Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0425

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi u r-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi

COM/2019/425 final

Brussell, 25.9.2019

COM(2019) 425 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi u r-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi





1. Daħla

Matul dawn l-aħħar 32 sena, l-UE żviluppat sett komprensiv ta’ drittijiet sostantivi għall-konsumatur li jipproteġu u jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi meta dawn jieħdu sehem f’attivitajiet ekonomiċi fis-Suq Uniku tal-UE. Pereżempju, il-konsumaturi tal-UE għandhom id-dritt li jirritornaw prodott mixtri onlajn fi żmien 14-il jum jew li jkollhom prodott imsewwi jew mibdul f’perjodu ta’ garanzija. Dawk id-drittijiet jinformaw l-aspettattivi tal-konsumaturi u r-rispett tagħhom min-negozji huwa fattur li jiffaċilita s-swieq tal-konsumaturi affidabbli u kompetittivi u mutur għat-tkabbir ekonomiku fl-Unjoni 1 . Sabiex iwasslu dawk il-benefiċċji għall-konsumaturi, in-negozji u s-Suq Uniku b’mod ġenerali, il-liġi tal-UE dwar il-konsumatur jeħtieġ li tiġi rrispettata u, fejn dan ma jkunx il-każ, infurzata.

Flimkien mal-korp tal-liġi sostantiva tal-konsumatur, dawk li jfasslu l-politika tal-UE għalhekk żviluppaw sett ta’ għodod leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li għandhom l-għan li jagħmlu l-eżekuzzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur fl-Istati Membri aktar effettiv (“sett ta’ għodod tal-eżekuzzjoni tal-UE”). Is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) tal-konsumaturi, jiġifieri s-soluzzjoni għat-tilwim tal-konsumaturi permezz ta’ mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim straġudizzjarji, hija komponent ewlieni ta’ dak is-sett ta’ għodod. 2 L-ewwel sar magħruf fl-Ewropa lejn l-aħħar tas-snin sittin u fil-bidu tas-snin disgħin sar fenomenu li dejjem qed jikber f’għadd akbar ta’ Stati Membri. Dawk li jfasslu l-politika tal-UE indirizzaw l-ADR tal-konsumaturi l-ewwel permezz ta’ standards mhux vinkolanti 3 u leġiżlazzjoni speċifika għas-settur li tirrikjedi li l-Istati Membri jinkoraġġixxu 4 jew jiżguraw 5 aċċess għal mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim straġudizzjarji. Permezz tad-Direttiva 2013/11/UE dwar soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi (id-Direttiva tal-ADR) 6 u r-Regolament (UE) Nru 524/2013 dwar is-soluzzjoni onlajn għal tilwim mal-konsumaturi (ir-Regolament tal-ODR) 7 ġie stabbilit qafas leġiżlattiv orizzontali għall-ADR u l-ODR tal-konsumaturi. Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Patt Ġdid għall-Konsumaturi”, it-tisħiħ ta’ dan il-qafas ADR/ODR tal-konsumaturi huwa prijorità fl-isforz tal-Kummissjoni biex tikkomplementa s-sett ta’ għodod tal-eżekuzzjoni tal-UE, tagħmel l-għodod ta’ eżekuzzjoni eżistenti effettivi bis-sħiħ u tiżgura li l-liġi tal-UE dwar il-konsumatur twettaq il-potenzjal sħiħ tagħha.

Dan ir-rapport huwa ppreżentat skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva tal-ADR u l-Artikolu 21(2) tar-Regolament tal-ODR. Huwa jivvaluta l-applikazzjoni tal-qafas legali għall-ADR u l-ODR tal-konsumaturi stabbilit taħt iż-żewġ strumenti legali bbażati fuq is-sorsi ta’ informazzjoni li ġejjin:

·Il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri li timplimenta d-Direttiva tal-ADR;

·Rapporti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri għall-ADR tal-konsumaturi (“awtoritajiet nazzjonali kompetenti”) dwar l-iżvilupp u l-funzjonament tal-entitajiet tal-ADR, ippreżentati fl-2018 skont l-Artikolu 20(6) tad-Direttiva tal-ADR;

·Laqgħa mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-20 ta’ Novembru 2018;

·Riżultati tal-Assemblea tal-ADR (11-12 ta’ Ġunju 2018) 8 u avvenimenti oħra ta’ partijiet interessati ospitati mill-Kummissjoni 9 ;

·Ir-rapporti tal-2017 u l-2018 dwar il-funzjonament tal-pjattaforma Ewropea tal-ODR (“Rapporti tal-ODR”) 10 , ippreżentati skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament tal-ODR;

·Rapporti ta’ attività mill-punti ta’ kuntatt tal-ODR tal-Istati Membri, ippreżentati fl-2018 skont l-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament tal-ODR;

·Laqgħat man-netwerk tal-punti ta’ kuntatt tal-ODR; u

·sorsi oħra. 11

Ix-xenarji komprensivi tal-ADR tal-konsumaturi madwar l-Unjoni ġew stabbiliti biss sa mill-aħħar tal-2018 12 u għalhekk id-data dwar l-użu tal-ADR kienet limitata.

2. Il-qafas leġiżlattiv tal-UE għall-ADR u l-ODR tal-konsumaturi - karatteristiċi oġġettivi u ewlenin

Is-soluzzjoni għat-tilwim tal-konsumaturi straġudizzjarja għandha potenzjal konsiderevoli għall-konsumaturi, il-bejjiegħa bl-imnut u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja b’mod ġenerali. L-aċċess għal soluzzjoni alternattiva għat-tilwim li tkun faċli, ġusta u kosteffikaċi ssaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi meta jixtru mingħand il-bejjiegħa bl-imnut, b’mod partikolari f’ambjent onlajn. In-natura inqas formali u tipikament konċiljatorja tal-proċeduri tal-ADR tippermetti lill-partijiet iżommu r-relazzjoni mal-klijenti tagħhom anke wara li jkun hemm tilwim. Billi jidħlu fi proċeduri tal-ADR, il-bejjiegħa bl-imnut jirċievu rispons importanti dwar il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi tagħhom u jiksbu vantaġġ fuq il-kompetituri tagħhom billi jiffrankaw il-kostijiet tal-proċedimenti tal-qorti u juru standards għoljin ta’ assistenza lill-klijenti. Barra minn hekk, xenarju effettiv tal-entitajiet tal-ADR itaffi l-piż fuq il-qrati, b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim b’valur baxx. Id-Direttiva 2013/11/UE u r-Regolament (UE) Nru 524/2013 għandhom l-għan li jisfruttaw dak il-potenzjal billi jipprovdu qafas leġiżlattiv li jiżgura li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal proċeduri tal-ADR ta’ kwalità għolja għas-soluzzjoni tat-tilwim kuntrattwali tagħhom man-negozjanti, inkluż permezz ta’ pjattaforma tal-ODR multilingwali bbażata fuq l-Internet.

a) Direttiva 2013/11/UE

Skont id-Direttiva, l-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess tal-konsumaturi tal-UE għall-ADR u jiżguraw li jkunu jistgħu jirrikorru għal entitajiet tal-ADR iċċertifikati għall-kwalità biex isolvu t-tilwim tagħhom ma’ negozjant tal-UE dwar ix-xiri ta’ prodott jew servizz 13 . Dan ikopri t-tilwim domestiku u transkonfinali bejn il-konsumaturi u n-negozji madwar l-Unjoni u kważi fis-setturi kollha tal-bejgħ bl-imnut (“kopertura sħiħa tal-ADR”), irrispettivament minn jekk ix-xiri sarx onlajn jew offlajn. Id-Direttiva tistabbilixxi l-prinċipji ta’ aċċessibbiltà, għarfien espert, indipendenza, imparzjalità, trasparenza, effettività, ġustizzja, libertà u legalità bħala rekwiżiti ta’ kwalità vinkolanti għall-entitajiet tal-ADR, il-proċeduri tal-ADR operati minnhom u – fi grad inqas – l-istandards sostantivi li minnhom jinkiseb l-eżitu tal-proċedura tal-ADR 14 . Il-konformità tiġi żgurata permezz ta’ mekkaniżmu speċifiku ta’ ċertifikazzjoni u monitoraġġ: L-Istati Membri jinnominaw awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jistabbilixxu u jżommu listi nazzjonali ta’ entitajiet tal-ADR li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ kwalità tad-Direttiva li jkunu ċċertifikaw. Il-listi nazzjonali ta’ entitajiet tal-ADR iċċertifikati huma nnotifikati lill-Kummissjoni. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jimmonitorjaw il-konformità tal-entitajiet tal-ADR fuq bażi kontinwa u l-entitajiet tal-ADR konformi biss jistgħu jibqgħu elenkati. F’ċirkostanzi speċifiċi, in-negozjanti huma obbligati li jinformaw lill-konsumaturi dwar l-entità tal-ADR jew l-entitajiet tal-ADR li hija/huma kompetenti biex jittrattaw tilwim li jinvolvi lilhom 15 . 

Id-Direttiva ssegwi approċċ ta’ armonizzazzjoni minima. Din ma tippreskrivix mudell speċifiku f’termini tal-identità korporattiva tal-entità tal-ADR 16 , il-mudell tal-finanzjament 17 jew il-kopertura territorjali u settorjali 18 . Bl-istess mod, id-Direttiva ma tippreskrivix tip speċifiku tal-proċedura tal-ADR 19 jew ma tirregolax il-kwistjoni ta’ jekk il-parteċipazzjoni fil-proċedura hijiex volontarja jew obbligatorja 20 jew jekk l-eżitu tal-proċedura huwiex vinkolanti 21 jew le. Minħabba l-approċċ ta’ armonizzazzjoni minima tad-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu jew iżommu rekwiżiti ta’ kwalità li jmorru lil hinn minn dawk stabbiliti fid-Direttiva. 22 . Billi jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jiżguraw “kopertura sħiħa tal-ADR” u li jfasslu x-xenarji nazzjonali tagħhom tal-ADR, l-Istati Membri għalhekk igawdu minn grad konsiderevoli ta’ flessibbiltà. 23 . 

b) Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013

Ir-Regolament tal-ODR jibni fuq l-infrastruttura ta’ entitajiet tal-ADR iċċertifikati għall-kwalità stabbilita skont id-Direttiva tal-ADR u japplika għat-tilwim tal-konsumaturi dwar ix-xiri ta’ prodotti jew servizzi li jsiru onlajn. Huwa għandu l-għan li jsaħħaħ speċifikament id-dimensjoni diġitali tas-Suq Uniku.

