EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-tisħiħ tal-unjoni ekonomika u monetarja

 

SOMMARJU TA’:

Komunikazzjoni (COM(2015) 600 final) dwar passi lejn l-ikkompletar tal-unjoni ekonomika u monetarja

L-Artikolu 119 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

L-Artikolu 120 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

L-Artikolu 121 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN IL-KOMUNIKAZZJONI U TAL-ARTIKOLI TAT-TRATTAT DWAR IL-POLITIKA EKONOMIKA U MONETARJA?

Il-komunikazzjoni tistabbilixxi l-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jitlesta l-ewwel stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja (UEM), li beda fl-1 ta’ Lulju 2015, sal-bidu tal-2017. Sa minn dakinhar dan ġie segwit minn dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni Ewropea li jħares ’il quddiem dwar l-approfondiment tal-UEM.

L-Artikoli 119, 120 u 121 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jikkonċernaw il-politika ekonomika u monetarja tal-UE. Skont dawn l-artikoli, il-pajjiżi tal-UE jaqblu li:

  • jikoordinaw il-politiki ekonomiċi tagħhom,
  • jaħdmu lejn il-kisba ta’ konverġenza tal-prestazzjoni ekonomika tagħhom, u
  • jaġixxu f’konformità mal-prinċipji ta’ ekonomija ta’ suq miftuħ.

PUNTI EWLENIN

Il-komunikazzjoni titlob li jkun hemm:

  • semestru Ewropew* b’dehra ġdida billi:
    • jiġu integrati ż-żona tal-euro u l-politiki nazzjonali aktar mill-qrib,
    • jingħata fokus aktar qawwi lill-politiki dwar l-impjiegi u dawk soċjali,
    • tiġi promossa l-konverġenza ekonomika billi jintużaw benchmarking u l-aħjar prattika,
    • jintużaw il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE u assistenza teknika għall-appoġġ ta’ riformi ekonomiċi,
  • governanza ekonomika mtejba billi:
    • titnaqqas il-kumplessità u tiżdied it-trasparenza tar-regoli fiskali,
    • jissaħħu l-proċeduri sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi,
    • jinħolqu bords ta’ kompetittività nazzjonali sabiex jipprovdu għarfien espert indipendenti,
    • jiġi stabbilit Bord Fiskali Ewropew ta’ konsulenza sabiex itejjeb is-sorveljanza fiskali taż-żona tal-euro;
  • rappreżentazzjoni esterna aktar b’saħħitha tal-euro billi l-pajjiżi taż-żona tal-euro jiġu mħeġġa jitkellmu kollettivament fix-xena internazzjonali, partikolarment fil-Fond Monetarju Internazzjonali;
  • mixja lejn unjoni finanzjarja, notevolment billi:
  • leġittimità demokratika aktar effettiva billi tissaħħaħ is-sorveljanza parlamentari Ewropea tal-iżviluppi tal-UEM u billi jiġi żviluppat involviment aktar mill-qrib tal-parlamenti nazzjonali.

F’Mejju 2017, il-Kummissjoni, billi bniet fuq il-komunikazzjoni tal-2015, ippubblikat dokument ta’ riflessjoni dwar l-approfondiment tal-UEM. Dan approva 4 prinċipji għat-tisħiħ tal-munita unika u sabiex b’mod konġunt jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ interess komuni li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Dawn huma:

  • l-impjiegi, it-tkabbir, il-ġustizzja soċjali, il-konverġenza ekonomika u l-istabbiltà finanzjarja, li huma l-għanijiet ewlenin tal-UEM;
  • ir-responsabbiltà u s-solidarjetà, u t-tnaqqis tar-riskju u l-kondiviżjoni tar-riskju, li huma konnessi mill-qrib;
  • is-sħubija fl-UEM, li hija miftuħa għall-pajjiżi kollha tal-UE (ħlief ir-Renju Unit (1) u d-Danimarka, minħabba n-non-parteċipazzjoni) — is-suq uniku huwa fundamentali sabiex il-munita unika tiffunzjona tajjeb u l-intergrità tiegħu jenħtieġ li tiġi kkonservata;
  • it-teħid ta’ deċiżjonijiet, li jenħtieġ li jsir aktar trasparenti u demokratikament responsabbli.

Id-dokument enfasizza l-ħtieġa għal progress fi 3 oqsma:

  • it-tlestija ta’ unjoni finanzjarja ġenwina, speċjament billi s-settur bankajru jsir aktar reżiljenti;
  • il-kisba ta’ unjoni ekonomika u fiskali aktar integrata billi titjieb l-istabilizzazzjoni makroekonomika fiż-żona tal-euro;
  • it-tisħiħ tal-binja tal-UEM permezz ta’ kondiviżjoni akbar ta’ kompetenzi u deċiżjonijiet nazzjonali dwar kwistjonijet taż-żona tal-euro b’qafas legali komuni.

SFOND

F’Ġunju 2015, il-presidenti tal-Kummissjoni, tal-Parlament Ewropew, tal-Bank Ċentrali Ewropew, tas-Summit tal-Euro u tal-Grupp tal-Euro ppreżentaw ir-rapport tagħhom (Ir-rapport tal-“ħames presidenti”) dwar it-tlestija tal-UEM. Il-komunikazzjoni telabora dwar il-pjan direzzjonali ta’ Stadju 1 li kien fih ir-rapport tagħhom.

Id-dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni dwar l-UEM huwa parti minn serje mnedija mill-White Paper tagħha dwar il-futur tal-Ewropa f’Marzu 2017, li tinkludi:

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Semestru Ewropew: dan jipprovdi qafas għall-koordinazjzoni ta’ politiki ekonomiċi u baġitarji nazzjonali madwar l-UE.

DOKUMENTI EWLENIN

Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Verżjoni konsolidata) — It-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VIII — Politika ekonomika u monetarja — Artikolu 119 (ex Artikolu 4 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 96–97)

Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Verżjoni konsolidata) — It-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VIII — Politika ekonomika u monetarja — Kapitolu 1 — Politika ekonomika — Artikolu 120 (ex Artikolu 98 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 97)

Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Verżjoni konsolidata) — It-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VIII — Politika ekonomika u monetarja — Kapitolu 1 — Politika ekonomika — Artikolu 121 (ex Artikolu 99 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 97–98)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Bank Ċentrali Ewropew — Dwar passi lejn l-Ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (COM(2015) 600 final, 21.10.2015)

DOKUMENTI RELATATI

Dokument ta’ riflessjoni dwar l-approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja (COM(2017) 291 final, 31.5.2017)

Nikkompletaw l-unjoni ekonomika u monetarja tal-Ewropa, rapport minn Jean-Claude Juncker f’kooperazzjoni ma’ Donald Tusk, Jeroen Dijsselbloem, Mario Draghi u Martin Schulz, 22.6.2015

l-aħħar aġġornament 01.12.2017



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top