IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.9.2015
COM(2015) 453 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar ir-ritorn
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015DC0453
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND TO THE COUNCIL EU Action Plan on return
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar ir-ritorn
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar ir-ritorn
COM/2015/0453 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.9.2015
COM(2015) 453 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar ir-ritorn
I.Introduzzjoni
Ir-ritorn ta’ migranti irregolari li ma jkollhomx id-dritt li jibqgħu fl-UE lejn il-pajjiżi ta' oriġini tagħhom, b’rispett sħiħ għall-prinċipju ta’ non-refoulement, huwa parti essenzjali tal-isforzi komprensivi tal-UE biex jindirizzaw il-migrazzjoni u b’mod partikolari biex titnaqqas il-migrazzjoni irregolari. L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni 1 , adottata mill-Kummissjoni Ewropea fit-13 ta’ Mejju 2015, enfasizzat li wieħed mill-inċentivi tal-migrazzjoni irregolari huwa l-għarfien li s-sistema tal-UE għar-ritorn tal-migranti irregolari mhijiex effettiva biżżejjed.
Fl-2014, anqas minn 40 % tal-migranti irregolari li kienu ordnati biex joħorġu mill-UE telqu b’mod effettiv. Wieħed mill-modi l-aktar effettivi biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni irregolari hija r-ritorn sistematiku, volontarju jew sfurzat, ta’ dawk li ma għandhomx jew ma għandhomx iktar id-dritt li jibqgħu fl-Ewropa. Anqas nies li ma għandhomx bżonn protezzjoni internazzjonali jistgħu ikunu lesti li jissograw ħajjithom u jaħlu flushom biex jaslu fl-UE jekk huma ikunu jafu li jintbagħtu lura d-dar malajr.
L-effettività tas-sistema tal-UE għar-ritorn ta' migranti irregolari għandha tiġi msaħħa. Dan huwa essenzjali sabiex tinżamm il-fiduċja pubblika fis-sistema ta’ ażil tal-UE u sabiex tingħata għajnuna lil persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. Iż-żieda tar-rata ta' ritorn ta’ migranti irregolari teħtieġ li timxi id f’id ma’ sforzi mġedda tal-UE li tipproteġi lil dawk fil-bżonn, inkluż permezz ta’ rilokazzjoni u ta’ risistemazzjoni.
Il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni "biex tistabbilixxi Programm Ewropew ta’ Ritorn iddedikat". Dan il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar ir-ritorn iwieġeb din is-sejħa billi jiddefinixxi miżuri immedjati u fuq perjodu medju li jittieħdu biex isaħħu l-effettività ta’ sistema ta' ritorn tal-UE. Huwa jfittex li jimmassimizza l-impatt tal-azzjonijiet li diġà qegħdin jitwettqu kif ukoll billi jipproponi inizjattivi ġodda, li jagħmel użu sħiħ u, fejn meħtieġ, isaħħaħ il-leġislazzjoni tal-UE. L-għan huwa li jinkiseb qafas koerenti għal azzjoni, bl-appoġġ tal-kooperazzjoni operattiva b'saħħitha bejn l-Istati Membri, l-aġenziji tal-UE u l-pajjiżi tal-oriġini tal-migranti. Il-Pjan ta’ Azzjoni jirrikonoxxi r-rwol importanti u r-responsabbiltà tal-Istati Membri biex jimplimentaw il-politika ta’ ritorn tal-UE u jiżviluppa kunċett għal interazzjoni aktar b’saħħitha dwar ir-ritorn bejniethom u l-aġenziji tal-UE, li jipprovdi appoġġ sinifikanti.
L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha f’din il-Komunikazzjoni jkollha tkun konformi mal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar ir-Rifuġjati u l-Protokoll tagħha tal-1967, u mal-prinċipju ta’ non-refoulement, kif garantiti fil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE. Id-Direttiva tal-UE dwar ir-Ritorn 2 tistabbilixxi salvagwardji legali speċifiċi li jiggarantixxu protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-persuni rimpatrijati fil-proċess tar-ritorn kollu. Meta tkun involuta data personali, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet applikabbli.
Jeħtieġ li jiġu allokati riżorsi adegwati biex tiżdied l-effettività tal-politika tal-UE dwar ir-ritorn, f’konformità mat-talba tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta’ Ġunju 2015. Filwaqt li wieħed ikompli jibni fuq il-Fond Ewropew għar-Ritorn (2008-2013), il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF - Asylum, Migration and Integration Fund) jappoġġa b’mod sostanzjali l-attivitajiet ta’ ritorn tal-Istati Membri, li qegħdin jippjanaw li jiddedikaw aktar minn EUR 800 miljun biex jirritornaw fil-programmi nazzjonali tagħhom fil-perjodu 2014-2020. Il-Kummissjoni tikkunsidra bir-reqqa l-ħtieġa li jiżdiedu r-riżorsi allokati għal attivitajiet ta’ ritorn fil-livell tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-finanzjament ta’ azzjonijiet tal-Frontex f’dan il-qasam, u tagħmel proposti kif xieraq fis-snin li ġejjin.
II.Iż-żieda tal-effettività tas-sistema tal-UE għar-ritorn ta' migranti irregolari
1.It-tisħiħ ta’ ritorn volontarju
Ir-ritorn volontarju ta’ migranti irregolari lejn pajjiżhom tibqa’ l-għażla preferuta kull meta jkun possibbli. Ir-ritorn volontarju u l-miżuri ta’ integrazzjoni mill-ġdid jgħinu biex jikkonsolidaw il-pożizzjoni ta’ dawk li jirritornaw fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom u b’hekk jiskoraġġixxu l-migrazzjoni irregolari ġdida. Dawn huma ġeneralment meqjusa bħala aktar effiċjenti f’termini ta’ kostijiet mir-ritorn sfurzat. Ir-ritorn volontarju jista’ jgħin ukoll biex tingħeleb ir-riluttanza ta’ ċerti pajjiżi terzi li jikkooperaw dwar ir-ritorn taċ-ċittadini tagħhom. Is-sehem ta’ ritorni volontarji mill-għadd totali tar-ritorni żdied b’mod gradwali fl-UE matul dawn l-aħħar snin. Fl-2013, huwa stmat li madwar 40 % tar-ritorni kien tluq volontarju, minn biss 14 % fl-2009 3 .
Filwaqt li l-Istati Membri huma primarjament responsabbli għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ programmi volontarji ta' ritorn, l-UE tipprovdi finanzjament għat-tali programmi, kif ukoll forum għall-iskambju tal-aħjar prattiki u għaż-żieda fil-kooperazzjoni operattiva dwar ir-ritorn volontarju. Skont il-programmi nazzjonali tal-AMIF għall-2014-2020, l-Istati Membri qegħdin jippjanaw li jirritornaw darbtejn in-numru ta' immigranti irregolari, pereżempju permezz ta' ritorni sfurzati. Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw qafas effettiv li jippermetti lill-migranti irregolari li jkollhom aċċess faċli għal programmi ta’ ritorn volontarju. Il-programmi ta’ ritorn volontarju assistit 4 għandhom jitfasslu b’tali mod li jiġi evitat il-ħolqien ta’ inċentivi "attraenti" - għal aktar migranti irregolari li jiġu l-Ewropa biex jibbenefikaw minn dawn il-programmi 5 .
Il-Kummissjoni timmonitorja u tivvaluta permezz tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni 6 (European Migration Network - EMN) jekk id-disparitajiet bejn ritorn volontarju u programmi ta’ riintegrazzjoni tal-Istati Membri jistgħux iwasslu għal "xiri lura" — b'migranti li jagħżlu dawk l-Istati Membri li joffru pakketti l-aktar lukrattivi 7 . Dan jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżviluppaw proġetti ta’ riintegrazzjoni konġunti, li jistgħu jtejbu kemm il-kwalità tal-appoġġ provdut lill-migranti u l-kosteffiċjenza tagħhom - permezz ta’ ekonomija ta’ skala fuq l-ispejjeż amministrattivi.