Taħt ir-Regolament, il-Kummissjoni tistabbilixxi u żżomm pjattaforma Ewropea tal-ODR. Il-pjattaforma tal-ODR hija sit web interattiv multilingwali li jippermetti lill-konsumaturi jippreżentaw onlajn it-tilwim tagħhom bejn il-konsumaturi u n-negozji dwar xiri onlajn (domestiku jew transkonfinali). Din tinforma lill-partijiet dwar l-entità jew l-entitajiet tal-ADR iċċertifikata/i għall-kwalità li hija/huma kompetenti biex tittratta/jittrattaw il-każ tagħhom u tittrażmetti t-tilwima lill-entità tal-ADR li dwarha jkunu qablu l-partijiet. L-entità tal-ADR imbagħad għandha l-possibbiltà li tuża l-għodda ta’ ġestjoni tal-każijiet tal-pjattaforma u tittratta l-każ onlajn fuq il-pjattaforma. Jekk il-partijiet ma jaqblux dwar entità tal-ADR fi żmien 30 jum mill-preżentazzjoni tal-ilment, il-każ jingħalaq awtomatikament fuq il-pjattaforma 24 . Għeluq awtomatiku huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà tal-konsumatur li jsegwi l-ilment tiegħu jew tagħha barra mill-pjattaforma (pereżempju billi jippreżenta l-ilment direttament lil entità tal-ADR). L-utenti tal-pjattaforma huma assistiti minn netwerk ta’ punti ta’ kuntatt tal-ODR li jipprovdu informazzjoni u assistenza b’mod partikolari dwar l-użu tal-pjattaforma tal-ODR, l-entitajiet tal-ADR, id-drittijiet tal-konsumatur u mezzi oħra ta’ rimedju 25 . Kull Stat Membru għandu jinnomina punt ta’ kuntatt tal-ODR li jospita mill-inqas żewġ konsulenti tal-ODR. Il-punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-ODR jikkooperaw ma’ xulxin f’netwerk ġestit mill-Kummissjoni. In-negozjanti onlajn u l-postijiet tas-suq onlajn huma meħtieġa jinkludu fuq is-siti web tagħhom link elettroniku għall-pjattaforma tal-ODR. In-negozjanti onlajn huma obbligati wkoll li jipprovdu l-indirizz elettroniku tagħhom 26 . 

Ir-Regolament japplika wkoll għal tilwim mibdi minn negozjant kontra konsumatur (tilwim bejn in-negozji u l-konsumaturi) sa fejn l-Istat Membru ta’ residenza abitwali tal-konsumatur jippermetti li tali tilwim jiġi solvut permezz ta’ entità tal-ADR 27 .

3. L-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/11/UE

a) Traspożizzjoni mill-Istati Membri

L-Artikolu 25(1) tad-Direttiva tal-ADR kien jeżiġi li l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva sad-9 ta’ Lulju 2015. Il-Kummissjoni appoġġjat il-proċess ta’ implimentazzjoni billi stabbiliet Grupp Espert tal-ADR li ltaqa’ erba’ darbiet bejn l-2013 u l-bidu tal-2015 28 . Madankollu, għadd konsiderevoli ta’ Stati Membri naqsu milli jikkomunikaw fil-ħin miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali. Bħala riżultat tal-valutazzjoni tal-konformità tagħha, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti ta’ ksur għal nuqqas ta’ komunikazzjoni (parzjali jew sħiħ) ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni kontra 16-il Stat Membru. L-Istati Membri kollha kkonċernati sussegwentement innotifikaw l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva. Wara verifika addizzjonali tat-traspożizzjoni li kkonfermat traspożizzjoni sħiħa, il-Kummissjoni għalqet il-proċedimenti ta’ ksur kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fetħet djalogi strutturati (EU Pilot) ma’ żewġ Stati Membri. Iż-żewġ EU Pilots sussegwentement ingħalqu 29 . 

Fl-1 ta’ Lulju 2017, id-Direttiva tal-ADR saret applikabbli fil-pajjiżi taż-ŻEE l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja. L-Iżlanda għadha ma kkomunikatx it-traspożizzjoni tad-Direttiva 30 . 

b) It-tfassil tar-reġimi nazzjonali tal-ADR

L-Istati Membri għamlu użu differenti mill-flessibbiltà li d-Direttiva tagħtihom fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għażlu lista miftuħa ta’ entitajiet tal-ADR, jiġifieri sistema fejn il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim li qed jitolbu li jiġu ċċertifikati bħala entitajiet tal-ADR jiġu ċċertifikati jekk ikunu jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ kwalità tad-Direttiva kif trasposti fil-liġi nazzjonali. Għadd limitat ta’ Stati Membri jsegwu approċċ b’lista magħluqa fejn lista sħiħa ta’ entitajiet tal-ADR hija pprovduta fil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni u ebda entità oħra tal-ADR ma tista’ tiġi ċċertifikata 31 . F’xi Stati Membri b’lista miftuħa ta’ entitajiet tal-ADR il-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni teħtieġ ċerti korpi pubbliċi għas-soluzzjoni tat-tilwim li jiġu ċċertifikati bħala entitajiet tal-ADR 32 .

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrikonoxxu t-tipi kollha ta’ proċeduri koperti mid-Direttiva bħala proċeduri tal-ADR possibbli. Madankollu, għadd limitat ta’ Stati Membri eskludew l-arbitraġġ tal-konsumatur mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni tagħhom 33 . Huma biss ftit l-Istati Membri li għamlu użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-ADR li jagħrfu lill-konċiljaturi tal-kumpaniji (“médiateurs d’entreprise”) bħala entitajiet tal-ADR possibbli. 34 .

Filwaqt li fil-maġġoranza tal-Istati Membri l-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni tirrifletti l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur mogħti mir-rekwiżiti ta’ kwalità tad-Direttiva, għadd ta’ Stati Membri stabbilixxew rekwiżiti ta’ kwalità addizzjonali jew aktar stretti – jew fil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni nnifisha jew billi taw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom is-setgħa li jistabbilixxu rekwiżiti addizzjonali jew aktar stretti għall-entitajiet tal-ADR taħt is-superviżjoni tagħhom.

Eżempji ta’ rekwiżiti ta’ kwalità addizzjonali jew aktar stretti fil-livell nazzjonali

·L-Artikolu 6(a) tad-Direttiva tal-ADR jipprevedi li l-persuni fiżiċi responsabbli mill-ADR għandu “possess the necessary knowledge and skills in the field of alternative dispute resolution, as well as a general understanding of the law” (jkollhom l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa fil-qasam tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, kif ukoll bħala fehim ġenerali tal-liġi). Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni Ġermaniża tirrikjedi li dawk il-persuni jkunu avukati kkwalifikati jew medjaturi ċċertifikati għalkollox. Il-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni Ċeka teħtieġ grad universitarju jew ta’ master fil-liġi. Bl-istess mod, il-Polonja stabbiliet rekwiżiti addizzjonali speċifiċi rigward il-kwalifika tal-persuni responsabbli mill-ADR f’ċerti entitajiet pubbliċi tal-ADR 35 . 

·L-Artikolu 8(c) tad-Direttiva tal-ADR jipprevedi li l-proċedura tal-ADR għandha tkun mingħajr ħlas jew disponibbli b’tariffa nominali għall-konsumaturi. Skont il-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni Ċeka, Spanjola, Franċiża, Litwana u Finlandiża, l-ADR tal-konsumaturi hija dejjem mingħajr ħlas għall-konsumatur. Il-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni Slovakka tillimita t-tariffi għall-konsumaturi għal EUR 5, filwaqt li l-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni Daniża tillimitahom għal DKK 100.

·L-Artikolu 8(e) tad-Direttiva tal-ADR jistipula li fil-każ ta’ tilwim kumpless ħafna, il-perjodu ta’ 90 jum għat-tlestija tal-proċedura tal-ADR jista’ jiġi estiż fid-diskrezzjoni tal-entità tal-ADR. Barra minn hekk, il-liġi Belġjana tistabbilixxi li l-perjodu ta’ 90 jum jista’ jiġi estiż darba biss (għal massimu ta’ 180 jum), filwaqt li l-liġi Portugiża tistabbilixxi li tista’ tiġi estiża darbtejn biss (għal massimu ta’ 270 jum).

·L-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tar-Renju Unit, waħda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tar-Renju Unit, ippubblikat “Gwida għall-Applikanti tal-ADR” li tistabbilixxi numru ta’ rekwiżiti ta’ kwalità li jaqbżu dawk stipulati fil-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni tar-Renju Unit 36 . 

Kaxxa 1

c) Id-disinn tax-xenarji nazzjonali tal-ADR

Skont l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva tal-ADR, l-Istati Membri kellhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-ewwel lista tagħhom ta’ entitajiet tal-ADR sad-9 ta’ Jannar 2016. Bħala konsegwenza tad-dewmien tagħhom fit-traspożizzjoni tad-Direttiva, ħafna Stati Membri kienu tard ukoll biex jinnotifikaw il-listi tagħhom tal-entitajiet tal-ADR. Kważi l-kopertura territorjali u settorjali sħiħa tal-ADR inkisbet biss fl-aħħar tal-2018 37 . Sal-lum, l-Istati Membri kollha, il-Liechtenstein u n-Norveġja nnotifikaw total ta’ 460 entità tal-ADR.

Ix-xenarji tal-ADR huma differenti ħafna fost l-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tan-numru ta’ entitajiet tal-ADR iċċertifikati u l-mudelli tal-ADR f’termini ta’ identità korporattiva, finanzjament, kopertura u tip ta’ proċedura tal-ADR operata. Barra minn hekk, hemm varjazzjoni fil-mudelli speċifiċi tal-ADR. Pereżempju, filwaqt li xi entitajiet tal-ADR inkorporati privatament huma ta’ natura mhux għall-profitt, oħrajn għandhom l-għan li jagħmlu profitt. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri hemm entità tal-ADR residwa waħda jew aktar li huma kompetenti għat-tilwim tal-konsumaturi mhux kopert minn entità oħra tal-ADR 38 . 

Eżempji tad-diversità tax-xenarji nazzjonali tal-ADR

·Ir-Rumanija nnotifikat biss entità waħda tal-ADR li tkopri tilwim tal-konsumaturi fis-setturi kollha tal-bejgħ bl-imnut. Bħala korp pubbliku, l-entità tal-ADR hija ta’ natura mhux għall-profitt.

·Franza nnotifikat lil 99 entità tal-ADR speċifiċi għas-settur li jinkludu tliet korpi pubbliċi, 43 konċiljatur tal-kumpaniji (“médiateurs d’entreprise”), 27 entità tal-ADR annessi ma’ assoċjazzjoni jew federazzjoni, 24 assoċjazzjoni ta’ medjaturi u żewġ kummissjonijiet ta’ medjazzjoni kolleġġjali. Uħud mill-entitajiet tal-ADR inkorporati privatament għandhom l-għan li jagħmlu profitt. B’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni Franċiża, l-ebda waħda mill-entitajiet Franċiżi tal-ADR ma topera proċedura fejn tiġi imposta soluzzjoni fuq il-partijiet.

