Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi Ewropej u xprunar għall-fiduċja tagħhom

Il-fiduċja tal-konsumaturi hija element vitali ta’ ekonomija Ewropea b’saħħitha u kompetittiva.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej - Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir (COM(2012) 225 final tat-22 ta’ Mejju 2012).

SOMMARJU

Fl-2012, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni li tadotta Aġenda Ewropea dwar il-Konsumatur biex tixpruna l-fiduċja u t-tkabbir billi l-konsumaturi jitpoġġew fil-qalba tas-Suq Intern.

Sentejn wara, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar il-politika tal-konsumatur bejn Jannar 2012 u Diċembru 2013, li jevalwa l-inizjattivi meħudin mill-2012 ’il quddiem biex tiżdied dik il-fiduċja, partikolarment fl-era meta qed jespandi x-xiri onlajn u dak transkonfinali.

X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

Fl-2012, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-viżjoni strateġika tagħha għall-politika tal-konsumatur tal-UE fis-snin li ġejjin. Identifikat 61 miżura biex tiggarantixxi u ssaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi f’dinja kummerċjali li qed tinbidel b’rata mgħaġġla. Il-miżuri kienu jiffukaw fuq is-sikurezza tal-konsumatur, l-aċċess għal-informazzjoni, ir-rimedju u l-infurzar, u l-iżgurar li d-drittijiet tal-konsumaturi jlaħħqu mal-bidliet rapidi fit-teknoloġija.

X’INKISEB?

Rapport tal-Kummissjoni li nħareġ fl-2014 jikkonkludi li 50 miżura identifikati fl-Aġenda Ewropea dwar il-Konsumatur tal-2012 twettqu sa Diċembru 2013. Il-11 li għad fadal jinsabu għaddejjin.

Ir-rapport tal-2014 jinnota li fir-rigward tal-aspetti li ġejjin:

  • il-promozzjoni tas-sikurezza tal-konsumatur, il-Kummissjoni adottat proposti dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti u s-sorveljanza tas-suq. Inizjattivi aktar speċifiċi koprew l-akkomodazzjoni tat-turisti, l-apparat mediku, il-kożmetiċi u s-saħħa tal-annimali u l-pjanti;
  • it-titjib tal-għarfien tad-drittijiet tal-konsumatur, il-Kummissjoni pproduċiet informazzjoni mmirata dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u nediet websajts u bażijiet ta’ dejta faċli għall-utenti. Iddiskutiet iż-żewġ kwistjonijiet bażiċi tad-dikjarazzjonijiet ambjentali u l-metodi kif isir it-tqabbil onlajn mal-partijiet interessati ewlenin, bħal organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, negozjati u regolaturi;
  • it-tisħiħ tal-infurzar tar-regoli dwar il-konsumaturi, ġew adottati proposti ewlenin dwar ir-riżoluzzjoni alternattiva u onlajn tat-tilwim u r-rimedju kollettiv;
  • l-integrazzjoni tal-interessi tal-konsumaturi f’oqsma ta’ politika ewlenin, il-Kummissjoni prinċipalment iffukat fuq servizzi finanzjarji, swieq diġitali, l-enerġija, it-trasport, l-ikel u l-konsum sostenibbli.

SFOND

In-nefqa tal-konsumatur tammonta għal ftit aktar minn 50 % tal-prodott domestiku gross tal-UE. Dan jagħti lill-individwi influwenza kollettiva enormi fuq is-saħħa tal-ekonomija tal-Ewropa. L-iżgurar tal-fiduċja tagħhom jikkostitwixxi pilastru fundamentali fit-tkabbir tas-suq uniku tal-UE.

Aktar informazzjoni hija disponibbli mill-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi tal-Kummissjoni Ewropea.

ATTI RELATATI

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni: Rapport dwar il-Politika tal-Konsumatur (Lulju 2010 - Diċembru 2011) li jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej - Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir (SWD(2012) 132 final tat-22.5.2012)

Rapport dwar il-Politika tal-Konsumatur tal-Kummissjoni Ewropea, Jannar 2012-Diċembru 2013.

l-aħħar aġġornament 05.01.2015

Top