Biex tkompli żżid ir-rata ta’ ritorn volontarju, il-Kummissjoni tiffinanzja programmi ta’ ritorn volontarju assistit permezz tal-AMIF f’kooperazzjoni ma’ msieħba governattivi u mhux governattivi, bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM - International Organization for Migration). Hija tappoġġa Netwerk Ewropew dwar Strument ta’ Riintegrazzjoni (ERIN - European Reintegration Instrument Network), li jipprovdi appoġġ għar-riintegrazzjoni soċjali , u appoġġ soċjali u tax-xogħol għal dawk li jirritornaw. Lil hinn mill-possibbiltajiet finanzjarji tal-AMIF, il-provvediment ta’ fondi għal ritorn u riintegrazzjoni sostenibbli tkun prijorità ċara skont il-programmi ta’ finanzjament tal-UE fl-oqsma tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-politika tal-viċinat. B’mod partikolari, il-Fond Fiduċjarju li jiġi varat mis-Summit tal-Belt Valletta bejn l-UE u l-Afrika dwar il-Migrazzjoni (11-12 ta’ Novembru 2015) għandu jipprovdi finanzjament sostanzjali għar-ritorn u r-riintegrazzjoni tal-migranti fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom.
Iżda s-suċċess ta' skemi ta' ritorn volontarju jiddependi wkoll minn kemm huwa kredibbli l-prospett ta' ritorn sforzat. Il-migranti li sikwit ħalsu bi flus imfaddla matul ħajjithom lit-traffikanti sabiex iġibuhom lejn l-Ewropa jistgħu ma jkunux lesti biex jaċċettaw ritorn assistit volontarju sakemm huma ma jarawx li huma jiġu rritornati xorta waħda. Meta l-migranti ma jmorrux lura b’mod volontarju, ir-ritorn għandu jiġi infurzat.
Azzjonijiet immedjati |
Il-monitoraġġ tal-effetti ta’ disparitajiet bejn l-iskemi nazzjonali ta’ ritorn volontarju Il-finanzjament permezz tal-AMIF ta’ programmi ta’ ritorn volontarju assistit |
Azzjonijiet fuq perjodu medju |
Il-promozzjoni tal-aħjar prattiki dwar ir-ritorn volontarju u l-programmi ta’ riintegrazzjoni permezz tal-EMN L-appoġġ għal programmi ta’ riintegrazzjoni konġunta |
2.Infurzar aktar b’saħħtu tar-regoli tal-UE
L-applikazzjoni bir-reqqa u b'mod sistematiku tar-regoli tal-UE dwar ir-ritorn hija essenzjali biex tiżdied l-effettività tas-sistema. Id-Direttiva tal-UE dwar ir-ritorn timponi obbligu legali fuq l-Istati Membri 8 biex joħorġu deċiżjoni dwar ir-ritorn lil kull ċittadin ta' pajjiż terz li joqgħod irregolarment fit-territorju tagħhom u - meta jkun meħtieġ - li jieħdu l-miżuri biex jinfurzawha 9 . Din tistabbilixxi wkoll salvagwardji biex jiġu protetti d-drittijiet ta’ dawk li jirritornaw, u tippermetti ritorn li jitwettaq b’mod uman u b’mod proporzjonat.
Sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom biex jinfurzaw ir-ritorn, l-Istati Membri għandhom jużaw id-detenzjoni, bħala miżura leġittima tal-aħħar għażla, meta dan ikun neċessarju biex jiġi evitat li l-migranti irregolari jaħarbu u li jżommuhom milli jittrasferrixu ruħhom fi Stati Membri oħra (movimenti sekondarji) 10 . Sakemm ikun hemm probabbiltà raġonevoli ta’ tneħħija, il-prospetti għal tali tneħħija ma għandhomx jiddgħajfu minħabba t-tmiem prematur ta’ detenzjoni. Il-perjodu massimu ta’ detenzjoni previst mil-liġi nazzjonali għandu jippermetti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jieħdu l-passi li huma meħtieġa għall-identifikazzjoni ta’ migrant irregolari u l-konsenja ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar mill-pajjiż tal-oriġini. L-Istati Membri għandhom jesploraw alternattivi ġodda għal detenzjoni u l-użu ta’ miżuri anqas koerċittivi, kif xieraq. Dan jista’ jinkludi t-tqegħid ta’ migranti irregolari taħt sorveljanza elettronika jew l-użu ta’ faċilitajiet nofshom magħluqin.
Id-Direttiva dwar ir-Ritorn tagħti wkoll flessibbiltà lill-Istati Membri biex jittrattaw sitwazzjonijiet ta’ pressjoni migratorja partikolari. Skont il-klawżola ta’ emerġenza 11 , l-Istati Membri affaċċjati b'wasla f’daqqa u mhux mistennija ta’ numru kbir ta’ migranti għandhom ċerta flessibbiltà fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni magħluqa tal-migranti. L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw proċeduri simplifikati u ta' ritorn malajr għal migranti arrestati jew interċettati b’konnessjoni ma’ qsim irregolari tal-fruntieri, skont il-liġi nazzjonali, b’rispett għal ċerti salvagwardji bażiċi 12 .
Il-Kummissjoni bħalissa qiegħda tevalwa l-istat tal-applikazzjoni tad-Direttiva u tuża l-mezzi kollha biex tinfurza l-implimentazzjoni korretta tagħha, kemm fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-migranti irregolari u l-infurzar effettiv u sħiħ tal-proċess ta’ ritorn. Hija tipprovdi għajnuna lill-Istati Membri biex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom. U hija tibda proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri li ma jikkonformawx bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet kollha tagħha inkluż mal-obbligu li joħorġu u jinfurzaw deċiżjonijiet ta’ ritorn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippreżenta mhux aktar tard mill-2017 rapport ieħor lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jikkunsidra wkoll jekk ikunx meħtieġ li tiġi riveduta d-Direttiva dwar ir-Ritorn.
L-oqfsa legali u amministrattivi tal-Istati Membri għandhom ukoll rwol importanti fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet li jippermettu politika ta’ ritorn effettiva. Huma għandhom jiżguraw azzjoni vivaċi, billi jibdew bl-identifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, il-ħruġ u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn u proċeduri mgħaġġla legali 13 . Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom juru biżżejjed rieda qawwija u jiddedikaw riżorsi adegwati, inkluż il-finanzjament, il-kapaċità tal-persunal u tad-detenzjoni, biex tiġi żgurata d-disponibbiltà fiżika għar-ritorn ta’ migranti irregolari, inkluż permezz ta’ detenzjoni jekk ikun meħtieġ.
Il-prattiki diverġenti tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn ixekklu l-effettività ta’ sistema tal-UE dwar is-sistema tar-ritorn, billi l-migranti irregolari jistgħu jevitaw ir-ritorn lejn Stat ieħor fiż-żona Schengen. Id-data tal-istatistika tissuġġerixxi li ċerti Stati Membri ma joħorġux sistematikament deċiżjonijiet ta’ ritorn għall-migranti f’sitwazzjoni irregolari u li huma arrestati fit-territorju tagħhom jew għall-persuni li l-applikazzjonijiet tagħhom għall-ażil ġew irrifjutati.
Il-Kummissjoni regolarment tidentifika u tikkondividi l-aħjar prattiki dwar ir-ritorni fil-liġijiet nazzjonali u l-prattiki amministrattivi. Il-"Manwal dwar ir-Ritorn", adottat flimkien ma’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar ir-ritorn, jipprovdi linji gwida, l-aħjar prattiki u rakkomandazzjonijiet għat-twettiq ta’ ritorn effikaċi u b’mod uman b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u s-salvagwardji kif garantiti mil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. B’mod parallel, l-evalwazzjoni sistematika ta’ kif kull Stat Membru jimplimenta r-regoli tal-UE dwar ir-ritorn, skont il-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni ta’ Schengen, tiffaċilita l-identifikazzjoni u r-rimedju ta’ nuqqasijiet. Dawn ir-rapporti jintużaw sabiex jinxterdu l-aħjar prattiki biex jingħelbu l-ostakoli għar-ritorni. Barra minn hekk, l-EMN għandu jkompli jimmappja l-aħjar prattiki u l-ostakli għar-ritorn fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u s-sistemi amministrattivi biex igħin lill-Istati Membri fit-titjib tal-effettività tas-sistemi ta’ ritorn tagħhom.