Kaxxa 2

Id-diversità tax-xenarji nazzjonali tal-ADR tidher ukoll fid-differenzi fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ħatru awtorità nazzjonali kompetenti waħda biss. 39 Ir-rwol tal-awtorità kompetenti nazzjonali ġie assenjat l-aktar lill-awtoritajiet responsabbli mill-politika tal-konsumatur jew lir-regolaturi settorjali. Fi Franza, ġie stabbilit korp speċifiku biex iwettaq il-funzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti: il-Kummissjoni ta’ Valutazzjoni u Monitoraġġ għall-ADR tal-Konsumaturi (“Commission d’Évaluation et de Contrôle de la Médiation de la Consommation”). Il-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni u l-prattiki ta’ monitoraġġ ivarjaw bejn l-Istati Membri. Il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti joperaw proċedura standard ta’ ċertifikazzjoni skattata mill-applikazzjoni informali minn korp għas-soluzzjoni tat-tilwim li jixtieq jiġi ċċertifikat bħala entità tal-ADR. L-obbligi ta’ monitoraġġ tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-biċċa l-kbira tagħhom jitwettqu abbażi tar-rapporti annwali tal-attività tal-entitajiet tal-ADR u l-informazzjoni mill-ilmenti. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’xi Stati Membri wkoll jiskambjaw regolarment informazzjoni mal-entitajiet tal-ADR taħt is-superviżjoni tagħhom 40 u/jew iwettqu verifiki regolari. 41 . Fl-Istati Membri b’aktar minn awtorità nazzjonali kompetenti waħda hemm livelli differenti ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni domestiċi bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Filwaqt li f’xi wħud minn dawk l-Istati Membri l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti joperaw xi ftit jew wisq b’mod indipendenti minn xulxin, l-Istati Membri l-oħra jipprovdu għal koordinazzjoni u skambju regolari tal-aħjar prattika 42 . 

d) L-impatt tad-Direttiva tal-ADR u l-użu tal-ADR tal-konsumaturi fl-Istati Membri

Id-Direttiva kkonsolidat u kkomplementat l-ADR tal-konsumaturi fl-Istati Membri, u tejbet il-kwalità tagħha. L-Istati Membri li qabel ma kellhomx kultura tal-ADR żiedu l-ADR tal-konsumaturi max-xenarji nazzjonali tagħhom għas-soluzzjoni għat-tilwim tal-konsumaturi. Fl-Istati Membri fejn l-ADR kienet diġà teżisti, id-Direttiva kienet tagħti bidu għal reviżjoni tal-effettività tal-istrutturi preċedenti tal-ADR u tikkomplementahom u taġġornahom biex ikunu konformi mar-rekwiżiti ta’ kopertura sħiħa u ta’ kwalità tad-Direttiva. Il-korpi ta’ soluzzjoni għat-tilwim tal-konsumaturi diġà eżistenti li xtaqu jiġu ċċertifikati bħala entitajiet tal-ADR ġew imħeġġa biex jirrevedu l-organizzazzjoni, il-proċedura u l-proċessi ta’ trattament tal-każijiet tagħhom. Il-korpi ta’ soluzzjoni għat-tilwim tejbu s-siti web tagħhom, adattaw l-organizzazzjoni u l-proċeduri tagħhom jew biddlu l-istruttura ta’ governanza tagħhom. B’mod ġenerali, it-trasparenza tal-entitajiet u tal-proċeduri tal-ADR żdiedet b’mod konsiderevoli, il-ħinijiet tat-trattament tal-każijiet tnaqqsu, l-entitajiet tal-ADR joffru aktar taħriġ tal-persunal u l-utenti huma aktar sodisfatti bis-servizzi pprovduti mill-entitajiet tal-ADR. L-istabbiliment ta’ infrastrutturi tal-ADR ta’ kwalità għolja pprovda wkoll inċentiv għan-negozjanti biex jirrevedu u jtejbu l-proċessi interni tagħhom għat-trattament tal-ilmenti 43 . 

Ir-rekwiżiti ta’ trasparenza għall-entitajiet tal-ADR, b’mod partikolari r-rekwiżit li jiġu ppubblikati rapporti annwali tal-attività, kif ukoll il-mekkaniżmu ta’ ċertifikazzjoni u monitoraġġ jipprovdu inċentiv importanti għall-entitajiet tal-ADR biex jirrevedu l-prestazzjoni tagħhom fuq bażi kontinwa. Bl-istess mod, l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jirrapportaw dwar ix-xenarju nazzjonali tagħhom tal-ADR jikkontribwixxi għal reviżjoni regolari tal-effettività ġenerali tal-ADR tal-konsumaturi fl-Istati Membri. Fuq il-bażi tal-ewwel esperjenzi taħt il-qafas regolatorju l-ġdid, diskussjonijiet dwar l-adattamenti possibbli tax-xenarji nazzjonali tal-ADR u l-identifikazzjoni tal-aħjar prattika fit-twassil tal-ADR tal-konsumaturi bħalissa jinsabu għaddejjin f’għadd ta’ Stati Membri. Dawn id-diskussjonijiet qed isiru dejjem aktar ta’ firxa transkonfinali, bl-għażliet ta’ tfassil li ġew ittestjati b’suċċess f’xi Stati Membri jiġu adottati fi Stati Membri oħra. 44 . Qiegħda tinħoloq komunità madwar l-Unjoni tal-partijiet interessati tal-ADR.

Filwaqt li d-disponibbiltà u l-kwalità tal-ADR ġew imsaħħa fl-Unjoni kollha, l-użu tal-qafas il-ġdid huwa differenti fost l-Istati Membri. Bejn wieħed u ieħor jistgħu jiġu distinti tliet gruppi ta’ Stati Membri: (i) l-Istati Membri b’kultura tal-ADR diġà eżistenti żviluppata sew (pereżempju, Il-Finlandja), fejn ma jkun hemm l-ebda bidliet sinifikanti fl-użu tal-ADR; (ii) l-Istati Membri b’xenarji tal-ADR diġà eżistenti, iżda li qabel ma kinux kompluti (pereżempju, Il-Ġermanja), fejn hemm tendenza ta’ tkabbir; u (iii) l-Istati Membri li ma għandhom l-ebda tradizzjoni diġà eżistenti tal-ADR (pereżempju, Is-Slovenja), fejn l-użu tal-ADR għadu bil-mod.

B’mod ġenerali, il-qafas il-ġdid tal-ADR għadu ma jintużax biżżejjed. Fuq il-bażi tal-evidenza miġbura għal dan ir-rapport, jistgħu jiġu identifikati tliet sfidi ewlenin li attwalment jillimitaw l-effettività sħiħa tal-qafas:

(1)L-għarfien u l-perċezzjonijiet tal-ADR

Filwaqt li l-għarfien ġenerali dwar l-ADR żdied kemm fost il-konsumaturi kif ukoll fost il-bejjiegħa bl-imnut, il-livelli ta’ għarfien għadhom insuffiċjenti f’xi reġjuni u setturi tal-bejgħ bl-imnut. B’mod ġenerali, l-għarfien dwar l-ADR huwa inqas fl-SMEs milli fil-bejjiegħa bl-imnut il-kbar 45 . Fost kemm il-konsumaturi kif ukoll in-negozjanti, hemm kunċetti żbaljati dwar l-ADR u l-entitajiet tal-ADR. Pereżempju, il-konsumaturi xi kultant iħawdu lill-entitajiet tal-ADR mas-servizz ta’ assistenza lill-klijenti tan-negozjant jew iħarsu lejhom bħala preġudikati favur in-negozjant, b’mod partikolari meta l-entità tal-ADR tkun marbuta man-negozjant jew l-assoċjazzjoni tan-negozju tan-negozjant jew meta l-eżitu tal-proċedura tal-ADR jikkonferma l-pożizzjoni tan-negozjant 46 . In-negozjanti xi kultant iqisu l-entitajiet tal-ADR bħala li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi u għalhekk iħarsu lejhom bħala preġudikati favur il-konsumatur. Is-sitwazzjoni hija aggravata bid-diversità tax-xenarji tal-ADR li fihom firxa kbira ta’ mudelli, ismijiet 47 u proċeduri 48 tal-ADR. 

(2)Navigazzjoni tax-xenarji nazzjonali tal-ADR

Id-diversità tax-xenarji tal-ADR tagħmilhom diffiċli biex jiġu nnavigati għall-konsumaturi u n-negozjanti, b’mod partikolari fl-Istati Membri b’għadd kbir ta’ entitajiet tal-ADR iċċertifikati. B’mod ġenerali, hemm inqas ċarezza dwar l-entità tal-ADR li għaliha jistgħu jirrikorru l-konsumaturi u n-negozjanti meta jkun hemm aktar minn entità waħda tal-ADR għal kull settur tal-bejgħ bl-imnut. Diffikultà speċifika fin-navigazzjoni tax-xenarju tal-ADR ta’ Stat Membru tinqala’ meta din tkun tinkludi entitajiet tal-ADR li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ikun limitat għal aspetti speċifiċi ta’ tilwim f’settur partikolari tal-bejgħ bl-imnut – bl-effett li l-konsumatur jista’ jkollu bżonn jirrikorri għal żewġ entitajiet tal-ADR biex il-kwistjoni tiegħu tiġi ttrattata b’mod sħiħ 49 . 

(3)Il-parteċipazzjoni tan-negozjanti fil-proċeduri tal-ADR

Filwaqt li l-parteċipazzjoni ġenerali tan-negozjanti fl-ADR żdiedet bil-mod, iżda b’mod kostanti mill-2014, bħalissa wieħed biss minn kull tliet bejjiegħa bl-imnut huwa lest li juża l-ADR 50 . Jidher ċar li dan mhuwiex biżżejjed, anke meta jitqies li għadd sinifikanti ta’ bejjiegħa bl-imnut li ma jużawx l-ADR isolvu t-tilwim b’mod bilaterali mal-konsumatur 51 . Fuq il-bażi tal-flessibbiltà li d-Direttiva toffri lill-Istati Membri fit-tfassil tax-xenarji nazzjonali tagħhom tal-ADR, f’għadd ta’ Stati Membri ġew żviluppati jew miżmuma mudelli tal-ADR li jagħtu rati għoljin ta’ parteċipazzjoni. Dawn il-mudelli tal-ADR jistgħu jinstabu f’kull waħda mill-erba’ kategoriji li ġejjin:

I.mudelli fejn il-parteċipazzjoni tan-negozjant tkun awtorizzata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

II.mudelli fejn il-parteċipazzjoni tan-negozjant mhijiex awtorizzata mil-leġiżlazzjoni, iżda n-negozjant xorta waħda huwa obbligat li jipparteċipa fil-proċedura tal-ADR 52 ; 

III.mudelli fejn in-negozjant la huwa awtorizzat mil-leġiżlazzjoni u lanqas obbligat li jipparteċipa fil-proċedura tal-ADR, iżda huwa inċentivat li jagħmel dan permezz ta’ mekkaniżmu speċifiku 53 ; u

IV.mudelli fejn in-negozjant la huwa awtorizzat mil-leġiżlazzjoni u lanqas obbligat li jipparteċipa fil-proċedura tal-ADR, u fejn in-negozjant mhuwiex inċentivat biex jipparteċipa permezz ta’ mekkaniżmu speċifiku 54 . 

Madankollu, f’għadd ta’ reġjuni u setturi tal-bejgħ bl-imnut il-mudelli tal-ADR attwalment offruti jagħtu biss rati ta’ parteċipazzjoni insuffiċjenti għan-negozjanti.

