EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document COM:2005:349:FIN

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Albanija dwar ċerti aspetti tas-servizz ta' l-ajru
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjonital-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Albanija dwar ċerti aspetti tas-servizz ta' l-ajru

/* KUMM/2005/0349 finali */ /* KUMM/2005/0349 finali - CNS 2005/0143 */

52005PC0349(01)

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Albanija dwar ċerti aspetti tas-servizz ta' l-ajru /* KUMM/2005/0349 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 29.7.2005

KUMM(2005) 349 finali

2005/0143 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Albanija dwar ċerti aspetti tas-servizz ta' l-ajru

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjonital-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Albanija dwar ċerti aspetti tas-servizz ta' l-ajru

(preżentati mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Ir-relazzjonijiet ta' l-avjazzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi kienu tradizzjonalment immexxija minn ftehimiet bilaterali tas-servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, l-Annessi tagħhom u arranġamenti oħra relatati, kemm bilaterali kif ukoll multilaterali.

Wara d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-każijiet C-466/98, C-466/98, C-467/98, C-468/98, C-471/98, C-472/98 u C-475/98 u C-476/98, il-Komunità għandha l-kompetenza esklussiva f'dak li għandu x'jaqsam ma' aspetti varji ta' l-avjazzjoni esterna. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat ukoll id-dritt tal-kumpaniji ta' l-ajru tal-Komunità li jgawdu mid-dritt li jistabbilixxu ruħhom fil-Komunità, inkluż id-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għas-suq.

Il-klawżoli tad-deżinjazzjoni tradizzjonali fi ftehim bilaterali tas-servizzi ta' l-ajru ta' l-Istati Membri jiksru l-liġi Komunitarja. Jagħtu l-lok lill-pajjiż terz li jirrifjuta, jirtira jew jissospendi l-permessi jew l-awtorizzazzjonijiet ta' kumpanija ta' l-ajru li kienet ġiet iddeżinjata minn Stat Membru iżda li mhijiex proprjetà sostanzjali ta’ u kontrollata effettivament minn Stat Membru jew miċ-ċittadini tagħha. Instab li dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra l-kumpaniji ta' l-ajru li, filwaqt li jkunu stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru, jkunu proprjetà ta' ċittadini ta' Stat Membru ieħor u kkontrollati minnhom. Dan imur kontra l-Artikolu 43 tat-Trattat li jiggarantixxi liċ-ċittadini ta' l-Istati Membri li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jistabbilixxu ruħhom b'mod ħieles, l-istess trattament fl-Istat Membru li jilqagħhom bħal dak mogħti liċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru.

Wara d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni f'Ġunju ta' l-2003 biex tiftaħ in-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju.[1]

Fi qbil mal-mekkaniżmi u d-Direttivi fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizza lill-Kummissjoni li jiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehim bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju, il-Kummissjoni nnegozjat ftehim mar-Repubblika ta’ l-Albanija li jieħu post ċerti dispożizzjonijiet fi ftehim bilaterali tas-servizzi ta' l-ajru eżistenti bejn l-Istati Membri u r-Repubblika ta’ l-Albanija. L-Artikolu 2 tal-Ftehim jieħu post il-klawżoli ta' deżinjazzjoni tradizzjonali bi klawżola ta' deżinjazzjoni Komunitarja, li tippermetti lill-kumpaniji ta' l-ajru tal-Komunità li jibbenefikaw mid-dritt ta' stabbiliment. L-Artikoli 4 u 5 tal-Ftehim jirrisolvu żewġ tipi ta' klawżoli li jikkonċernaw kwistjonijiet tal-kompetenza Komunitarja. L-Artikolu 4 jittratta t-tassazzjoni tal-fjuwil għall-avjazzjoni, kwistjoni li ġiet armonizzata mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE li tirristruttura il-qafas ta' ħidma Komunitarju għat-tassazzjoni tal-prodotti ta' l-enerġija u l-elettriku, partikolarment l-Artikolu 14 tal-paragrafu 2 tiegħu. L-Artikolu 5 (Tariffi) isolvi kunflitti bejn ftehimiet bilaterali tas-servizzi ta' l-ajru eżistenti u r-Regolament tal-Kunsill Nru 2409/92 dwar tariffi u rati għas-servizzi ta' l-ajru li jipprojbixxu kumpaniji ta' l-ajru ta' pajjiżi terzi milli jkollhom pożizzjoni dominanti fuq is-servizzi ta' l-ajru għall-ġarr magħmul kollu kemm hu fil-Komunità.