Politika ta’ ritorn effettiva teħtieġ l-eżistenza ta’ sistema dwar l-ażil li tiffunzjona, sabiex jiġi żgurat li t-talbiet infondati għall-ażil jwasslu għat-tneħħija malajr ta’ persuna fit-territorju Ewropew. Id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil diġà tipprevedi l-ipproċessar rapidu ta’ ċerti applikazzjonijiet. Skont l-hekk imsejħa proċedura tal-fruntiera, applikant jista’ jinżamm f’detenzjoni fil-fruntiera u japplikaw skadenzi qosra ħafna għall-eżami tal-applikazzjoni. L-applikanti għall-ażil iridu jiġu infurmati dwar il-possibbiltà ta’ ritorn volontarju assistit minn kmieni u fl-istadji kollha tal-proċedura tal-ażil. Tingħata alternattiva soda lill-applikanti li ġew irrifjutati l-ażil u lil dawk li jixtiequ jwaqqgħu t-talba tagħhom sabiex jirritornaw lejn pajjiżhom b'dinjità. Fejn ir-ritorn volontarju ma jkunx possibbli, għandhom jittieħdu miżuri adegwati li jipprevjenu l-ħarba mill-applikanti li ġew irrifjutati l-ażil.
Azzjonijiet immedjati |
Evalwazzjoni tal-istat ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva tar-Ritorn Evalwazzjonijiet ta’ Schengen dwar ir-ritorn (għadhom għaddejjin) |
Azzjonijiet fuq perjodu medju |
Reviżjoni possibbli tad-Direttiva tar-Ritorn bbażata fuq it-tieni rapport ta’ implimentazzjoni (mhux aktar tard mill-2017) L-immappjar tal-aħjar prattiki u ostakli għar-ritorn fil-liġi nazzjonali u l-prattika amministrattiva permezz tal-EMN L-integrazzjoni ta’ informazzjoni dwar ir-ritorn volontarju assistit fil-proċess tal-ażil |
3.Titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni għall-infurzar tar-ritorn
Is-sistemi Ewropej ta’ informazzjoni eżistenti — b’mod partikolari tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-Eurodac - għandhom jintużaw aħjar biex titjieb l-effettività tas-sistema tal-UE dwar ir-ritorn.
Bħalissa, l-Istati Membri ma jikkondividux sistematikament informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet ta’ ritorn jew projbizzjonijiet ta’ dħul li joħorġu lill-migranti. Huwa, għaldaqstant, possibbli għal migrant irregolari li huwa taħt l-obbligu legali li jitlaq sabiex jevita li jirritorna sempliċiment billi jiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor fiż-żona Schengen 14 . Jekk jiġi arrestat, ikollha tinbeda proċedura ġdida, li jippostponi ulterjorment ir-ritorn ta’ dik il-persuna. Mhuwiex, għalhekk, possibbli li jiġi żgurat fil-prattika r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa mill-Istat Membru u l-infurzar tagħhom madwar l-UE.
Il-Kummissjoni tipproponi bidliet mas-SIS li jtejbu l-użu tagħha għar-ritorn ta’ migranti irregolari. Il-Kummissjoni għandha, l-ewwel nett, tipproponi li tagħmilha obbligatorja għall-Istati Membri li jintroduċu l-projbizzjonijiet ta’ dħul kollha fis-SIS 15 biex jiġi evitat id-dħul mill-ġdid fiż-żona Schengen ta’ migranti li kienu suġġetti għal projbizzjonijiet ta’ dħul maħruġa minn Stat Membru permezz ta' Stat Membru ieħor. Hija tipproponi wkoll li l-Istati Membri jintroduċu fis-SIS id-deċiżjonijiet ta’ ritorn kollha maħruġa minnhom 16 . Dan għandu jippermetti l-ittraċċar ta' individwu li jipprova jaħrab minn ordni ta’ ritorn billi jiċċaqlaq fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, hija tipproponi l-iżvilupp ta’ Sistema ċentrali ta’ Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba’ Awtomatizzata għas-SIS, sabiex tgħin biex tiġi stabbilità l-identità ta’ persuni mingħajr identità kkonfermata, inklużi l-migranti irregolari.
Ir-ritorn huwa mxekkel wkoll minn nuqqas ta’ komunikazzjoni u kooperazzjoni fost l-Istati Membri dwar persuni li jkollhom permess ta’ residenza fi Stat Membru wieħed, iżda, fl-istess ħin, huma suġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn fi Stat Membru ieħor. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu netwerk ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali biex jiskambjaw informazzjoni dwar l-irtirar ta’ permessi ta’ residenza, b’mod partikolari għall-migranti b’felina penali. L-Istati Membri għandhom ukoll l-obbligu li jdaħħlu kull dokument invalidat, bħal permessi ta’ residenza, fis-SIS għall-qbid 17 . Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li dan l-obbligu jiġi sodisfat b’mod sistematiku.
Barra minn hekk, il-proposta riveduta dwar il-Fruntieri Intelliġenti li l-Kummissjoni tippreżenta fil-bidu tal-2016 18 tgħin biex jitjiebu r-rati ta’ ritorn, bil-ħolqien ta’ rekord tal-movimenti transkonfinali kollha minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Dan jippermetti t-traċċar ta’ persuni li jdumu aktar miż-żmien li għalih ikollhom permess kif ukoll li tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta’ dawk li qerdu d-dokumenti tal-identità tagħhom.
Il-Kummissjoni tesplora wkoll l-estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-għan tar-Regolament Eurodac 19 , sabiex jiġi permess l-użu ta’ data għal skopijiet ta’ ritorn. L-għan jkun li jippermetti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mir-ritorn sabiex jiksbu informazzjoni dwar jekk il-migrant arrestat kienx diġà ġie arrestat u/jew ittieħdulu l-marki tas-swaba tiegħu fi Stat Membru ieħor. Tali informazzjoni tista’ tgħin biex jiġu identifikati l-migranti irregolari u b’hekk jiġi ffaċilitat ir-ritorn tagħhom.
Ir-Regolament VIS, li jipprevedi li d-data bijometrika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li japplikaw għal viża hija ssevjata fil-VIS, jiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ detenturi tal-viża. Dan jippermetti wkoll, abbażi ta' kundizzjonijiet stretti, it-trasferiment u l-kondiviżjoni ta’ ċerta data mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, sabiex igħin biex tiġi kkonfermata l-identità taċ-ċittadini tagħhom. Dan jista’ jiffaċilita l-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar għar-ritorn. Il-Kummissjoni bħalissa qiegħda tevalwa l-implimentazzjoni tal-VIS, inkluż l-użu ta’ din id-dispożizzjoni, u ser tirrapporta dwar ir-riżultati.
Azzjonijiet immedjati |
L-evalwazzjoni tas-SIS (għadha għaddejja) L-istabbiliment ta’ netwerk ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali dwar l-irtirar ta’ permessi ta’ residenza |
Azzjonijiet fuq perjodu medju |
Il-proposti leġiżlattivi dwar l-introduzzjoni obbligatorja ta’ projbizzjonijiet ta’ dħul u deċiżjonijiet ta’ ritorn fis-SIS (2016) Il-proposta riveduta dwar il-Fruntieri Intelliġenti (2016) Li tiġi esplorata l-possibbiltà ta’ estensjoni tar-Regolament Eurodac L-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-VIS (2016) |
4.It-tisħiħ tar-rwol u l-mandat tal-Frontex
Il-Frontex għandu rwol kruċjali biex itejjeb il-kooperazzjoni prattika dwar ir-ritorn, li għandha tiżdied. Attwalment, l-Aġenzija għandha l-kompitu li tipprovdi assistenza lill-Istati Membri dwar ir-ritorn ta’ migranti irregolari, mingħajr ma tidħol fil-mertu ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, b’mod partikolari billi torganizza operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn u billi tidentifika l-aħjar prattiki dwar l-akkwist ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u t-tneħħija ta’ migranti.
L-Istati Membri huma mħeġġa biex jużaw aktar sistematikament il-possibbiltà li jirritornaw il-migranti irregolari permezz ta’ Operazzjonijiet Konġunti ta’ Ritorn organizzati u kkoordinati minn Frontex, li jippermetti t-tagħqid flimkien ta’ riżorsi. Huma għandhom jinformaw b’mod regolari lill-Frontex dwar il-ħtieġa tagħhom għall-assistenza għal ritorn u għall-koordinazzjoni.
L-identifikazzjoni tal-migranti u t-twassil ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar għar-ritorn tagħhom hija sfida ewlenija. Il-Frontex għandu jiffaċilita l-kuntatti u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, speċjalment ta’ dawk li m'għandhom l-ebda rappreżentanza konsulari fl-Istati Membri kkonċernati. U huwa għandu saħansitra jassisti lill-Istati Membri permezz ta’ kiri ta’ ajruplani għal operazzjonijiet ta’ ritorn, inkluż billi jikrihom huwa stess. Il-monitoraġġ mill-grupp stabbilit skont il-proġett ta’ Monitoraġġ ta’ Ritorn Imġiegħel 20 jista' isir disponibbli, biex jipprovdi rappurtar newtrali tal-operazzjonijiet ta’ ritorn; Il-Frontex jista’ jiffinanzja l-ispejjeż tal-provvista ta' sorveljanti. Huwa jista’ jgħin ukoll lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu gruppi ta’ skorti li jistgħu jintbagħtu malajr fuq titjiriet ta' ritorn, billi jipprovdi taħriġ.