Sabiex jittejbu l-għarfien u l-fehim tal-konsumaturi u tan-negozjanti dwar l-ADR u sabiex jiżdied l-użu tal-ADR, il-Kummissjoni wettqet kampanji ta’ komunikazzjoni tal-ADR/ODR fl-2016, fl-2017 u fl-2018. Sabiex jittejbu l-għarfien u l-użu tal-ADR b’mod speċifiku fost l-SMEs, il-Kummissjoni inkludiet modulu dwar l-ADR/ODR tal-konsumaturi fil-programm ta’ taħriġ “Consumer Law Ready” (Lest għal-Liġi tal-Konsumatur) għall-SMEs dwar il-liġi tal-konsumatur. 55 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni appoġġjat l-iskambju bejn il-partijiet interessati tal-ADR, il-ħolqien ta’ netwerks, diskussjonijiet dwar l-aħjar prattika u l-emerġenza ta’ komunità madwar l-Unjoni tal-partijiet interessati tal-ADR permezz ta’ għadd ta’ avvenimenti tal-partijiet interessati, inkluża l-Assemblea tal-ADR tal-2018 li laqqgħet aktar minn 350 rappreżentant tal-komunità Ewropea tal-ADR. Dan kien jinkludi rappreżentanti tal-konsumaturi u tan-negozji, regolaturi, akkademiċi u 187 rappreżentant mill-korpi tal-ADR. Il-Kummissjoni appoġġjat ukoll lill-entitajiet tal-ADR permezz ta’ għotjiet biex jibnu l-kapaċità tagħhom.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ppromwovew il-qafas ġdid tal-ADR/ODR permezz ta’ attivitajiet ta’ komunikazzjoni fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. Fuq l-inizjattiva tal-entitajiet tal-ADR, ikkawżata wkoll mill-avvenimenti tal-partijiet interessati tal-Kummissjoni, ġew stabbiliti netwerks ġodda tal-ADR u formati għal skambji regolari bejn il-partijiet interessati tal-ADR. L-emerġenza ta’ komunità madwar l-Unjoni tal-partijiet interessati tal-ADR fertilizzat l-iskambju ta’ mudelli u strateġiji effettivi tal-ADR biex jiġu indirizzati l-isfidi msemmija hawn fuq għall-effettività sħiħa tagħha.

Eżempji ta’ miżuri biex tittejjeb in-navigabbiltà tax-xenarji nazzjonali tal-ADR u jitnaqqas ir-riskju ta’ konfużjoni

·Il-liġi Belġjana ma tirrikonoxxix l-iskemi ta’ konċiljazzjoni tal-kumpaniji (“médiateurs d’entreprise”) bħala entitajiet tal-ADR taħt id-Direttiva. L-iskemi ta’ konċiljazzjoni tal-kumpaniji huma pprojbiti bil-liġi milli jużaw termini bħal “ombuds”, “medjazzjoni”, “konċiljazzjoni”, “arbitraġġ”, “entità kkwalifikata” jew ”soluzzjoni alternattiva għat-tilwim” sabiex tiġi evitata l-konfużjoni ma’ entitajiet tal-ADR iċċertifikati 56 . Barra minn hekk, huwa diskuss jekk it-terminu “ombudsman” (“service de mediation”/”ombudsdienst”) għandux ikun riżervat għall-entitajiet tal-ADR stabbiliti bil-liġi 57 . 

·Xi Stati Membri ħolqu portali onlajn li jgħinu lill-konsumaturi jinnavigaw ix-xenarju nazzjonali tal-ADR u jgħaddu l-ilmenti tagħhom lill-entità kompetenti tal-ADR 58 .

·Xi Stati Membri jqisu li jintroduċu r-rekwiżit li entità tal-ADR għandha dejjem tkopri t-tilwim kollu tal-konsumaturi f’settur partikolari tal-bejgħ bl-imnut (u mhux biss tilwim f’parti mis-settur jew aspetti speċifiċi biss ta’ tilwim) 59 . 

·F’xi Stati Membri qed jiġi diskuss ukoll jekk l-għadd ta’ entitajiet tal-ADR iċċertifikati f’settur partikolari tal-bejgħ bl-imnut għandux ikun limitat għal wieħed 60 . 

·L-awtorità nazzjonali kompetenti Portugiża żviluppat sett ta’ regoli proċedurali standard għall-entitajiet tal-ADR. Dawk ir-regoli proċedurali standard attwalment jintużaw minn sebgħa mit-12-il entità tal-ADR iċċertifikati fil-Portugall.

·L-awtorità nazzjonali kompetenti Portugiża pproduċiet ukoll mudell ta’ informazzjoni dwar l-entitajiet tal-ADR għan-negozjanti biex jinformaw lill-konsumaturi.

Kaxxa 3

Eżempji ta’ mudelli tal-ADR u miżuri għat-titjib tal-parteċipazzjoni tan-negozjanti fil-proċeduri tal-ADR u l-konformità mar-riżultati tal-ADR

·F’xi setturi (pereżempju s-settur tal-enerġija), għadd ta’ Stati Membri għamlu l-parteċipazzjoni tan-negozjanti fl-ADR obbligatorja permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali 61 . 

·Fil-Ġermanja, ġie stabbilit korp pubbliku tal-ADR għat-tilwim tal-konsumaturi fis-settur tal-linji tal-ajru. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrikjedi li l-linji tal-ajru jipparteċipaw fil-proċeduri tal-ADR quddiem dak il-korp sakemm ma jikkonformawx ma’ entità tal-ADR iċċertifikata inkorporata privatament. Il-leġiżlazzjoni ħadmet bħala inċentiv biex il-linji tal-ajru jsiru membri ta’ assoċjazzjoni li topera entità tal-ADR fis-settur tat-trasport tal-passiġġieri. Illum, 44 mill-membri tal-assoċjazzjoni huma linji tal-ajru. Permezz tas-sħubija tagħhom fl-assoċjazzjoni, il-linji tal-ajru jaċċettaw ir-regoli ta’ proċedura tal-entità tal-ADR bħala vinkolanti għalihom. Fl-2018, l-entità tal-ADR laħqet rata ta’ soluzzjoni ta’ 86 % għal tilwim dwar linji tal-ajru 62 . 

·Fin-Netherlands, il-Fondazzjoni tal-Bordijiet għat-Tilwim tal-Konsumaturi (“Stichting Geschillencommissies voor Consumentenzaken”) topera bord ġenerali wieħed u aktar minn 50 bord għas-soluzzjoni tat-tilwim speċifiku għas-settur. Ir-regoli ta’ proċedura tal-bordijiet speċifiċi għas-settur (kif ukoll it-termini u l-kundizzjonijiet standard għall-kuntratti tal-konsumatur rilevanti) huma miftiehma mill-assoċjazzjoni tan-negozju u l-organizzazzjoni tal-konsumatur fis-settur tal-bejgħ bl-imnut ikkonċernat. Permezz tas-sħubija tagħhom fl-assoċjazzjoni tan-negozju tagħhom, in-negozjanti huma obbligati li jipparteċipaw fi proċeduri quddiem il-bord speċifiku għas-settur u li jikkonformaw mal-eżitu tagħhom. Il-konformità hija żgurata wkoll permezz ta’ skema ta’ garanzija operata mill-assoċjazzjoni tan-negozju: Jekk il-bord jordna lin-negozjant biex iħallas somma ta’ flus lill-konsumatur u n-negozjant ma jagħmilx dan, il-konsumatur jista’ jitlob is-somma direttament mill-assoċjazzjoni tan-negozju.

·Fil-Finlandja, il-parteċipazzjoni fi proċeduri quddiem it-tliet entitajiet tal-ADR iċċertifikati tal-konsumatur hija volontarja għan-negozjanti. Il-proċeduri tal-ADR jispiċċaw f’rakkomandazzjoni li mhix vinkolanti. L-entitajiet tal-ADR jippubblikaw ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin kollha fuq is-siti web tagħhom u jimmonitorjaw il-konformità tan-negozjanti mar-rakkomandazzjoni permezz ta’ stħarriġ mibgħuta lill-konsumatur jew lin-negozjant. Ir-rata ta’ konformità hija ta’ bejn 80 % u 100 %.

·Fl-Estonja, il-parteċipazzjoni tan-negozjanti fil-proċeduri tal-ADR quddiem il-Bord tat-Tilwim tal-Konsumaturi (“Tarbijavaidluste Komisjon”) hija volontarja. Madankollu, jekk in-negozjant ma jipparteċipax fil-proċedura tal-ADR, il-Bord għandu s-setgħa li jiddetermina l-każ abbażi ta’ proċedura ta’ inadempjenza. Jekk in-negozjant jonqos milli jikkonforma mad-determinazzjoni tal-Bord, l-isem tan-negozjant jitniżżel fil-lista s-sewda (“naming and shaming”).

·Fl-Awstrija, il-parteċipazzjoni fi proċeduri tal-ADR quddiem il-Korp ta’ Konċiljazzjoni tal-Konsumaturi (“Schlichtung für Verbrauchergeschäfte”), l-entità residwa tal-ADR tal-Awstrija, hija volontarja għan-negozjanti. Il-proċeduri huma mingħajr ħlas kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozjanti. Fl-2018, in-negozjanti pparteċipaw f’77 % tal-proċeduri tal-ADR (b’rata ta’ soluzzjoni ta’ 75 %) 63 . Dan joħloq kuntrast qawwi mas-sitwazzjoni fil-Ġermanja fejn 17 % biss tan-negozjanti pparteċipaw fi proċeduri quddiem il-Korp Ġenerali ta’ Konċiljazzjoni tal-Konsumaturi (“Allgemeine Verbraucherschlichtungsstelle”) li l-proċedura tal-ADR tiegħu hija volontarja, iżda mhux mingħajr ħlas għan-negozjanti 64 . Fid-dibattitu parlamentari li għaddej bħalissa dwar ir-riforma tal-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni Ġermaniża għad-Direttiva tal-ADR, qed jiġi diskuss jekk fil-futur l-iskema tat-tariffi li tapplika għall-entità residwa tal-ADR għandhiex tipprovdi inċentivi għan-negozjanti, pereżempju billi tistipula li l-ewwel parteċipazzjoni tan-negozjant fi proċedura quddiem l-entità residwa tal-ADR tkun mingħajr ħlas 65 . 

·Bl-istess mod, fl-Assemblea tal-ADR tal-2018, ġie propost li f’każijiet fejn in-negozjant mhux meħtieġ (pereżempju permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali; permezz tas-sħubija tan-negozjant fl-assoċjazzjoni li topera l-entità tal-ADR; permezz ta’ impenn fil-konfront tal-konsumatur) li jipparteċipa fil-proċedura tal-ADR u l-proċedura ma tistax tingħata mingħajr ħlas lin-negozjanti, l-iskema tat-tariffi operata mill-entità tal-ADR tista’ titfassal biex “tinstiga” l-parteċipazzjoni tan-negozjanti – pereżempju permezz ta’ tariffi għal kull każ bi ħlasijiet inkrimentali li jippremjaw lin-negozjant meta l-proċedura tista’ tiġi konkluża fi stadju bikri.

Kaxxa 4

4. L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 524/2013

a) Pjattaforma tal-ODR

(1) Stabbiliment u kamp ta’ applikazzjoni

Il-Kummissjoni nediet il-pjattaforma tal-ODR f’Jannar 2016. Il-pjattaforma nfetħet għall-pubbliku fil-15 ta’ Frar 2016. Fil-bini tal-pjattaforma, il-Kummissjoni kienet appoġġjata minn grupp ta’ esperti magħmul minn esperti tal-ODR innominati mill-Istati Membri. Qabel it-tnedija tal-pjattaforma, il-Kummissjoni kienet wettqet tliet eżerċizzji komprensivi ta’ ttestjar 66 . Il-fluss tax-xogħol tal-pjattaforma huwa preskritt fir-Regolament tal-ODR. Għalhekk, il-Kummissjoni fasslet l-interfaċċi varji tal-pjattaforma skont dawk l-ispeċifikazzjonijiet legali 67 . 

