENIN

Il-gvernijiet tal-UE qablu li jistabbilixxu 5 gruppi ta’ esperti. Dawn jiffokaw fuq:

  • 1.

    l-iffissar tar-riżultati tal-partiti (speċjalment kwalunkwe rabta mal-logħob tal-imħatri);

  • 2.

    governanza tajba (il-ħarsien tat-tfal u tal-adolexxenti, il-proċeduri ta’ għoti ta’ unuri għal avvenimenti sportivi ewlenin u l-ugwaljanza bejn is-sessi);

  • 3.

    id-dimensjoni ekonomika tal-isport (bħall-finanzjament sostenibbli u r-rabta bejn avvenimenti sportivi ewlenin u ż-żona li tkun qiegħda tospitahom, pereżempju, infrastruttura moderna);

  • 4.

    attività fiżika għat-titjib tas-saħħa (b’mod partikolari fl-iskejjel u f’kuntatti mal-awtoritajiet lokali u s-settur privat);

  • 5.

    l-iżvilupp ta’ riżorsi umani (permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ, l-impjiegi u l-volontarjat).

Qiegħed jingħata wkoll appoġġ għal inizjattivi oħrajn bħal studji, konferenzi u djalogu regolari mal-partijiet interessati fil-qasam sportiv.

Barra minn hekk:

  • l-awtoritajiet nazzjonali huma mħeġġa sabiex jinformaw u jikkonsultaw b’mod regolari lill-partijiet interessati fil-qasam sportiv dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma,
  • il-gvernijiet, li għandhom il-Presidenza tal-Kunsill b’rotazzjoni għal 6 xhur, għandhom jinkludu l-għanijiet tal-pjan ta’ ħidma fil-programm tal-politika tagħhom.

Sa Novembru 2016, il-Kummissjoni sejra tipprovdi rapport dwar il-progress li jkun sar. Dan sejjer iservi bħala l-bażi għad-diskussjoni fil-Kunsill dwar tielet Pjan ta' Ħidma possibbli fl-ewwel nofs tal-2017.

Fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Ħidma, ġew adottati diversi dokumenti tal-Kunsill. Dawn jinkludu l-konklużjonijiet tal-Kunsill, fl-2015, li jisħqu fuq l-importanza tal-isport bażi fl-iżvilupp tal-ħiliet, b'mod speċjali fost iż-żgħażagħ. It-test jindika li l-isport, li filwaqt li huwa attività fiżika ta' divertiment, iġib miegħu valur miżjud fir-rigward ta' soċjetà ġeneralment aktar inklussiva u sostennibbli. L-isport jista' jiżviluppa attitudnijiet u valuri soċjali pożittivi, kif ukoll il-ħiliet u l-kompetenzi tal-individwi, inkluż ħiliet trasversali bħall-abilità li wieħed jaħseb b'mod kritiku, li wieħed jieħu inizjattivi, li jsolvi problemi u li jaħdem b'mod kollaborattiv.

SFOND

L-isport huwa qasam, skont it-trattati tal-UE, fejn il-miżuri meħudin mill-UE għandhom jappoġġjaw, jikkoordinaw u jissupplimentaw dak li jagħmlu l-awtoritajiet nazzjonali. L-UE taħdem ukoll mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Aġenzija Dinjija ta’ Kontra d-Doping u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

ATTI RELATATI

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-massimizzazzjoni tar-rwol tal-isport tal-massa fl-iżvilupp ta’ ħiliet trasversali, speċjalment fost iż-żgħażagħ (ĠU C 172, 27.5.2015, pp. 8-12)

l-aħħar aġġornament 24.09.2015

Top