Appoġġ imsaħħaħ għall-Istati Membri li huma l-aktar esposti, skont l-approċċ tal-"Hotspot" L-approċċ taż-żoni sensittivi ("Hotspot") varat mill-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni jippermetti żieda sostanzjali fl-iskala ta’ appoġġ operattiv li tingħata lill-Istati Membri li jinsabu taħt pressjoni migratorja. Skont dan l-approċċ, il-Frontex jista’ jibgħat timijiet mobbli biex jipprovdu appoġġ operattiv fuq il-post u informazzjoni dwar ir-ritorn lejn dawn l-Istati li huma l-aktar esposti, f’diversi stadji. L-ewwel nett, hija tista’ tgħin bl-identifikazzjoni tal-migranti. L-esperti kkoordinati mill-Frontex jistgħu jgħinu lill-Istati Membri sabiex jirreġistraw il-migranti arrestati u l-migranti li jkunu waslu, kemm b'mod dokumentat u kif ukoll mingħajr dokumenti. Dawn jistgħu jiskrinjaw migranti li jkunu għadhom kif waslu, sabiex tiġi stabbilita n-nazzjonalità preżunta tagħhom u jevitaw l-iskambju taċ-ċittadinanza. Dan jgħin biex jiġu identifikati malajr dawk li għandhom jiġu ritornati u dawk li x’aktarx ikunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. Dan għandu jippermetti lill-Istati Membri kkonċernati sabiex iwettqu skrinjar sistematiku tal-migranti kollha li ma humiex dokumentati tajjeb li ġew interċettati wara li jkunu qasmu l-fruntiera illegalment. Biex tikkonferma in-nazzjonalità preżunta tal-migranti, il-Frontex jista’ jiżgura kooperazzjoni mill-qrib mal-ambaxxati jew mas-servizzi konsulari fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Huwa jista’ jistieden u jiffaċilita l-ħidma tat-task forces li jiġbru l-uffiċjali tal-immigrazzjoni / uffiċjali konsulari minn dawk il-pajjiżi biex jitwettqu intervisti għall-identifikazzjoni u jitħaffef il-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar għar-ritorn. Dan jista’ jinvolvi, kif xieraq, netwerks li jkunu qegħdin jaħdmu fuq ir-ritorn. Il-Frontex jista’ wkoll igħin fl-organizzazzjoni, u jista’ jikkoordina u jikkofinanzja operazzjonijiet ta’ ritorn lejn il-pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ tranżitu. Il-Frontex għandu jikkunsidra waqfien sistematiku ta’ titjiriet ta’ ritorn konġunt minn Stati Membri oħra f’Stati Membri li huma l-aktar esposti. Għall-għanijiet ta' identifikazzjoni, huwa importanti li l-Istati Membri, speċjalment dawk li huma l-aktar esposti, jieħdu l-miżuri xierqa biex jiġi evitat li l-migranti jaħarbu u jimbarkaw fuq movimenti sekondarji lejn Stati Membri oħra. |
Kif imħabbar fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, il-Kummissjoni tressaq, fl-2016, proposti leġiżlattivi biex issaħħaħ il-mandat tal-Frontex dwar ir-ritorn. Mingħajr preġudizzju għar-riżultati tal-valutazzjoni tal-Aġenzija, li għandha titlesta fl-2015, u l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposti, il-Kummissjoni tesplora modi biex l-Aġenzija tingħata mandat iktar b’saħħtu li jkopri kemm il-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni operattiva tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni u r-ritorn tal-migranti irregolari. Hija tipproponi t-twaqqif ta’ Uffiċċju tar-Ritorn tal-Frontex apposta, biex tirrifletti aħjar ir-rwol tal-aġenzija dwar ir-ritorn.
B’mod partikolari, filwaqt li tibni fuq l-esperjenza tal-hotspots, hija tikkunsidra t-twaqqif ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu ta’ Ritorn tal-Frontex, li joffru appoġġ dwar l-identifikazzjoni, kooperazzjoni konsulari ma’ pajjiżi terzi, u l-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn għall-Istati Membri. Hija tikkunsidra wkoll li tippermetti lill-Aġenzija biex tniedi operazzjonijiet ta’ ritorn - attwalment, l-Istati Membri biss jistgħu jibdew operazzjonijiet bħal dawn - u biex tikkoordina u torganizza operazzjonijiet ta’ ritorn minn Stat Membru wieħed biss.
Il-Kummissjoni tesplora wkoll modi biex tespandi l-appoġġ li l-Frontex jipprovdi lill-pajjiżi fil-viċinat tal-UE 21 dwar ir-ritorn ta’ migranti irregolari, permezz ta’ għajnuna teknika u bini ta' kapaċità.
Barra minn hekk, biex tiżdied il-kapaċità tal-Frontex biex jipprovdi appoġġ operattiv, il-kapaċitajiet analitiċi tiegħu dwar ir-ritorn u r-riammissjoni għandhom jitwessgħu. B’mod partikolari, il-mandat tal-Aġenzija fir-rigward tal-analiżi tar-riskji għandu jiġi estiż għall-ġbir u l-analiżi tad-data tal-movimenti sekondarji irregolari ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fi ħdan l-UE, biex jiġi infurzat ir-ritorn ta’ dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkollhomx id-dritt legali li jibqgħu fl-UE. Il-pożizzjoni tagħha bħala ċentru tal-UE għall-iskambju tal-esperjenza operattiva u l-għarfien f’kwistjonijiet ta’ ritorn, permezz tan-netwerk ta’ Punti ta’ Kuntatt Dirett dwar ir-Ritorn, għandu jiġi kkonsolidat.
Il-Frontex għandu jiġi allokat riżorsi adegwati biex iwettaq il-kompiti tiegħu dwar ir-ritorn. Il-Kummissjoni pproponiet EUR 5 miljun addizzjonali għall-Frontex fil-baġit tal-2016 speċifikament għal attivitajiet ta’ ritorn. Dan għandu jagħmilha possibbli li jiġu allokati EUR 15 il-miljun fl-2016 għal dan il-għan. Il-proposti leġiżlattivi biex jissaħħaħ il-mandat ta’ Frontex ikun akkumpanjat minn dispożizzjonijiet li jiġu allokati riżorsi finanzjarji adegwati biex twettaq il-kompiti tagħha.
Azzjonijiet immedjati |
Użu aktar sistematiku ta’ Operazzjonijiet Konġunti ta’ Ritorn koordinati mill-Frontex Taħriġ mill-Frontex għal mexxejja ta' skorta u skorti (l-azzjoni għadha għaddejja) |
Azzjonijiet fuq perjodu medju |
Proposta leġiżlattiva li għandha l-għan li tespandi l-mandat tal-Frontex dwar ir-ritorn (2016) |
5.Sistema integrata ta’ ġestjoni ta’ ritorn
Il-Kummissjoni tħeġġeġ u tmexxi l-iżvilupp ta’ sistema integrata ta’ ġestjoni ta’ ritorn billi jiġu konnessi n-netwerks kollha ffinanzjati mill-UE u l-programmi li jiffukaw fuq ir-ritorn u r-riammissjoni. Hija tibni sinerġiji bejn l-Approċċ Ewropew Integrat dwar ir-Ritorn lejn pajjiżi terzi (EURINT), l-ERIN u n-Netwerk tal-Uffiċjali ta’ Kollegament Ewropew għar-Ritorn (EURLO) 22 .
Dawn in-netwerks għandhom jaħdmu b'mod ta’ rinforz reċiproku, biex tinkiseb sistema koerenti u effikaċi tal-ġestjoni tar-ritorn flimkien mal-Frontex, li jikkoordina din is-sistema ta’ ġestjoni integrata tar-ritorn fil-livell operattiv. B’mod partikolari, huma għandhom malajr jużaw task forces mobbli biex jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ migranti u l-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar għar-ripatrijazzjoni tagħhom, jittestjaw l-aħjar prattiki u jxxerduhom għal użu usa’. Tali koordinazzjoni għandha żżid il-konverġenza ta’ prattika dwar ir-ritorn fost l-Istati Membri u tiskoraġġixxi l-movimenti sekondarji.