Il-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u l-Polonja biss kkomunikaw lill-Kummissjoni li l-leġiżlazzjoni tagħhom tippermetti li tilwim bejn in-negozji u l-konsumaturi – jiġifieri tilwim mibdi minn negozjant kontra konsumatur – jiġi solvut permezz ta’ entitajiet tal-ADR. Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-ODR il-pjattaforma tista’ għalhekk tintuża wkoll għat-tilwim bejn in-negozji u l-konsumaturi dment li dawn ikunu jinvolvu konsumatur abitwalment residenti fl-Istati Membri msemmija qabel.

Mill-1 ta’ Lulju 2017, il-pjattaforma tal-ODR kienet aċċessibbli wkoll għat-tilwim tal-konsumaturi li jinvolvi konsumaturi u negozjanti mill-pajjiżi taż-ŻEE, l-Iżlanda 68 , il-Liechtenstein u n-Norveġja. Sal-lum, 460 entità tal-ADR mill-Istati Membri kollha, il-Liechtenstein u n-Norveġja huma rreġistrati fil-pjattaforma.

(2) Użu

Il-Kummissjoni ppubblikat rapporti dwar l-ewwel u t-tieni sena ta’ funzjonament tal-pjattaforma tal-ODR fl-2017 u l-2018 69 . Sa mit-tnedija tagħha, il-pjattaforma attirat aktar minn 8.5 miljun viżitatur u 120 000 tilwima bejn konsumaturi u negozji. Madwar 56 % tat-tilwim huwa domestiku filwaqt li 44 % huwa transkonfinali. Il-biċċa l-kbira tat-tilwim huwa dwar il-linji tal-ajru (13.2 %), segwit mill-ħwejjeġ u ż-żraben (10.9 %) u t-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (6.8 %). Il-konsumaturi lmentaw l-aktar dwar il-kunsinna tal-prodott jew tas-servizz (23 %), segwita minn nuqqas ta’ konformità mal-ordni (15 %) u l-prodott ikun difettuż jew jikkawża ħsara (12 %). F’0.1 % biss tal-każijiet il-pjattaforma ntużat għat-tilwim bejn in-negozji u l-konsumaturi.

F’madwar 80 % tat-tilwim ippreżentat lill-pjattaforma tal-ODR, il-każ ingħalaq awtomatikament wara 30 jum minħabba li n-negozjant ma rreaġixxiex fuq il-pjattaforma għan-notifika tat-tilwim u l-istedina biex jipproponi entità tal-ADR lill-konsumatur. Il-partijiet qablu dwar entità tal-ADR f’madwar 2 % biss tal-każijiet u għalhekk il-pjattaforma setgħet tittrażmetti t-tilwim lil entità tal-ADR. Madankollu, sa 42 % tat-tilwim ippreżentat lill-pjattaforma, il-partijiet solvew it-tilwima b’mod bilaterali 70 . 

L-għadd kbir ta’ viżitaturi u lmenti ppreżentati lill-pjattaforma juru l-użu sodisfaċenti ħafna tagħha mill-konsumaturi. L-għadd kbir ta’ soluzzjonijiet diretti skattati mill-pjattaforma juri l-valur miżjud tal-pjattaforma għall-faċilitazzjoni ta’ soluzzjoni maqbula b’mod bilaterali, inkluż f’tilwim transkonfinali fejn il-funzjonijiet ta’ multilingwiżmu u traduzzjoni tal-pjattaforma jippermettu komunikazzjoni bejn il-partijiet. Madankollu, l-għadd baxx ħafna ta’ tilwim li jista’ jiġi trażmess lil entità tal-ADR jindika li l-fluss tax-xogħol fuq il-pjattaforma tal-ODR preskritt legalment għandu żewġ nuqqasijiet: (i) ir-rekwiżit li l-partijiet jeħtieġu li jaqblu dwar entità tal-ADR qabel ma l-pjattaforma tittrażmetti t-tilwima lil dik l-entità tal-ADR fil-prattika taħdem bħala impediment biex tintlaħaq entità tal-ADR; u (ii) billi jiġi pprovdut biss proċess immirat lejn it-twassil ta’ tilwim lill-entità kompetenti tal-ADR il-pjattaforma tirrispondi parzjalment biss għall-ħtiġijiet tal-utenti tagħha li jkunu wrew il-valur miżjud konsiderevoli tal-pjattaforma għall-faċilitazzjoni tal-komunikazzjoni u s-soluzzjonijiet diretti bejn il-partijiet.

Sabiex tindirizza n-nuqqasijiet identifikati, il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond tal-flussi tax-xogħol tal-pjattaforma u tad-data tal-utenti. Il-paġna ewlenija tal-pjattaforma u l-messaġġi ġew aġġornati u ġew introdotti paġni ġodda ta’ informazzjoni u sistema ta’ rispons. Il-Kummissjoni wettqet ukoll kampanja ta’ komunikazzjoni tal-ADR/ODR immirata għat-titjib tal-għarfien u l-impenn tan-negozjanti fil-pjattaforma tal-ODR. B’riżultat ta’ dan, l-għadd ta’ negozjanti rreġistrati fil-pjattaforma żdied b’54 % fl-2018 u b’24 % oħra fl-ewwel ħames xhur tal-2019. 80 % tal-utenti tal-pjattaforma issa huma sodisfatti bil-funzjonijiet tal-pjattaforma. Madankollu, l-involviment tan-negozjant fil-proċess fuq il-pjattaforma nnifisha jibqa’ limitat ħafna. Għalhekk, il-Kummissjoni qed timplimenta pjan ta’ azzjoni bil-għan li l-pjattaforma tkun aktar adattata għall-ħtiġijiet tal-utenti tagħha. Dan jinkludi li l-pjattaforma tipprovdi informazzjoni aktar immirata dwar id-drittijiet u r-rimedju tal-konsumatur, tidderieġi aħjar lill-utenti tagħha għall-aktar għodod ta’ rimedju xierqa u tiffaċilita aħjar soluzzjonijiet diretti.

b) In-Netwerk tal-punti ta’ kuntatt tal-ODR

L-Istati Membri kollha, in-Norveġja u l-Liechtenstein innominaw punt ta’ kuntatt tal-ODR 71 . 21 punt ta’ kuntatt tal-ODR huma ospitati miċ-Ċentru Nazzjonali Ewropew tal-Konsumaturi. Il-punti ta’ kuntatt f’seba’ Stati Membri 72 huma ospitati minn awtorità, filwaqt li l-punt ta’ kuntatt tal-ODR fl-Ungerija huwa ospitat mill-Bord tal-Arbitraġġ ta’ Budapest, u dak fir-Renju Unit miċ-Chartered Trading Standards Institute. F’seba’ Stati Membri 73 l-punti ta’ kuntatt tal-ODR jipprovdu informazzjoni u assistenza biss fil-każ ta’ tilwim transkonfinali. L-Istati Membri l-oħra kollha, il-Liechtenstein u n-Norveġja għamlu użu mill-għażla regolatorja tagħhom 74 biex jirrikjedu li l-punti ta’ kuntatt tal-ODR tagħhom jipprovdu s-servizzi kollha tagħhom jew parti minnhom anke fil-każ ta’ tilwim domestiku 75 . 

Il-Kummissjoni ilha mill-2016 torganizza laqgħat tan-netwerk ta’ darbtejn fis-sena mal-punti ta’ kuntatt tal-ODR u żżomm għodda tal-IT kollaborattiva fejn il-punti ta’ kuntatt tal-ODR jistgħu jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattika. In-netwerk huwa kompletament operattiv u rċieva numru sostanzjali ta’ mistoqsijiet 76 . L-ammont ta’ xogħol tal-punti ta’ kuntatt jirrifletti b’mod ġenerali s-sehem tal-Istat Membru rilevanti tal-ilmenti ġenerali mressqa fuq il-pjattaforma tal-ODR, bi grupp kbir ta’ punti ta’ kuntatt li jirċievu aktar minn 500 mistoqsija fis-sena.

Il-biċċa l-kbira tal-mistoqsijiet tal-konsumaturi jikkonċernaw l-għeluq awtomatiku tal-każ meta n-negozjant ma jirreaġixxix fuq il-pjattaforma fi żmien 30 jum mill-preżentazzjoni tal-ilment. Għadd ta’ konsumaturi jħawdu l-pjattaforma tal-ODR ma’ entità tal-ADR. Il-punti ta’ kuntatt tal-ODR għandhom rwol importanti fil-provvediment ta’ ċarezza u l-ġestjoni tal-aspettattivi tal-utenti fir-rigward tal-pjattaforma tal-ODR u l-ADR b’mod ġenerali. Minbarra li jwettqu l-kompiti statutorji tagħhom ta’ assistenza lill-utenti tal-pjattaforma tal-ODR, għadd ta’ punti ta’ kuntatt tal-ODR jaġixxu wkoll bħala ambaxxaturi għall-ADR/ODR, iqassmu l-informazzjoni u jorganizzaw avvenimenti b’firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, inklużi rappreżentanti tan-negozju.

c) Informazzjoni tal-ODR

L-Artikolu 14 tar-Regolament tal-ODR li jeżiġi li n-negozjanti u l-postijiet tas-suq onlajn jipprovdu link għall-pjattaforma tal-ODR fuq is-siti web tagħhom huwa għodda importanti mhux biss biex il-konsumaturi li jkollhom tilwima jiġu ddireġuti lejn il-pjattaforma tal-ODR, iżda wkoll biex b’mod ġenerali titqajjem kuxjenza dwar l-ADR. Fi tmiem l-2017, il-Kummissjoni wettqet eżerċizzju ta’ “webscraping” fuq is-siti web operati minn bejjiegħa bl-imnut onlajn stabbiliti fl-Istati Membri, fin-Norveġja u fl-Iżlanda, biex tivverifika l-konformità mal-Artikolu 14 tal-ODR tar-Regolament.

L-eżerċizzju wera li f’dak iż-żmien ir-rata ta’ konformità kienet ta’ 28 %. 77 Barra minn hekk, l-għadd għoli ħafna ta’ żjarat ta’ pjattaforma u l-għadd ta’ tilwim imressaq fuq il-pjattaforma jindikaw li l-link tal-ODR qiegħda tiġi pprovduta u użata f’għadd sinifikanti ta’ każijiet. Filwaqt li dawn ir-riżultati huma inkoraġġanti, jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex jiġi żgurat li l-obbligu skont l-Artikolu 14 tal-ODR tar-Regolament jiġi infurzat b’mod sħiħ fl-Istati Membri kollha u fil-pajjiżi taż-ŻEE.


5. Konklużjoni

L-ADR u l-ODR tal-konsumaturi saru parti integrali mis-sett ta’ għodod tal-UE għall-eżekuzzjoni pubbliku u privat tal-liġi tal-konsumatur. Illum, il-konsumaturi tal-UE għandhom aċċess għal proċeduri tal-ADR ta’ kwalità għolja fl-Unjoni u kważi fis-setturi kollha tal-bejgħ bl-imnut, irrispettivament minn jekk it-tilwim huwiex domestiku jew transkonfinali u jekk ix-xiri sarx onlajn jew offlajn.

Il-pjattaforma Ewropea tal-ODR tipprovdi ċentru ċentralizzat u multilingwali għas-soluzzjoni tat-tilwim onlajn, u dan iwassal għal soluzzjoni diretta sa 42 % tal-każijiet. Madankollu, madwar sena wara li tkun inkisbet kopertura sħiħa tal-ADR u tliet snin u nofs wara t-tnedija tal-pjattaforma tal-ODR, il-qafas tal-ADR/ODR ma jintużax biżżejjed u għad irid jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu. L-isfidi attwali jinkludu l-għarfien u l-perċezzjonijiet tal-ADR, in-navigabbiltà tax-xenarji nazzjonali tal-ADR u l-użu min-negozjanti tal-ADR. Barra minn hekk, il-fluss tax-xogħol fuq il-pjattaforma tal-ODR attwalment jirrifletti biss parzjalment il-ħtiġijiet murija tal-utenti.

