Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (magħruf ukoll bħala patt fiskali)

 

SOMMARJU TA’:

Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja

X’INHU L-GĦAN TAT-TRATTAT?

L-għan ta’ dan il-ftehim intergovernattiv huwa li jsaħħaħ id-dixxiplina baġitarja tal-gvernijiet taż-żona tal-euro wara l-kriżi tad-dejn sovran li bdiet fl-2010.

PUNTI EWLENIN

Dan “il-patt fiskali” jimponi rekwiżiti fuq il-pajjiżi taż-żona ewro dwar il-politiki baġitarji tagħhom. Pajjiżi tal-UE oħrajn jistgħu jipparteċipaw jekk jixtiequ. Mit-28 pajjiż tal-UE (1), ir-Renju Unit (1), ir-Repubblika Ċeka u l-Kroazja biss ma ffirmawx il-ftehim. Dan isaħħaħ il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir riformat, skont liema

  • d-defiċits nazzjonali ma għandhomx jaqbżu t-3 % tal-prodott domestiku gross (PDG)
  • id-dejn pubbliku nazzjonali għandu jibqa’ taħt is-60 % tal-PDG.

Il-ftehim intergovernattiv għandu 3 għanijiet ewlenin.

 

  • 1.
    Biex jiżgura li l-baġits nazzjonali huma bbilanċjati jew f’surplus

    Biex jikkonformaw ma’ din “ir-regola tal-baġit ibbilanċjat”, il-pajjiżi għandhom iżommu d-defiċits strutturali annwali tagħhom għal 0.5 % tal-PGD jew inqas. Defiċit strutturali huwa d-defiċit ġenerali nieqes l-impatt taċ-ċiklu ekonomiku fuq l-infiq u d-dħul tal-gvern (eż. nefqa akbar fuq il-benefiċċji tal-qgħad f’riċessjoni).

    Il-gvernijiet għandhom jimplimentaw mekkaniżmu ta’ korrezzjoni awtomatiku azzjonat bi kwalunkwe devjazzjoni mir-regola ta’ baġit bilanċjat. Dan ifisser li jekk il-bilanċ tal-baġit jiddevja mil-linja projettata, awtomatikament jittieħdu miżuri korrettivi.

    Pajjiżi jistgħu jiġu eżentati temporanjament mir-regola tal-baġit ibbilanċjat f’ċirkostanzi eċċezzjonali, bħal tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku. Barra minn hekk, jekk id-dejn pubbliku tal-gvern ikun ferm taħt il-valur ta’ referenza tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (60% tal-PDG), jista’ jingħata defiċit strutturali ogħla sa massimu ta’ 1 % tal-PDG.

    Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jittellgħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jekk jonqsu milli jimxu ma’ dawn ir-rekwiżiti. Il-Qorti tista’ timponi sanzjonijiet finanzjarji fuq pajjiżi li ma jikkonformawx mal-ġudizzji tagħha.

     

  • 2.
    Biex tingħata spinta lill-impatt tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni Ewropea meta d-defiċits pubbliċi tal-pajjiżi taż-żona ewro jsiru kbar wisq

    Dan il-ftehim intergovernattiv jimpenja lill-pajjiżi tal-UE, meta jivvotaw fil-Kunsill tal-UE, li jadottaw il-proposti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv mhux mibdula — sakemm ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata bejniethom kontra deċiżjoni bħal din.

     

  • 3.
    Biex tittejjeb il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi nazzjonali

    Il-ftehim intergovernattiv jeħtieġ li l-gvernijiet jirrapportaw fuq il-pjanijiet tal-ħruġ tad-dejn tagħhom (iżidu l-fondi billi jissellfu mid-detenturi ta’ bonds) bil-quddiem lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-UE. Iridu jagħmlu ċert li l-pjanijiet tagħhom għal riformi maġġuri tal-politika ekonomika jiġu diskussi jew ikkoordinati bejniethom bil-quddiem. Il-ftehim ikopri wkoll il-governanza taż-żona tal-euro. Pereżempju, summits tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tal-pajjiżi taż-żona tal-euro għandhom isiru għallinqas darbtejn fis-sena (summits tal-Euro).

     

MINN META JAPPLIKA T-TRATTAT?

It-trattat daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013.

Sfond

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja tat-2 ta’ Marzu 2012 — mhux ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali.

l-aħħar aġġornament 10.03.2014



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top