Il-Kummissjoni tesplora modi biex iżżid l-aċċettazzjoni minn pajjiżi ta’ oriġini tal-laissez-passer tal-UE għar-ritorn ta’ migranti irregolari, inkluż billi żżid il-karatteristiċi ta’ sigurtà ta’ fuq id-dokument.
L-Uffiċjali ta’ Kollegament Ewropew dwar il-Migrazzjoni 23 (EMLO - European Migration Liaison Officers) li jiġu skjerati f’Delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi ewlenin ta’ oriġini jew ta’ transitu għandhom jiffaċilitaw il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ dawk il-pajjiżi dwar ir-riammissjoni taċ-ċittadini tagħhom preżenti b’mod irregolari fl-UE. L-EMLO għandhom jaħdmu mill-qrib ma’ Netwerk ta’ Uffiċjali ta’ Koollegament dwar l-Immigrazzjoni (ILO - Immigration Liaison Officers) preżenti f’dawn il-pajjiżi u ma’ Aġenziji tal-UE - b’mod partikolari l-uffiċjali ta’ kollegament tal-Frontex issekondati lejn dawn il-pajjiżi - u n-netwerks li jiffukaw fuq ir-ritorn, bħall-EURLO. Wara l-evalwazzjoni tal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ILO 24 , ippjanata għall-2016, il-Kummissjoni tesplora jekk huwiex meħtieġ li din tiġi riveduta sabiex jissaħħaħ il-valur miżjud tan-netwerk tal-ILO.
Il-Kummissjoni għandha wkoll il-ħsieb li tagħmel użu sħiħ mill-possibbiltajiet offruti mill-EMN biex tissaħħaħ l-analiżi u biex tiġi kondiviża l-informazzjoni dwar ir-ritorn. Id-data affidabbli, komparabbli u konsistenti tal-istatistika hija kruċjali biex jiġi permess l-iżvilupp ta’ risponsi ta’ politika adegwati. Minkejja li l-Istati Membri jipprovdu data tal-istatistika dwar ir-ritorni lill-Eurostat, ġew identifikati xi inkonsistenzi. Grupp ta’ ħidma ta’ kwalità speċifika, inkluż il-Kummissjoni, l-Eurostat u l-Aġenziji rilevanti tal-UE, għandu jindirizza din il-kwistjoni.
Azzjonijiet immedjati |
It-twaqqif ta' sistema integrata ta’ ġestjoni ta’ ritorn Id-definizzjoni tal-kompiti u tal-pajjiżi prijoritarji għall-iskjerament ta’ EMLO Pjan direzzjonali biex jitjieb il-ġbir ta’ data tal-istatistika dwar ir-ritorni |
Azzjonijiet fuq perjodu medju |
L-użu ta’ EMLO f’pajjiżi terzi ewlenin L-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ILO u proposti leġiżlattivi possibbli għar-reviżjoni tagħha Jiġu esplorati modi biex jiżdied ir-rikonoxximent ta’ laissez-passer tal-UE minn pajjiżi terzi |
III.It-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni ma’ pajjiżi ta’ oriġini u ta’ transitu
It-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar ir-ritorn u r-riammissjoni mal-pajjiżi prinċipali ta’ oriġini u ta’ tranżitu ta’ immigranti irregolari huwa essenzjali biex jiżdiedu r-rati ta’ ritorn u tiġi skoraġġuta ulterjorment il-migrazzjoni irregolari. Il-pajjiżi Afrikani, minfejn joriġinaw numru kbir ta’ migranti li jaslu jew joqogħdu b’mod irregolari fl-UE, huma prijorità. Ir-rati ta’ ritorn lejn il-pajjiżi Afrikani huma taħt it-30 % - ferm anqas mir-rata ġenerali ta’ ritorn mill-UE li, b'40 %, hija diġà insuffiċjenti. Is-Summit li jmiss tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni jipprovdi opportunità kbira biex nindirizzaw ir-riammissjoni, bħala parti minn diskussjoni usa’ dwar il-kooperazzjoni rigward il-migrazzjoni bejn l-UE u l-Afrika.
Ir-riammissjoni taċ-ċittadini proprji huwa obbligu skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju. Fir-rigward tal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), dan l-obbligu huwa stipulat ukoll fl-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Cotonou 25 .
L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni diġà enfasizzat il-ħtieġa għal azzjoni aktar b’saħħitha sabiex pajjiżi terzi jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jieħdu lura ċ-ċittadini tagħhom. Il-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta’ Ġunju 2015 kien jeħtieġ li l-għodod kollha jiġu mobilizzati biex iżidu l-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni.
Il-Kummissjoni tfittex li tiżgura, bħala kwistjoni ta’ prijorità, li l-impenji ta' riammissjoni jiġu implimentati b’mod effettiv u mingħajr dewmien. B’mod parallel, hija tiffoka fuq il-konklużjoni rapida tan-negozjati kontinwi u, jekk ikun hemm bżonn, il-ftuħ ta’ negozjati dwar ftehimiet ġodda ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi ewlenin ta’ oriġini. L-UE għandha, barra minn hekk, tniedi djalogi politiċi ta’ livell għoli dwar ir-riammissjoni ma’ pajjiżi rilevanti u ttejjeb sostanzjalment il-kooperazzjoni operattiva. Sabiex tilħaq dawn l-objettivi, l-UE għandu jkollha ingranaġġ adegwat f’relazzjoni mal-pajjiżi sħab.
1.L-implimentazzjoni effettiva ta’ impenji ta’ riammissjoni
Il-Kummissjoni taħdem biex tiżgura l-implimentazzjoni ta’ impenji ta' riammissjoni adottati kemm abbażi ta' ftehimiet ta’ riammissjoni speċifiċi u kif ukoll il-Ftehim ta’ Cotonou.
Sal-lum l-UE kkonkludiet 17 il-ftehimiet ta’ riammissjoni 26 . B’mod ġenerali, ir-ritorn u r-riammissjoni ta’ migranti irregolari lejn il-pajjiżi li għandhom tali ftehim mal-UE huwa aktar faċli. Il-laqgħat regolari tal-Kumitati Konġunti tar-Riammissjoni jippermettu l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet u jipprovdu mezz utli biex jiddiskutu u jindirizzaw problemi prattiċi. Il-Kummissjoni tuża bis-sħiħ dawn il-kumitati biex ittejjeb aktar il-kooperazzjoni prattika u jiżdiedu r-rati ta’ ritorn lejn il-pajjiżi msieħba.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiffoka fuq l-implimentazzjoni rapida tal-impenn adottat mill-UE u l-pajjiżi tal-AKP skont l-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Cotonou għar-riammissjoni taċ-ċittadini tagħhom stess mingħajr formalitajiet ulterjuri. Il-Kummissjoni, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), l-Istati Membri u l-Frontex jorganizzaw laqgħat bilaterali regolari dwar ir-riammissjoni ma’ pajjiżi ewlenin ta’ oriġini fl-Afrika tas-sub-Saħara biex iħaddmu din id-dispożizzjoni tal-Ftehim ta’ Cotonou. L-għan huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni prattika billi jiġu stabbiliti mezzi ta’ komunikazzjoni, jiġu identifikati l-arranġamenti għall-identifikazzjoni f’waqtha ta’ migranti irregolari u bil-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar jew l-użu ta' laissez-passer tal-UE għar-ritorn tagħhom.
Il-pajjiżi prijoritarji li magħhom jiġu organizzati laqgħat bħal dawn jinkludu n-Niġerja, is-Senegal, il-Mali, l-Etjopja, ir-Repubblika tal-Kongo, il-Guinea, il-Kosta tal-Avorju u l-Gambja, filwaqt li titqies l-evoluzzjoni tat-tendenzi migratorji.
Azzjonijiet immedjati |
Li jiġu organizzati laqgħat bilaterali ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi ta’ oriġini sub-Saħarjana, ibda minn Niġerja u s-Senegal |
2.Il-konklużjoni ta' ftehimiet kurrenti u l-bidu ta' negozjati ġodda dwar ftehimiet ta' riammissjoni
Filwaqt li n-naħa tal-Lvant tal-UE issa hija koperta tajjeb permezz ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni, in-naħa tan-Nofsinhar tagħha, li bħalissa hija suġġetta għal pressjoni migratorja qawwija, mhijiex hekk koperta, minkejja li numru ta’ ftehimiet bħalissa qegħdin jiġu negozjati 27 . Wieħed mill-ostakli ewlenin fin-negozjati ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni mal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq hija l-"klawsola ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi", li timpenja l-pajjiżi bir-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu għaddew mit-territorju tagħhom - għalkemm dawn il-pajjiżi huma xi kultant riluttanti biex jikkooperaw anki dwar it-teħid lura taċ-ċittadini tagħhom stess.