Il-qafas leġiżlattiv Ewropew għall-ADR u l-ODR tal-konsumaturi huwa bbażat fuq loġika ta’ responsabbiltà u kooperazzjoni kondiviżi. Id-diversità tax-xenarji nazzjonali tal-ADR u l-iskambji bejn il-partijiet interessati tal-ADR fl-Istati Membri kollha ħolqu “laboratorju tal-ADR” fejn jitqabblu l-mudelli u l-għażliet tad-diżinn tal-ADR u jiġu vvalutati b’mod kritiku u tiġi identifikata l-aħjar prattika emerġenti, kondiviża u implimentata dejjem aktar.

Il-Kummissjoni se tkompli tiffaċilita l-iżvilupp ta’ komunità madwar l-Unjoni ta’ partijiet interessati tal-ADR, inklużi, inter alia, entitajiet tal-ADR, rappreżentanti tal-konsumaturi u tan-negozji, awtoritajiet nazzjonali kompetenti, regolaturi u akkademiċi. F’dak il-kuntest, pereżempju, il-Kummissjoni se tlaqqa’ t-tieni Assemblea tal-ADR tal-Unjoni kollha fl-2020, tkompli tippromwovi l-ADR u l-ODR fil-kampanja ta’ komunikazzjoni tagħha tal-2019 dwar il-liġi tal-konsumatur u tkompli tappoġġja l-bini tal-kapaċità mill-entitajiet tal-ADR permezz ta’ għotjiet. Il-Kummissjoni se tkompli ttejjeb ukoll il-pjattaforma tal-ODR, inkluż billi l-pjattaforma tirreaġixxi aħjar għall-ħtiġijiet tal-utenti tagħha billi tipprovdi informazzjoni aktar immirata dwar id-drittijiet u r-rimedju tal-konsumatur, billi l-utenti jiġu ddireġuti aħjar għall-għodod ta’ rimedju l-aktar xierqa u jiġu ffaċilitati aħjar is-soluzzjonijiet diretti.



ANNESS I

Is-sett ta’ għodod tal-UE għall-eżekuzzjoni privat u pubbliku tal-liġi tal-konsumatur

(“sett ta’ għodod tal-eżekuzzjoni tal-UE”)

- ħarsa ġenerali indikattiva -

(1)Għodod li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur permezz ta’ proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim mibdija mill-konsumatur jew entità li tirrappreżenta l-interessi tal-konsumaturi (eżekuzzjoni tal-liġi privata)

a)Is-soluzzjoni tat-tilwim fi proċeduri ġudizzjarji quddiem il-qrati tal-Istati Membri

-Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (“Brussell I”) 78 li jiżgura li f’ċerti tilwim transkonfinali dwar kuntratti tal-konsumatur 79 il-konsumatur jista’ jtella’ n-negozjant (u jiġi mfittex min-negozjant biss) quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih il-konsumatur huwa domiċiljat;

-Id-Direttiva 2009/22/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi 80 , li tipprevedi azzjonijiet rappreżentattivi (quddiem qorti jew awtorità amministrattiva – skont is-sistema legali fl-Istat Membru kkonċernat) li skonthom l-entitajiet kkwalifikati jistgħu jitolbu rimedju ta’ inġunzjoni għal ksur tal-liġi tal-konsumatur li jtellef l-interess kollettiv tal-konsumaturi. Fil-“Pakkett ta’ Patt Ġdid għall-Konsumaturi” tagħha, il-Kummissjoni pproponiet li tissostitwixxi d-Direttiva b’Direttiva dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi li tippermetti li entitajiet ikkwalifikati jagħmlu wkoll applikazzjonijiet għal rimedju kollettiv 81 ; 

-Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar 82 u r-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea 83 li joffru proċeduri speċifiċi simplifikati u mgħaġġla għal talbiet għal ħlas transkonfinali ta’ valur baxx jew talbiet għal ħlas mhux ikkontestati 84 . 

b)Soluzzjoni tat-tilwim fi proċeduri qabel mekkaniżmi alternattivi ta’ soluzzjoni tat-tilwim

-Qafas leġiżlattiv tal-UE għall-ADR u l-ODR tal-konsumaturi stabbilit mid-Direttiva tal-ADR u r-Regolament tal-ODR;

-Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni 98/257/KE u 2001/310/KE, applikabbli għall-mekkaniżmi ta’ soluzzjoni għat-tilwim tal-konsumaturi li mhumiex iċċertifikati bħala entitajiet tal-ADR skont id-Direttiva tal-ADR;

-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net) li joffri parir u assistenza mingħajr ħlas lill-konsumaturi dwar kwistjonijiet relatati max-xiri transkonfinali ta’ prodott jew servizz. L-assistenza tinkludi li jsir kuntatt man-negozjant u, fejn meħtieġ, jiġu identifikati u jingħataw pariri dwar l-entità tal-ADR kompetenti biex tittratta l-każ.

(2)Għodod li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tal-liġi tal-konsumatur permezz ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni meħuda mill-awtoritajiet tal-eżekuzzjoni tal-Istati Membri (eżekuzzjoni tal-liġi pubblika)

-Ir-Regolament (UE) 2017/2394 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (“ir-Regolament CPC”) 85 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni għall-azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni pubbliku mwettqa mill-awtoritajiet tal-eżekuzzjoni tal-Istati Membri.

***



ANNESS II

Skeda ta’ data statistika

NB: Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, il-graffs jirriflettu d-data bħal fl-1 ta’ Lulju 2019

Il-kopertura tal-ADR - l-għadd ta’ entitajiet tal-ADR innotifikati għal kull pajjiż



L-għarfien u l-użu tal-ADR fost il-bejjiegħa bl-imnut

Sors: It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur, edizzjoni tal-2019 (għadha mhix ippubblikata), li tkopri l-perjodu 2016-2018. Stħarriġ dwar l-attitudnijiet tal-bejjiegħa bl-imnut lejn il-kummerċ transkonfinali u l-protezzjoni tal-konsumatur: Do you know any Alternative Dispute Resolution bodies for settling disputes with consumers in (OUR COUNTRY)? (Taf b’xi korp ta’ Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim li jsolvi t-tilwim mal-konsumaturi f’ (PAJJIŻNA)?) Bażi: EU27_2019 rispondenti (N=9 796)

* Il-kopertura sħiħa tal-ADR inkisbet biss fl-aħħar tal-2018.

Pjattaforma tal-ODR – numru ta’ lmenti ppreżentati fix-xahar

 



Pjattaforma tal-ODR – tilwim domestiku/transfruntier

Pjattaforma tal-ODR – ilmenti tal-konsumaturi skont is-setturi tal-bejgħ bl-imnut ewlenin

 



Pjattaforma tal-ODR – ilmenti tal-konsumaturi skont l-ilmenti

 

Punti ta’ kuntatt tal-ODR – mistoqsijiet skont l-oriġini

(1)

     Kif imfakkar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Patt Ġdid għall-Konsumaturi” tal-11 ta’ April 2018 (COM[2018] 183 final), l-infiq tal-konsumaturi jammonta għal 56 % tal-PDG tal-Ewropa u d-data mit-Tabelli ta’ Valutazzjoni tal-Konsumatur tal-Kummissjoni turi korrelazzjoni pożittiva b’mod konsistenti bejn il-kundizzjonijiet tal-konsumatur u s-sitwazzjoni ekonomika fi Stati Membri differenti.

(2)

     Ħarsa ġenerali indikattiva tal-għodod fis-sett ta’ għodod tal-eżekuzzjoni tal-UE hija pprovduta fl-Anness I.

(3)

     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/257/KE tat-30 ta’ Marzu 1998 dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi responsabbli għar-riżoluzzjoni extra-ġudizzjarji ta’ disputi tal-konsumaturi (ĠU L 115, 17.4.1998, p. 31) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2001/310/KE tal-4 ta’ April 2001 dwar il-prinċipji għall-korpi straġudizzjarji involuti fir-riżoluzzjoni kunsenswali dwar tilwim tal-konsumaturi (ĠU L 109, 19.4.2001, p. 56). Iż-żewġ Rakkomandazzjonijiet huma bbażati fuq il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni tal-1996 dwar l-aċċess tal-konsumatur għall-ġustizzja u s-soluzzjoni għat-tilwim tal-konsumatur fis-suq intern (COM[96] 13 final).

(4)

     Pereżempju t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2008/6/KE li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 52, 27.2.2008, p. 3).

(5)

     Pereżempju l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2008/48/KE dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).

(6)

     Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi), ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63.

(7)

     Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (ir-Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi), ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1.

(8)

     L-Assemblea tal-ADR, avveniment ta’ jumejn f’netwerking ma’ sessjonijiet ta’ ħidma interattivi, laqqgħet aktar minn 350 rappreżentant tal-komunità Ewropea tal-ADR, inklużi rappreżentanti tal-konsumaturi u tan-negozji, regolaturi, akkademiċi u 187 rappreżentant mill-korpi tal-ADR. L-avveniment wassal għal aktar inizjattivi ta’ kooperazzjoni fil-livell tal-Istati Membri (pereżempju netwerks tal-ADR, l-Assembleji tal-ADR fil-livell nazzjonali).

(9)

     Pereżempju avveniment ta’ tnedija għal TRAVEL_NET, netwerk ta’ entitajiet tal-ADR li jittrattaw tilwim tal-konsumaturi fis-setturi tat-trasport u tal-ivvjaġġar tal-passiġġieri (Berlin, 10 ta’ Novembru 2017); Filmat mis-sala tal-bejjiegħa bl-imnut ewlenin tal-industrija tal-ħwejjeġ u taż-żraben (Brussell, 13 ta’ Diċembru 2017).

(10)

     Aċċessibbli fuq il-pjattaforma tal-ODR fuq https://ec.europa.eu/consumers/odr/main/?event=main.statistics.show .

(11)

     Pereżempju l-ilmenti taċ-ċittadini ppreżentati lill-Kummissjoni; rispons tal-utent fuq il-pjattaforma tal-ODR; il-kampanji ta’ komunikazzjoni tal-ADR/ODR imwettqa mill-Kummissjoni; rapporti annwali tal-attività mill-entitajiet tal-ADR; konferenzi; studji; pubblikazzjonijiet akkademiċi.

(12)

     Ara aktar ’l isfel, it-taqsima 3c).

(13)

     Ara l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-ADR. Id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri mhux biss jipprovdu d-disponibbiltà ta’ infrastruttura nazzjonali komprensiva ta’ entitajiet tal-ADR, iżda wkoll jiffaċilitaw l-aċċess tal-konsumaturi għal dik l-infrastruttura.

(14)

     Ir-rekwiżiti ta’ kwalità huma stabbiliti fil-Kapitolu II tad-Direttiva (Artikoli 5 sa 12).

(15)

     Ara l-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-ADR.

(16)

     Pubbliċi jew privati.

(17)

     Pubbliċi, privati jew imħalltin.

