Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-istrateġija tal-bijodiversità tal-UE: reviżjoni attwali tal-progress

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Rieżami ta’ nofs il-mandat dwar l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 — COM(2015) 478 final

SOMMARJU

X’JAGĦMEL DAN IR-RAPPORT?

Jipprovdi rieżami ta’ nofs il-mandat dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal- istrateġija tal-bijodiversità tal-UE sal-2020. L-objettiv huwa li jinforma lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar oqsma li fihom huma meħtieġa aktar sforzi.

PUNTI EWLENIN

Ir-rapport jenfasizza l-fatt li, mill-2010, it-telfien tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekonsistema komplew fl-UE u globalment, minkejja xi progress importanti fil-politika, għarfien imtejjeb u ħafna suċċessi fil-qasam tal-konservazzjoni fuq livell lokali. Dan għandu implikazzjonijiet sinifikanti għall-kapaċità tal-ekosistemi li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-bniedem fil-futur.

Ir-rapport jivvaluta l-progress lejn kull waħda mis-6 miri operazzjonali kif ġej:

Mira 1: implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tan-natura tal-UE

  • Natura 2000 kważi tlestiet għall-ħabitats terrestri u espandiet f’żoni tal-baħar. In-numru ta’ speċijiet u ħabitats fl-istatus ta’ “titjib” żdied kemm kemm iżda baqa’ ħafna fl-istatus “mhux favorevoli” u xi wħud komplew jiddeterjoraw. L-ikbar sfidi sal-2020 huma t-tlestija tan-netwerk marin Natura 2000 u l-iżgurar tal-maniġment effettiv u tal-finanzjament għall-appoġġ ta' Natura 2000.

Mira 2: Iż-żamma u r-restawr ta’ ekosistemi u s-servizzi tagħhom

  • Il-bażi tal-għarfien qed jitjieb u l-oqfsa importanti tal-politika ġew stabbiliti. L-isfidi ewlenin sal-2020 jinkludu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistemi nazzjonali u reġjonali għar-restawr tal-ekosistema (jiġifieri tingħata għajnuna lill-ekosistemi li tkun saritilhom ħsara jew li jkunu nqerdu biex jirkupraw) u infrastruttura ekoloġika, u żgurar tal-ebda telf nett ta’ bijodiversità ordinarja.

Mira 3A: agrikoltura sostenibbli

  • Prattiki ta' biedja intensiva u abbandun tal-art, flimkien mat-tifrix urban u infrastruttura magħmula mill-bniedem, huma fost l-iktar pressjonijiet prominenti fuq il-bijodiversità. Il-politika agrikola komuni (PAK) għall-2014–2020 tipprovdi firxa ta’ strumenti potenzjalment effettivi biex jipproteġu u jirrestawraw il-bijodiversità. Il-pajjiżi tal-UE jeħtieġu li jużaw dawn l-istrumenti biex ipoġġu l-UE fit-triq biex tilħaq il-mira.

Mira 3B: forestrija sostenibbli

  • Iż-żona forestali tal-UE żdiedet ftit iżda m’hemm l-ebda sinjal ta’ titjib fl-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats tal-foresta u ta’ speċijiet koperti mil-leġiżlazzjoni tan-natura tal-UE. Pjanijiet għall-ġestjoni tal-foresti jew strumenti ekwivalenti jista’ jkollhom rwol pożittiv fl-ilħuq tal-mira, iżda l-potenzjal tagħhom jibqa’ ftit li xejn użat.

Mira 4: sajd sostenibbli

  • L-UE introduċiet miżuri għal sajd sostenibbli (politika komuni għas-sajd) u għal status ambjentali tajjeb (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina). L-implimentazzjoni kienet irregolari ħafna madwar l-UE u l-isfidi ewlenin baqgħu, b'mod speċjali fl-ibħra tan-Nofsinhar Bħala riżultat tal-pressjonijiet multipli mill-qerda tal-ħabitat, użu eċċessiv, tniġġis, tibdil fil-klima u aċidifikazzjoni (jiġifieri meta d-diossidu tal-karbonju jiġi assorbit mill-baħar, jirreaġixxi mal-ilma, u jipproduċi l-aċidu), speċijiet tal-baħar u ekosistemi jkomplu jonqsu fl-ibħra tal-Ewropa

Mira 5: Il-ġlieda kontra speċi aljena invażiva

Mira 6: għajnuna biex jiġi evitat it-telf globali tal-bijodiversità

Konklużjonijiet

  • Ir-rapport jikkonkludi li l-miri tal-2020 jistgħu jintlaħqu biss bi sforzi ta’ implimentazzjoni u infurzar, ferm aktar sodi u ambizzjużi, u b’integrazzjoni iktar effettiva ma’ firxa wiesgħa ta’ politiki. L-ilħuq ta' objettivi ta’ bijodiversità jista’ jikkontribwixxi għall-aġenda ta’ tkabbir u tal-impjiegi, għas-sigurtà tal-ikel u l-ilma, il-kwalità tal-ħajja u l-implimentazzjoni tal-aġenda 2030 globali għal żvilupp sostenibbli.

SFOND

Il-bijodiversità, il-varjetà unika tal-ħajja, hija essenzjali għall-ekonomija u l-benesseri tal-UE. Hi tipprovdi servizzi essenzjali bħal arja u ilma nodfa, ikel, materjali, mediċini, saħħa u rikreazzjoni, dakkir, fertilità tal-ħamrija, kif ukoll protezzjoni minn temp estrem u tibdil fil-klima.

Madankollu, bidliet ikkawżati mill-bniedem fil-bijodiversità kienu iktar mgħaġġla fl-aħħar 50 milli fi kwalunkwe żmien ieħor fl-istorja tal-bniedem. Dan għaliex l-UE adottat l-istrateġija għall-bijodiversità tagħha, il-mira ewlenija li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degragazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema fl-UE sal-2020, filwaqt li żżid il-kontribut tal-UE biex ikun evitat it-telf tal-bijodiversità globali.

ATT

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill: Ir-rieżami ta’ nofs il-mandat dwar l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 (COM(2015) 478 final tat-2.10.2015

ATTI RELATATI

Komunikazzjoni mil-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni - L-assigurazzjoni ta’ ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: Strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 (COM(2011) 244 finali tat-3.5.2011)

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Valutazzjoni tal-progress tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 - Li takkumpanja r-Rapport tad-dokument mill-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ir-rieżami ta’ nofs il-mandat dwar l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 (SWD(2015) 187 finali tat-2.10.2015)

l-aħħar aġġornament 12.01.2016

Top