Ir-riammissjoni minn pajjiżi fl-Afrika tas-sub-Saħara taċ-ċittadini tagħhom stess - kif stipulat mill-Ftehim ta’ Cotonou - għandha tnaqqas il-pressjoni fuq il-pajjiżi ta’ tranżitu - billi l-migranti irregolari jirritornaw direttament lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Dan għandu, min-naħa, jiffaċilita l-konklużjoni ta’ ftehimiet mal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq.
Il-Kummissjoni tesplora wkoll il-ħtieġa li tniedi negozjati dwar ftehimiet ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi ewlenin oħra ta’ oriġini jew ta' tranżitu ta’ migranti irregolari. Għal pajjiżi li huma prinċipalment pajjiżi ta’ oriġini, u mhux ta’ tranżitu, il-klawżola ta' "ċittadini ta’ pajjiżi terzi" hija inqas rilevanti fil-każ tagħhom.
Azzjonijiet immedjati |
It-tnedija jew it-tnedija mill-ġdid ta' negozjati mal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq |
Azzjonijiet fuq perjodu medju |
L-esplorazzjoni tat-tnedija ta’ negozjati dwar ftehimiet ġodda ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi ewlenin ta’ oriġini |
3.Djalogi politiċi ta’ livell għoli dwar ir-riammissjoni
Barra minn hekk, l-UE timpenja ruħha fi djalogi politiċi ta’ livell għoli ma’ pajjiżi ta’ oriġini u ta’ transitu rilevanti għall-migranti irregolari, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew tal 25 u s-26 ta’ Ġunju 2015. Id-djalogi ta’ livell għoli, li jiġu mnieda mir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għandhom jiffokaw fuq pajjiżi fejn hemm bżonn ta’ impenn politiku u ta’ ingranaġġ, jew għall-implimentazzjoni ta’ impenji eżistenti jew għall-konklużjoni jew it-tnedija ta’ negozjati dwar ftehimiet ta’ riammissjoni. Huma jiżguraw li l-kwistjoni tar-ritorn u r-riammissjoni hija prijoritizzata fir-relazzjonijiet ma’ dawn il-pajjiżi. L-assistenza u l-politiki tal-UE għandhom ikunu użati bħala inċentivi biex jistimulaw ir-rieda tal-pajjiż imsieħeb li jikkoopera mal-UE.
Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun akkumpanjat mill-Membri rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea matul dawn id-djalogi. Id-Delegazzjonijiet tal-UE ikollhom rwol kruċjali fil-preparazzjoni u s-segwitu tagħhom.
B’kont meħud tan-numru ta’ migranti irregolari li ma ntbagħtux lura u l-istat ġenerali tar-relazzjonijiet mal-UE, il-pajjiżi possibilment prijoritarji għal djalogi ta’ livell għoli dwar ir-riammissjoni jinkludu l-Marokk, l-Alġerija, l-Eġittu, in-Niġerja, is-Senegal, il-Guinea, il-Mali, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Kosta tal-Avorju, l-Etjopja, il-Gambja, l-Afganistan, il-Bangladesh, il-Pakistan u s-Sri Lanka.
B’mod parallel, l-UE tuża b’mod sħiħ il-fora stabbiliti abbażi tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità, bħall-proċessi ta' Rabat u ta' Khartoum, is-Sħubija tar-Rotta tal-Ħarir, djalogi ta' mobilità u sħubiji, biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni.
Azzjonijiet immedjati |
Id-definizzjoni tal-lista ta’ pajjiżi prijoritarji u l-iskeda ta’ żmien għal djalogi ta’ livell għoli |
Azzjonijiet fuq perjodu medju |
It-tnedija u t-twettiq ta' djalogi politiċi ta’ livell għoli |
4.Appoġġ għal riintegrazzjoni u l-bini tal-kapaċità
Sabiex titjieb il-kooperazzjoni prattika u s-sostenibbiltà tar-ritorni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinvestu sforzi addizzjonali biex jappoġġaw ir-riintegrazzjoni ta’ ripatrijati u jtejbu l-kapaċità tar-riammissjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.
Appoġġ għal riintegrazzjoni għandu jiġi pprovdut fuq livell individwali kif ukoll fuq livell statali - biex jgħammru lir-ripatrijat u l-pajjiż ta’ oriġini b’mezzi għar-riintegrazzjoni. L-appoġġ speċifiku għandu jingħata wkoll lil pajjiżi ta’ tranżitu biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn - kemm volontarju kif ukoll sfurzat - ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jittranżitaw mit-territorju tagħhom jew jgħinuhom bil-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi terzi oħra, fejn meħtieġ u fattibbli.
Il-bini tal-kapaċità ta’ riammissjoni għandu jiffoka fuq it-titjib tal-abbiltà tal-awtoritajiet responsabbli biex iwieġbu fil-ħin għal talbiet ta’ riammissjoni u dwar l-iffaċilitar u t-tħaffif tal-identifikazzjoni taċ-ċittadini proprji minn pajjiżi ta’ oriġini. Il-prijoritajiet jinkludu l-iżvilupp ta’ reġistri ċivili awtomatizzati ċentralizzati u ta’ sistemi għall-ħruġ ta’ passaporti bijometriċi u dokumenti tal-identità, it-tnedija ta’ mezzi ta’ trasmissjoni awtomatizzata u l-ipproċessar ta’ talbiet ta’ riammissjoni (bħal pereżempju l-makkinarji għat-teħid tal-marki tas-swaba’), jew il-provvista ta' riżorsi materjali meħtieġa għall-ipproċessar ta’ talbiet ta’ riammissjoni u ta' riċeviment ta' ripatrijati, bħal mezzi ta’ trasport jew faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni temporanja. Barra minn hekk, l-appoġġ tekniku jista’ jingħata lil pajjiżi terzi biex jgħinu fl-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu ftehimiet jew arranġamenti ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi terzi oħra.
Biex tiffaċilita tali miżuri, il-Kummissjoni stabbiliet Faċilità ddedikata għall-Bini tal-Kapaċitajiet ta’ Riammissjoni (RCBF - Readmission Capacity Building Facility) ta’ EUR 5 miljun skont l-AMIF 28 . Din tkun estiża permezz ta’ finanzjament addizzjonali fis-snin li ġejjin. Permezz tal-RCBF, il-finanzjament jingħata lil pajjiżi terzi li kkonkludew jew huma mistennija li jikkonkludu ftehim ta’ riammissjoni mal-UE, u lil dawk il-pajjiżi li magħhom l-UE tfittex li ttejjeb il-koperazzjoni dwar r-riammissjoni. Il-RCBF tiffoka fuq il-bini ta’ kapaċità, inkluż dwar ir-riintegrazzjoni ta’ ripatrijati, u tippermetti lill-UE li tilqa’ għal ħtiġijiet urġenti b’mod f’waqtu.
L-UE tappoġġa wkoll programmi ta’ ritorn volontarju minn pajjiżi ta’ tranżitu ewlenin, billi huma aktar probabbli li l-migranti jieħdu l-opportunità li jirritornaw volontarjament lejn pajjiżhom mill-pajjiżi ta’ tranżitu, fi stadju matul il-vjaġġ tagħhom meta huma ma jkunux għadhom ħallsu l-ammont sħiħ ta’ flus lit-traffikanti u jkunu għadhom jistgħu jevitaw riskji kbar - pereżempju li jaqsmu l-Baħar Mediterran jew is-Saħara. Il-programmi dwar ir-ritorn volontarju minn pajjiżi ta’ tranżitu lejn il-pajjiżi ta’ oriġini, b’rispett sħiħ għall-prinċipju ta’ non-refoulement, għandhom ikunu appoġġati abbażi tal-Programmi ta’ Żvilupp u Protezzjoni Reġjonali fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Qarn tal-Afrika, kif ukoll abbażi tas-Sħubijiet ta’ Mobbiltà u Aġendi Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobbiltà. Dawn il-programmi għandhom jiġu żviluppati wkoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi fi transitu mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.