(18)

     Jiġifieri jekk l-entità tal-ADR tittratta tilwim kontra negozjanti stabbiliti fir-reġjuni kollha tat-territorju tal-Istat Membru rispettiv jew biss f’parti minnhom; jekk hijiex tittratta t-tilwim tal-konsumaturi fis-setturi tal-bejgħ bl-imnut kollha jew f’dawk speċifiċi biss.

(19)

     Il-bord tal-ilmenti, il-konċiljazzjoni, il-medjazzjoni, l-ombudsman, l-arbitraġġ jew kwalunkwe tip ieħor, inklużi kombinazzjonijiet tat-tipi ta’ proċeduri msemmija hawn fuq. Ta’ min jinnota li fl-UE ma hemm l-ebda terminoloġija komuni biex issir distinzjoni bejn it-tipi varji ta’ proċeduri tal-ADR u l-kunċetti li jwasslu għat-termini rilevanti. Pereżempju, il-kunċetti li jwasslu għat-termini “medjazzjoni” jew “ombudsman” ivarjaw b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor. Għalhekk, id-Direttiva tal-ADR tuża approċċ tipoloġiku biex tiddeskrivi t-tipi differenti ta’ proċeduri tal-ADR filwaqt li tevita li tuża t-termini msemmija hawn fuq (ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-ADR).

(20)

     It-tieni sentenza tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-ADR tikkjarifika li filwaqt li d-Direttiva tistabbilixxi, fil-livell tal-UE, sistema ta’ ADR volontarja, l-Istati Membri huma liberi li jipparteċipaw fil-proċeduri tal-ADR obbligatorji fil-livell nazzjonali – dment li l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ma twaqqafx lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-sistema ġudizzjarja.

(21)

     L-eżitu ta’ proċedura tal-ADR jista’ jkun vinkolanti, pereżempju, permezz tal-effett res judicata tiegħu (kif inhu l-każ fi proċeduri ta’ arbitraġġ tal-konsumatur); permezz tas-sħubija tan-negozjant f’assoċjazzjoni tan-negozju li l-artikoli ta’ inkorporazzjoni tagħha jkun fihom impenn rilevanti għall-membri tagħha; permezz ta’ impenn magħmul min-negozjant fil-konfront tal-konsumatur (pereżempju fit-termini u l-kundizzjonijiet li n-negozjant juża għall-kuntratti tal-konsumatur).

(22)

     Ara l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva tal-ADR.

(23)

     Ir-raġunament huwa li l-Istati Membri jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jivvalutaw liema mudell tal-ADR jaħdem l-aħjar f’liema settur tal-bejgħ bl-imnut u li dawn ikunu jistgħu jibnu, fejn xieraq, fuq it-tradizzjonijiet tagħhom tal-ADR tal-konsumaturi diġà eżistenti, cp. premessa 15 għad-Direttiva tal-ADR.

(24)

     Għal graff indikattiv fuq il-fluss tax-xogħol tal-pjattaforma, ara l-ewwel Rapport tal-ODR, COM(2017) 744 final, fil-paġna 2.

(25)

     Ir-Regolament jirrikjedi li l-punti ta’ kuntatt tal-ODR jipprovdu s-servizzi tagħhom f’każijiet transkonfinali, filwaqt li l-Istati Membri għandhom l-għażla regolatorja li jitolbu lill-punti ta’ kuntatt tal-ODR jipprovdu s-servizzi kollha tagħhom jew parti minnhom anke f’każijiet domestiċi.

(26)

     Sabiex jippreżenta b’suċċess ilment fuq il-pjattaforma Ewropea tal-ODR, il-konsumatur jeħtieġ li jiddikjara l-indirizz elettroniku tan-negozjant onlajn. Negozjanti onlajn li diġà huma rreġistrati fil-pjattaforma tal-ODR jistgħu jintgħażlu mill-konsumatur minn lista.

(27)

     Ara l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-ODR.

(28)

     Il-Grupp ta’ Esperti tal-ADR kien magħmul minn esperti nnominati mill-Istati Membri. Rappreżentanti minn pajjiżi taż-ŻEE li mhumiex Stati Membri u mis-Segretarjat tal-Parlament Ewropew ħadu sehem ukoll fil-laqgħat kollha jew f’parti minnhom.

(29)

     Stat Membru wieħed ħassar il-leġiżlazzjoni inizjali tiegħu u daħħal fis-seħħ leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni ġdida li kienet konformi għalkollox. Fit-tieni każ ta’ EU Pilot, it-tħassib inizjali tal-Kummissjoni twarrab permezz tad-djalogu mal-Istat Membru.

(30)

     Għalhekk, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ressqet proċedimenti kontra l-Iżlanda quddiem il-Qorti tal-EFTA. 

(31)

     Eżempju ta’ dan huwa l-Awstrija.

(32)

     Eżempju ta’ dan huwa l-Polonja fejn il-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni tirrikjedi li l-Uffiċċju Regolatorju tal-Enerġija, l-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, l-Awtorità għas-Sorveljanza Finanzjarja, l-Ombudsman Finanzjarju, l-Uffiċċju tat-Trasport bil-Ferrovija u l-Ispettorat tal-Kummerċ jipprovdu servizzi tal-ADR u jiġu ċċertifikati bħala entitajiet tal-ADR.

(33)

     Eżempju ta’ dan huwa Franza. Il-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni Ġermaniża teskludi l-proċeduri fejn tiġi imposta soluzzjoni fuq il-konsumatur jew li jeskludu d-dritt tal-konsumatur ta’ aċċess għall-qrati.

(34)

     Eżempji ta’ dawn huma Spanja u Franza.

(35)

     Cp. hawn fuq, nota f’qiegħ il-paġna 32. Pereżempju, il-persuni responsabbli mill-ADR fl-Ombudsman Finanzjarju Pollakk huma mitluba li jkollhom grad fil-liġi jew edukazzjoni ekonomika ogħla.

(36)

 Il-Gwida hija disponibbli fuq http://publicapps.caa.co.uk/docs/33/CAP1324-July2018-Feb2019Amends-FINAL.PDF .

(37)

     Bħalissa għadhom jeżistu nuqqasijiet puntwali limitati fil-kopertura tal-ADR.

(38)

     F’uħud mill-Istati Membri b’entitajiet tal-ADR residwi l-entità residwa tista’ tittratta wkoll tilwim li għalih il-kopertura tal-ADR hija diġà żgurata permezz ta’ entità tal-ADR speċifika għas-settur.

(39)

     L-Istati Membri li għażlu li jinnominaw aktar minn awtorità nazzjonali kompetenti waħda huma l-Ġermanja, Spanja, l-Italja, il-Litwanja, in-Netherlands, l-Awstrija u r-Renju Unit.

(40)

     Pereżempju billi jinżammu “Assembleji tal-ADR” nazzjonali li jiltaqgħu mal-entitajiet tal-ADR iċċertifikati kollha fl-Istat Membru kkonċernat.

(41)

     Eżempju ta’ dan huwa l-Belġju fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti twettaq “verifiki sħaħ” ta’ żewġ entitajiet tal-ADR iċċertifikati u “verifiki żgħar” tal-entitajiet l-oħra kollha tal-ADR iċċertifikati darba fis-sena. Verifiki sħaħ jevalwaw il-konformità tal-entitajiet tal-ADR mar-rekwiżiti kollha ta’ kwalità, verifiki żgħar jivvalutaw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà u trasparenza billi jeżaminaw is-siti web tal-entitajiet tal-ADR, ir-rapporti annwali u t-taħriġ segwit mill-persunal. Ara Biard, A., On the Road to High-Quality Consumer ADR: the Belgian Experience (Fit-Triq lejn ADR tal-Konsumaturi ta’ Kwalità Għolja: l-esperjenza Belġjana), għadha mhix ippubblikata, sub 1.3.

(42)

     Eżempju ta’ dan huwa l-Italja fejn il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku, l-awtorità nazzjonali kompetenti li twettaq il-funzjoni ta’ punt uniku ta’ kuntatt għall-Kummissjoni, torganizza laqgħat regolari ta’ koordinazzjoni u ta’ tmexxija (“Tavolo di Coordinamento e di Indirizzo”) mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti Taljani l-oħra.

(43)

     Irrapportati minn negozjanti fl-Assemblea tal-ADR tal-2018 u avvenimenti oħra ta’ partijiet interessati tal-ADR/ODR ospitati mill-Kummissjoni. Is-sejbiet huma marbuta wkoll mal-użu min-negozjanti tal-pjattaforma tal-ODR u r-rispons tan-negozjanti miġbur fil-kuntest tal-kampanji ta’ komunikazzjoni tal-ADR/ODR tal-Kummissjoni. It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur tal-2019 tal-Kummissjoni (għadha mhix ippubblikata) tindika li 64.6 % tal-konsumaturi lmentaw direttament mal-bejjiegħ bl-imnut jew mal-fornitur tas-servizz li jirrappreżenta żieda ta’ aktar minn 10 punti perċentwali meta mqabbla mal-2016.

(44)

     Eżempju ta’ dan huwa l-adozzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ “naming and shaming” li oriġinaw fil-pajjiżi Nordiċi minn ċerti entitajiet tal-ADR fin-Nofsinhar tal-Ewropa.

(45)

     Skont l-edizzjoni tal-2017 tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur, aktar minn nofs il-bejjiegħa bl-imnut (55.2 %) huma konxji mill-ADR (ara https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/consumer-conditions-scoreboard-2017-edition_en.pdf fil-paġna 66). L-edizzjoni tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-2019 (għadha mhix ippubblikata) turi valuri komparabbli.

(46)

     CP. pereżempju Department for Business, Energy & Industrial Strategy (BEIS), Alternative dispute resolution and the court system (Dipartiment għan-Negozju, l-Enerġija u l-Istrateġija Industrijali (BEIS), Soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u s-sistema tal-qorti), Rapport Finali (April 2018), disponibbli fuq: https://assets.publishing.service.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/698442/Final_report_-_Resolving_consumer_disputes.pdf , pp. 2 et seq.

(47)

     Biard, A., On the Road to High-Quality Consumer ADR: the Belgian Experience (Fit-Triq lejn ADR tal-Konsumaturi ta’ Kwalità Għolja: l-esperjenza Belġjana), għadha mhix ippubblikata, sub 2.2, tissuġġerixxi li l-isem tal-entità residwa tal-ADR Belġjana (“Service de Médiation pour le Consommateur”/”Consumentenombudsdienst”) jista’ jikkontribwixxi għal perċezzjoni fost in-negozjanti li l-entità tal-ADR tirrappreżenta l-interessi tal-konsumatur u għalhekk hija preġudikata favur il-konsumatur.

(48)

     Ir-riċerka tissuġġerixxi li l-perċezzjonijiet tal-konsumaturi dwar il-ġustizzja ta’ proċedura tal-ADR jiġu skattati wkoll minn fatturi li huma speċifiċi għall-kultura fl-Istat Membru rilevanti. Pereżempju, il-konsumaturi Ġermaniżi għandhom it-tendenza li jivvalutaw aktar proċeduri formali u orjentati lejn il-liġi filwaqt li l-konsumaturi tar-Renju Unit jivvalutaw aktar il-fatt li jingħataw widen u li jkunu jistgħu jipprevjenu lil oħrajn milli jkollhom l-istess problema. Barra minn hekk, l-aspettattivi tal-konsumaturi fil-konfront ta’ proċedura tal-ADR huma differenti meta l-entità tal-ADR tkun korp pubbliku minn meta tkun inkorporata privatament. Ara Creutzfeldt, N., Project Report: Trusting the middle-man: Impact and legitimacy of ombudsmen in Europe (2016) (Rapport tal-Proġett: Nafdaw lill-intermedjarju: L-impatt u l-leġittimità tal-ombudsmen fl-Ewropa (2016)), disponibbli fuq: https://www.law.ox.ac.uk/sites/files/oxlaw/ombuds_project_report_nc_2.pdf .

(49)

     Pereżempju, f’xi Stati Membri hemm entità tal-ADR speċifika għas-settur li tittratta tilwim dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-UE (pereżempju kumpens statutorju għal titjira ttardjata) filwaqt li kwistjonijiet relatati (pereżempju rigward pakkett tal-ivvjaġġar) jaqgħu taħt il-kompetenza tal-entità residwa tal-ADR.

(50)

     Skont l-edizzjoni tal-2017 tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjonijiet tal-Konsumatur, ftit inqas minn terz tal-bejjiegħa bl-imnut (31.8 %) huma lesti li jużaw l-ADR, li jirrappreżentaw żieda b’1.6 punti perċentwali mill-2014 (ara https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/consumer-conditions-scoreboard-2017-edition_en.pdf fil-paġna 66). L-edizzjoni tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-2019 (għadha mhix ippubblikata) turi żieda żgħira oħra b’1.5 punti perċentwali.

(51)

     Kif intwera mill-fatt li l-pjattaforma tal-ODR tiskatta soluzzjoni diretta f’mhux aktar minn 42 % tal-każijiet (ara hawn taħt, taqsima 4a)2)), mir-rispons tan-negozjanti miġbur fil-kuntest tal-kampanji tal-ADR/ODR tal-Kummissjoni u min-numru dejjem akbar ta’ konsumaturi li jilmentaw direttament mal-bejjiegħa bl-imnut (ara hawn fuq, nota f’qiegħ il-paġna43).

(52)

     Pereżempju permezz tas-sħubija tan-negozjant f’assoċjazzjoni tan-negozju li l-artikoli ta’ inkorporazzjoni tagħha jkun fihom impenn rilevanti għall-membri tagħha; permezz ta’ impenn magħmul min-negozjant fil-konfront tal-konsumatur (pereżempju fit-termini u l-kundizzjonijiet li n-negozjant juża għall-kuntratti tal-konsumatur).

(53)

     Pereżempju mekkaniżmu ta’ “naming and shaming”.

(54)

     Pereżempju entitajiet residwi tal-ADR fejn il-parteċipazzjoni hija volontarja u mingħajr ħlas għan-negozjanti.

(55)

      https://www.consumerlawready.eu

(56)

     Art. XVI 2 Code de Droit économique/wetboek van ekonoisch recht Ara Biard, A., On the Road to High-Quality Consumer ADR: the Belgian Experience (Fit-Triq lejn ADR tal-Konsumaturi ta’ Kwalità Għolja: l-esperjenza Belġjana), għadha mhix ippubblikata, sub 1.2.

(57)

     Jouant, N., Le règlement extrajudiciaire des litiges de consommation en Belgique : evulutions, Droit de la consommation – Consumentenrecht No 115 (2017), pp. 1 et seqq. (fil-paġna 62).

(58)

     Eżempju ta’ dan huwa l-Belġju fejn attwalment jitħaddmu tliet portali: Belmed ( https://economie.fgov.be/belmed ), is-sit web tal-Consumer Mediation Service (Servizz ta’ Medjazzjoni tal-Konsumatur) ( https://mediationconsommateur.be ) u l-portal onlajn Punt de contact/Meldpunt ( https://pointdecontact.belgique.be/meldpunt ). Kif irrapportat minn Biard, A., loc. cit., sub 2.1., kont introdott f’Ġunju 2018 fil-parlament federali Belġjan jissuġġerixxi li t-tliet portali onlajn imsemmija hawn fuq jingħaqdu f’wieħed, peress li fiha nnifisha l-multipliċità tal-portali onlajn tidher li qed iżżid ir-riskju ta’ konfużjoni fost il-konsumaturi.

(59)

     Ara Biard, A., loc. cit., sub 2.2.

(60)

     Ara pereżempju Department for Business, Energy & Industrial Strategy (BEIS), Modernising consumer markets: green paper (2018) (Dipartiment għan-Negozju, l-Enerġija u l-Istrateġija Industrijali (BEIS), Nimmodernizzaw is-swieq tal-konsumatur: green paper (2018)), disponibbli fuq https://assets.publishing.service.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/699937/modernising-consumer-markets-green-paper.pdf , p. 51 (fil-paragrafu 152).

(61)

     Ara wkoll l-Artikolu 26(3) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125) dwar tilwim bejn klijenti domestiċi u impriżi tal-elettriku.

(62)

     Ara r-rapport annwali tal-attività tal-2018 tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni għat-Trasport tal-Passiġġieri (“Schlichtungsstelle für den öffentlichen Personenverkehr – söp”), disponibbli fuq https://soep-online.de/assets/files/14.03._soep_Jahresbericht%202018.pdf , p. 16.

(63)

     Ara r-rapport annwali tal-attività tal-2018 tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni tal-Konsumaturi,  https://www.verbraucherschlichtung.at/wp-content/uploads/2019/03/Jahresbericht-Onlineversion.pdf , p. 22.

(64)

     Ara Creutzfeld, N./Steffek, F., Zwischenbericht zur Funktionsweise der Allgemeinen Verbraucherschlichtungsstelle, Deutscher Bundestag, Drucksache 19/6890 tal-20.12.2018. 

(65)

Ara Deutscher Bundesrat, Drucksache 197/1/19 tas-27.5.2019, p. 7 (fil-paragrafu 11).

(66)

     L-eżerċizzji tat-testijiet involvew 120 espert tal-ODR innominati mill-Istati Membri, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, assoċjazzjonijiet tan-negozjanti u l-Forum Ewropew dwar id-Diżabbiltà. L-interfaċċi varji tal-pjattaforma ġew ittestjati fuq il-bażi ta’ xenarji tal-ħajja reali; ir-rispons riċevut direttament ingħata għall-iżvilupp tal-pjattaforma. Ara l-ewwel Rapport tal-ODR, COM(2017) 744 final, fil-paġna 3.

(67)

     Għal graff indikattiv fuq il-fluss tax-xogħol tal-pjattaforma ara l-ewwel Rapport tal-ODR, COM(2017) 744 final, fil-paġna 2.

(68)

     Billi l-Iżlanda għadha ma implimentatx id-Direttiva tal-ADR (ara hawn fuq, taqsima 3a)), s’issa għadha ma nnotifikat l-ebda entità tal-ADR. Konsegwentement, bħalissa l-pjattaforma ma tistax tittrażmetti kwalunkwe tilwim ippreżentat kontra negozjanti stabbiliti fl-Iżlanda lil entità tal-ADR.

(69)

     Ir-rapporti huma aċċessibbli fuq https://ec.europa.eu/consumers/odr/main/?event=main.statistics.show .

(70)

     Ara l-ewwel u t-tieni Rapporti tal-ODR tal-Kummissjoni, loc. cit. Is-sejbiet huma kkonfermati b’mod konsistenti mid-data dwar l-użu tal-pjattaforma, stħarriġ ad hoc u stħarriġ permanenti tal-ħruġ fuq il-pjattaforma tal-ODR.

(71)

     S’issa, l-Iżlanda għadha ma nnominat l-ebda punt ta’ kuntatt tal-ODR (cp. hawn fuq, taqsima 3e).

(72)

     Franza, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Finlandja.

(73)

     Il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Finlandja u l-Iżvezja. F’uħud minn dawn l-Istati Membri (pereżempju, L-Iżvezja), il-punti ta’ kuntatt tal-ODR madankollu jgħinu lill-utenti ta’ pjattaformi b’tilwim domestiku billi jindirizzawhom mill-ġdid lil korp nazzjonali jew reġjonali xieraq. Fil-Ġermanja, il-gvern federali ressaq abbozz ta’ liġi li jipproponi li jiġu estiżi l-kompetenzi tal-punt ta’ kuntatt tal-ODR biex ikopri wkoll it-tilwim domestiku, ara Deutscher Bundesrat, Drucksache 197/19 tas-26.4.2019, p. 6 (fil-paragrafu 13).

(74)

     Ara l-Artikolu 7(3) u (4) tar-Regolament tal-ODR.

(75)

     F’dan il-grupp ta’ pajjiżi, Ċipru u s-Slovakkja biss jillimitaw is-servizzi li l-punti ta’ kuntatt tal-ODR tagħhom huma meħtieġa jipprovdu f’każijiet domestiċi: F’Ċipru, il-punt ta’ kuntatt tal-ODR ma jagħtix pariri dwar ir-regoli ġenerali tal-ADR, fis-Slovakkja, il-punt ta’ kuntatt tal-ODR ma jipprovdix informazzjoni ġenerali dwar id-drittijiet tal-konsumatur f’każijiet domestiċi.

(76)

     85 % tal-mistoqsijiet huma mill-konsumaturi, 13 % min-negozjanti. Parti żgħira ħafna biss mill-mistoqsijiet toriġina minn entità tal-ADR jew minn punt ta’ kuntatt tal-ODR ieħor (1 % kull wieħed). Il-maġġoranza tal-pajjiżi għandhom distribuzzjoni ta’ mistoqsijiet bejn wieħed u ieħor simili, b’xi eċċezzjonijiet: Il-Litwanja (47 % tal-mistoqsijiet tan-negozjanti) jew ir-Renju Unit (99 % tal-mistoqsijiet tal-konsumaturi). 79 % tal-mistoqsijiet saru barra mis-sistema (jiġifieri bil-posta elettronika jew bit-telefown), anke meta jkunu relatati ma’ każ partikolari li tressaq fuq il-pjattaforma.

(77)

     28 % tal-bejjiegħa bl-imnut onlajn ipprovdew il-link għall-pjattaforma tal-ODR, b’varjazzjoni konsiderevoli fost l-Istati Membri, is-setturi tal-bejgħ bl-imnut u l-ħwienet tal-Internet ta’ daqs differenti.

(78)

     ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.

(79)

     Ara l-Artikoli 17 et seqq. tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012.

(80)

     ĠU L 110, 1.5.2009, p. 30.

(81)

     Ara COM(2018) 184 final.

(82)

     ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1 – kif emendat mir-Regolament (UE) 2015/2421 (ĠU L 341, 24.12.2015, p. 1).

(83)

     ĠU L 399, 30.12.2006, p. 1 – kif emendat mir-Regolament (UE) 2015/2421 (loc. cit.).

(84)

     Għalkemm iż-żewġ strumenti mhumiex limitati għal tilwim tal-konsumaturi, dawn jistgħu jikkostitwixxu għodod effettivi wkoll għall-eżekuzzjoni tal-liġi tal-konsumatur fuq livell privat. Għaż-żewġ strumenti, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 għall-każijiet tal-konsumaturi japplikaw fil-prinċipju; għall-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 jagħti protezzjoni addizzjonali minħabba li l-każijiet kollha kontra l-konsumaturi jistgħu biss jitressqu fl-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.

(85)

     ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1. Ir-Regolament se jissostitwixxi l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni attwali skont ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 b’effett mis-17 ta’ Jannar 2020.

Top