Għandu jingħata finanzjament suffiċjenti mis-sorsi kollha rilevanti, b’mod partikolari minn strumenti tal-għajnuna għall-iżvilupp, bħala appoġġ għar-riintegrazzjoni ta’ ripatrijati fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Appoġġ għal rintegrazzjoni għandu jiġi inkorporat fi skemi eżistenti fil-pajjiżi ta’ oriġini, bħal programmi edukattivi u vokazzjonali, il-mikrofinanzjament u l-appoġġ għall-intraprenditorija - li għandu jiġi estiż ulterjorment. Il-Fond Fiduċjarju tal-UE, li għandu jkun wieħed mir-riżultati ewlenin tas-Summit tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni, għandu jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għar-riintegrazzjoni u l-bini ta’ kapaċità f’pajjiżi terzi.
Azzjonijiet immedjati |
It-twaqqif ta’ Faċilità ddedikata għall-Bini tal-Kapaċitajiet ta’ Riammissjoni Programmi ta’ ritorn volontarju f’pajjiżi terzi abbażi ta' Programmi ta’ Żvilupp u Protezzjoni Reġjonali Appoġġ għall-programmi ta’ ritorn volontarju mill-Balkani tal-Punent |
Azzjonijiet fuq perjodu medju |
Appoġġ strutturali għal riintegrazzjoni ta’ ripatrijati abbażi tal-Fond Fiduċjarju biex jiġi varat mis-Summit tal-Belt Valletta bejn l-UE u l-Afrika dwar il-Migrazzjoni |
5.Iż-żieda ta' ingranaġġ tal-UE rigward ir-ritorn u r-riammissjoni
Jeħtieġ li l-UE żżid l-ingranaġġ tagħha rigward ir-riammissjoni f’rabta ma’ pajjiżi sħab, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ impenji u ftehimiet eżistenti, u biex jiġi ffaċilitat in-negozjar u l-konklużjoni ta’ negozjar ġdid. Il-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta’ Ġunju 2015 talab lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iħejju "pakkett globali għall-appoġġ tan-negozjati".
Għandhom jiġu żviluppati pakketti ta’ għajnuna mfassla apposta biex jgħinu lil ċerti pajjiżi msieħba sabiex jwettqu l-obbligi ta’ riammissjoni tagħhom fil-prattika u jappoġġaw n-negozjati. Dawn għandhom jibnu fuq l-esperjenza miksuba mill-proġett pilota dwar ir-ritorn 29 li jfittex li jistimola ċerti pajjiżi terzi sabiex jikkoperaw dwar ir-riammissjoni taċ-ċittadini tagħhom stess. Ir-ritorn u r-riammissjoni għandhom ikunu parti minn pakkett tal-UE bbilanċjat u kkonsolidat lil pajjiż terz, li jibbaża fuq il-politiki rilevanti kollha - b’mod partikolari l-affarijiet interni, il-politika barranija, l-għajnuna għall-iżvilupp, il-kummerċ, is-sigurtà - biex jinkisbu l-għanijiet tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni. Il-kundizzjonalità għandha tkun permessa fejn xieraq.
L-esperjenza tal-Istati Membri turi li bilanċ tajjeb ta’ pressjoni u ta’ inċentivi huwa meħtieġ sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni. Fil-qasam tal-Affarijiet Interni, is-Sħubijiet ta’ Mobbiltà u l-politika tal-viża jipprovdu, b’mod ġenerali, ingranaġġ utli f’kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni. In-negozjar ta’ Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Viżi, b’mod parallel ma’ ftehim ta’ riammissjoni jipprovdi inċentivi tanġibbli għal pajjiżi terzi sabiex jikkooperaw dwar ir-riammissjoni.
Madankollu, il-possibbiltà li jintuża dan l-istrument huwa limitat, billi ma tantx huwa probabbli li l-UE toffri faċilitazzjoni tal-viżi għal ċerti pajjiżi terzi li jiġġeneraw ħafna migranti irregolari u li għalhekk jippreżentaw riskju migratorju. U anke meta l-UE toffri negozjati paralleli ta’ ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viżi, dan jista’ ma jkunx biżżejjed jekk il-faċilitajiet offruti mhumiex attraenti biżżejjed meta mqabbla mal-faċilitazzjoni orizontali prevista fir-Regolament dwar il-Viża tal-UE. Iżda l-politika dwar il-viża - kemm jekk permezz tar-riformulazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi, il-Ftehimiet għall-Faċilitazzjoni tal-Viżi jew il-ħruġ ta’ viżi attwali fil-prattika - għandha impatt fuq il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni. Il-potenzjal li tintuża bħala ingranaġġ għandu jiġi esplorat aktar.
L-offerta ta' opportunitajiet għal migrazzjoni legali, għall-ħaddiema bi kwalifiki għoljin, iżda wkoll għall-istudji u għal skopijiet ta’ riċerka, għandha tintuża bħala ingranaġġ biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni. Filwaqt li d-determinazzjoni tal-ammont ta’ migranti ekonomiċi ammessi hija kompetenza tal-Istati Membri, l-approċċ jista’ jiġi kkoordinat fil-livell tal-UE b’tali mod li jkollu ingranaġġ aktar effettiv għan-negozjar ta’ ftehimiet u arranġamenti ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi terzi kkonċernati.
Iżda għandu jiġi identifikat ingranaġġ sostanzjali wkoll barra mill-qasam tal-affarijiet interni sabiex tiżdied il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni minn pajjiżi terzi, f’konformità mat-talba tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta’ Ġunju 2015 li, "il-fatt li tibni fuq il-prinċipju ta' 'aktar għal aktar', l-assistenza tal-UE u l-politiki jintużaw biex jinħolqu inċentivi għall-implimentazzjoni ta’ ftehimiet eżistenti ta’ riammissjoni u l-konklużjoni ta’ ftehimiet ġodda".
L-elementi addizzjonali ta’ ingranaġġ li għandhom jintużaw jinkludu l-għajnuna għall-iżvilupp, il-politika tal-viċinat, il-ftehimiet kummerċjali u l-preferenzi kummerċjali (bil-possibbiltà li l-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles jew l-għoti ta’ trattament preferenzjali għal ċerti pajjiżi terzi jiġu abbinati flimkien mal-konklużjoni parallela ta’ ftehim ta’ riammissjoni), l-edukazzjoni (Erasmus +) u l-kultura. L-Istati Membri huma mħeġġa ferm biex jiġi identifikat l-ingranaġġ fl-oqsma li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza nazzjonali tagħhom, bħalma huwa l-aċċess ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għas-swieq tax-xogħol tagħhom.
Hemm bżonn li l-UE u l-Istati Membri tagħha jaqblu u jaderixxu ma’ messaġġ ċar lill-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu ta’ immigranti irregolari dwar il-ħtieġa li jikkooperaw dwar ir-riammissjoni. Il-kwistjoni ta’ riammissjoni teħtieġ li tiġi prijoritizzata u indirizzata fil-kuntatti rilevanti kollha fil-livell politiku bejn l-UE u pajjiżi terzi b’rati baxxi ta’ ritorn, kif ukoll f’kuntatti bejn l-Istati Membri u dawn il-pajjiżi. Din għandha, b’mod partikolari, titqajjem f'kull laqgħa tar-Rappreżentant Għoli jew tal-Membri tal-Kummissjoni b’rappreżentanti ta’ pajjiżi rilevanti, inkluż f’avvenimenti internazzjonali u multilaterali.
Azzjonijiet immedjati |
Il-ftehim dwar pakkett globali li jappoġġa n-negozjati dwar ir-riammissjoni u prospetti mtejba mibnija fuq il-prinċipju "aktar għal aktar"; Il-prijoritizzazzjoni tar-ritorn u tar-riammissjoni u l-indirizzar tagħha fil-kuntatti kollha ma’ pajjiżi terzi prijoritarji |
Azzjonijiet fuq perjodu medju |
L-iżvilupp ta’ pakketti speċifiċi mfassla apposta abbażi tal-pajjiż |
IV.Konklużjoni
It-titjib tal-effettività tas-sistema tal-UE għar-ritorn ta' migranti irregolari teħtieġ rieda politika u prijoritizzazzjoni, l-applikazzjoni sħiħa tar-regoli tal-UE kif ukoll tas-sistemi amministrattivi u riżorsi adegwati fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Aġenziji rilevanti tal-UE, tieħu l-miżuri kollha li huma meħtieġa biex tissaħħaħ is-sistema tal-UE dwar ir-ritorn, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u tas-salvagwardji għal ritorn dinjituż.
Filwaqt li d-Direttiva tal-UE dwar ir-Ritorn tippermetti azzjoni effettiva dwar ir-ritorn, l-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri tħalli lok għal titjib. Il-Kummissjoni tiffoka fuq l-iżgurar tal-applikazzjoni sħiħa tagħha, inkluż permezz ta’ proċeduri ta’ ksur. B’mod parallel, hija tuża l-valutazzjoni ta’ sistemi nazzjonali ta’ ritorn abbażi tal-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni ta’ Schengen għall-identifikazzjoni u għall-għajnuna għar-rimedju tan-nuqqasijiet.
Il-Kummissjoni iżżid l-appoġġ għall-Frontex u tagħmel proposti leġiżlattivi biex tespandi r-rwol tagħha dwar ir-ritorn b’mod sostanzjali. It-twaqqif ta’ Uffiċċju tar-Ritorn tal-Frontex għandu jippermetti lill-Aġenzija biex iżżid b’mod sinifikanti l-assistenza tagħha dwar ir-ritorn. Hija tagħmel ukoll proposti leġiżlattivi biex issaħħaħ is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE, li jippermettu skambju iktar mgħaġġel ta’ informazzjoni dwar deċiżjonijiet ta’ ritorn u li jiffaċilitaw l-infurzar tagħhom fiż-Żona Schengen kollha.
Sistema effettiva ta’ ritorn teħtieġ il-prijoritizzazzjoni ta’ riammissjoni ta' migranti irregolari f’relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni, flimkien mas-SEAE, tintensifika l-isforzi biex tippermetti għall-pajjiżi ta’ oriġini li jimplimentaw l-impenji tagħhom ta' riammissjoni taċ-ċittadini tagħhom, permezz ta' djalogi politiċi, il-bini tal-kapaċità u appoġġ għal riintegrazzjoni u, fejn meħtieġ, billi tinnegozja ftehimiet ġodda ta’ riammissjoni.
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, Brussell, 13.5.2015 COM(2015) 240 finali.
Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ĠU L 348/98, 24.12.2008.
In-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (EMN - European Migration Network) jinforma, Ħarsa Ġenerali: Inċentivi għar-ritorn lejn xi pajjiż terz u l-appoġġ provdut lill-migranti għall-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom, Jannar 2015.
Ritorn volontarju jew tluq volontarju appoġġat minn assistenza loġisitika, finanzjarja u / jew materjali oħra.
Pereżempju, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, ħafna Stati Membri waqqfu l-assistenza għal ritorni volontarji oħra barra milli jkopru l-ispejjeż ta’ trasport għar-ritorn, biex jevitaw li aktar jattiraw migranti.
Il-funzjoni tal-EMN hija li tipprovdi informazzjoni aġġornata, oġġettiva, affidabbli u kumparabbli dwar il-migrazzjoni u l-ażil.
Idem 2.
It-terminu "l-Istati Membri" jirreferi għal 30 Stat: 28 Stat Membru tal-UE minbarra r-Renju Unit u l-Irlanda, imma inklużi l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera. Id-Direttiva hija parti mill-acquis ta’ Schengen u hija vinkolanti fuq l-Istati Assoċjati ta’ Schengen. Ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex marbuta biha, minkejja li jistgħu jagħżlu li jagħmlu parti minnha.
Skont l-Artikolu 8(1), l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skont l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perjodu għat-tluq volontarju mogħti skont l- Artikolu 7.
Id-Direttiva dwar ir-Ritorn tippermetti li dawk li jirritornaw jinżammu f’detenzjoni għal mhux aktar minn sitt xhur u mhux aktar minn 18-il xahar jekk, minkejja l-isforzi raġonevoli kollha l-operazzjoni ta’ tneħħija x’aktarx iddum aktar.
L-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva dwar ir-Ritorn.
L-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn immedjat fuq il-fruntiera esterna jista’ tkun suffiċjentement żgurat jekk dawk li huma suġġetti għal ritorn għandhom - kemm fil-liġi kif ukoll fil-prattika - il-possibbiltà li jippreżentaw talba għal protezzjoni internazzjonali f’punt faċilment aċċessibbli ta’ qsim tal-fruntiera.
Pereżempju, diversi Stati Membri jagħtu effett sospensiv awtomatiku mingħajr distinzjoni u fil-każijiet kollha meta jsir rikors legali kontra deċiżjoni ta’ ritorn. Prattiki bħal dawn jistgħu jikkawżaw dewmien fi proċeduri ta’ ritorn. Effett sospensiv awtomatiku għandu jingħata biss f’każijiet fejn il-prinċipju ta’ non-refoulement huwa fil-periklu.
Fit-tali sitwazzjonijiet, l-Istat Membru ta’ soġġorn ta’ migranti irregolari jista’ jew jirritorna l-persuna lejn l-Istat Membru li ħa d-deċiżjoni ta’ ritorn abbażi ta’ ftehim bilaterali, jew jieħu l-passi meħtieġa biex jinforza d-deċiżjoni ta’ ritorn oriġinali skont id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19 Volum 004 p. 107-109.
Bħalissa, l-Istati Membri jintroduċu sistematikament biss ċerti projbizzjonijiet ta’ dħul fis-SIS iżda mhux dawk li huma adottati skont id-Direttiva dwar ir-Ritorn.
Kif imħabbar mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti u wara s-sejħa mill-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta’ Ġunju 2015.
L-Artikolu 38 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007.
Kif imħabbar mill-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni.
Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-"Eurodac" għat-tqabbil ta' marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma' data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. ĠU L 180, 29.6.2013.
Il-proġett FReM, immexxi miċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni (ICMPD) b’finanzjament mill-Fond tar-Ritorn tal-UE, għandu l-għan li joħloq Grupp Ewropew ta’ sorveljanti tar-ritorn imġiegħel disponibbli għall-pajjiżi fil-bżonn ta’ implimentazzjoni ta’ sistema ta’ monitoraġġ tar-ritorn imġiegħel.
F’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Frontex, l-Aġenzija u l-Istati Membri għandhom jikkonformaw man-normi u l-istandards li jkunu tal-anqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ukoll meta sseħħ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ dawk l-Istati.
L-EURINT għandu l-għan li jiżviluppa u jikkondividi l-aħjar prattiki dwar ir-ritorn u li jiżviluppa strateġija komuni għal kooperazzjoni operattiva ma’ pajjiżi terzi. L-EURLO għandu l-għan li jistimula l-kooperazzjoni operattiva ffokata fuq l-oriġini, notevolment permezz ta’ Uffiċjali ta’ Kollegament għar-Ritorn f’pajjiżi ewlenin.
Il-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ April 2015 talab l-iskjerament ta’ Uffiċjali ta’ Kollegament dwar il-Migrazzjoni Ewropea. Dan ġie kkonfermat ukoll fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar tal-Migranti, adottati fis-27 ta’ Mejju 2015.
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 tad-19 ta' Frar 2004 dwar il-ħolqien ta' netwerk bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni. Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19 Volum 007 p. 24-27.
Skont l-Artikolu 13 tal-Ftehim ta' Cotonou, il-pajjiżi tal-AKP jimpenjaw ruħhom li jaċċettaw ir-ritorn u riammissjoni taċ-ċittadini tagħhom li jkunu preżenti illegalment fit-terrotorju ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fuq talba ta' dak l-Istat Membru u mingħajr aktar formalitajiet.
L-UE għandha ftehimiet ta’ riammissjoni mar-Russja, l-Ukrajna, il-Moldova, il-Georgia, l-Armenja, l-Ażerbajġan, it-Turkija u l-pajjiżi tal-Balkan tal-Punent kif ukoll ma’ Hong Kong, il-Macao, is-Sri Lanka, il-Pakistan u Cape Verde.
L-UE ma għandhiex ftehimiet ta’ riammissjoni mal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq. Hija imħabbla f’negozjati mtawla dwar ftehim ta’ riammissjoni mal-Marokk, abbażi ta' mandat li jmur lura għas-sena 2000. Mal-Alġerija, li għaliha l-Kunsill adotta mandat ta’ nnegozjar fl-2002, in-negozjati għadhom lanqas bdew formalment. Mat-Tuneżija, ġie adottat mandat f’Diċembru 2014 u n-negozjati għad iridu jibdew.
Ara l-Programm ta’ Ħidma Annwali għall-2015 għal appoġġ għal Azzjonijiet tal-Unjoni skont il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni.
Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta’ Ritorn tal-UE adottati fil-laqgħa tal-Kunsill ĠAI fil-5 u s-6 ta’ Ġunju 2014.