Il-Kunsill huwa mitlub japprova d-deċiżjonijiet dwar il-firma u l-applikazzjoni proviżorja u dwar il-konklużjoni tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Albanija dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru u jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirma/jiffirmaw il-ftehim f'isem il-Komunità.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Albanija dwar ċerti aspetti tas-servizz ta' l-ajru

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [2],

Billi:

1. Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni fil-5 ta' Ġunju ta' l-2003 tiftaħ in-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju;

2. Il-Kummissjoni nnegozjat f'isem il-Komunità ftehim mar-Repubblika ta’ l-Albanija dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru fi qbil mal-mekkaniżmi u d-direttivi fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizza lill-Kummissjoni li jiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehim bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju;

3. Suġġett għall-konklużjoni possibbli tagħha f'data aktar 'il quddiem, il-ftehim negozjat mill-Kummissjoni għandu jiġi ffirmat u applikat proviżorjament.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

1. Suġġetta għal konklużjoni tagħha f'data aktar tard, il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat li jinnomina il-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirma/jiffirmaw f'isem il-Komunità l-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Albanija dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru.

2. Sakemm jidħol fis-seħħ, il-ftehim għandu jkun applikat b'mod provviżorju mill-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-partijiet innotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan. Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat jagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 8.2 tal-ftehim.

3. It-test tal-ftehim huwa anness ma' din id-deċiżjoni.

Magħmula fi Brussell, [...]

Għall-Kunsill

Il-President

2005/0143 (CNS)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjonital-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Albanija dwar ċerti aspetti tas-servizz ta' l-ajru

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) flimkien ma' l-Artikolu 300(2), l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu tiegħu u l-Artikolu 300, paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, ,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[4],

Billi:

(1) Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni fil-5 ta' Ġunju ta' l-2003 tiftaħ in-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju;

(2) Il-Kummissjoni nnegozjat f'isem il-Komunità ftehim mar-Repubblika ta’ l-Albanija dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru fi qbil mal-mekkaniżmi u d-direttivi fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizza lill-Kummissjoni li jiftaħ negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-bdil ta' ċerti dispożizzjonijiet fi ftehim bilaterali eżistenti bi ftehim Komunitarju;

(3) Dan il-ftehim ġie ffirmat f'isem il-Komunità fi [...] suġġett għal konklużjoni possibbli tiegħu f'data aktar tard, konformi mad-deċiżjoni .../.../KE tal-Kunsill fi [...] [5]

(4) Dan il-ftehim għandu jiġi approvat,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. Il-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Albanija dwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru huwa approvat f'isem il-Komunità.

2. It-test tal-ftehim huwa anness ma' din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa hawnhekk awtorizzat li jinnomina l-persuna li għandha s-setgħa tagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 8.1 tal-Ftehim.

Magħmula fi Brussell, [...]

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

FTEHIMbejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Albanijadwar ċerti aspetti tas-servizzi ta' l-ajru

IL-KOMUNITÀ EWROPEA

min-naħa waħda, u

IR-REPUBBLIKA TA' L-ALBANIJAmin-naħa l-oħra

(minn hawn 'il quddiem 'il-Partijiet')

INNUTAW li ftehimiet ta' servizzi bilaterali ta' l-ajru ġew konklużi bejn bosta Stati Membri tal-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Albanija li fihom dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-liġi Komunitarja,

INNUTAW li l-Komunità Ewropea għandha l-kompetenza esklussiva fir-rigward ta' bosta aspetti li jistgħu jiġu inklużi fi ftehimiet bilaterali ta' servizzi ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi,

INNUTAW li taħt il-liġi Komunitarja Ewropea kumpaniji ta' l-ajru tal-Komunità stabbiliti fi Stat Membru għandhom id-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għal rotot ta' l-ajru bejn l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u pajjiżi terzi,

WARA LI KKUNSIDRAW il-ftehimiet bejn il-Komunità Ewropea u ċerti pajjiżi terzi li jipprovdu l-possibiltà għaċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi terzi li jiksbu sehem f'kumpaniji ta' l-ajru liċenzjati f'konformità mal-liġi tal-Komunità Ewropea,

GĦARFU li dispożizzjonijiet tal-ftehim għal servizzi bilaterali ta' l-ajru bejn Stati Membri tal-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Albanija, li huma kontra l-liġi Komunitarja Ewropea, iridu jinġiebu f’konformità sħiħa ma' dawn sabiex tiġi stabbilita bażi legali tajba għas-servizzi ta' l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Albanija u biex tiġi ppreservata it-tkomplija ta’ servizzi ta' l-ajru bħal dawn,

INNUTAW li mhuwiex għan tal-Komunità Ewropea, bħala parti minn dawn in-negozjati, li jiżdied il-volum totali ta' traffiku ta' l-ajru bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Albanija, biex jiġi affettwat il-bilanċ bejn kumpaniji ta' l-ajru tal-Komunità u kumpaniji ta' l-ajru tar-Repubblika ta’ l-Albanija, jew biex jiġu nnegozjati emendi għad-dispożizzjonijiet li diġà jeżistu ta' ftehim bilaterali għal servizzi ta' l-ajru dwar drittijiet tat-traffiku.

FTEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1 Dispożizzjonijiet ġenerali

1. Għall-għanjiet ta' dan il-Ftehim, 'Stati Membri' ser tfisser Stati Membri tal-Komunità Ewropea.

2. Referenzi f'kull ftehim elenkat fl-Anness 1 liċ-ċittadini ta' l-Istat Membru li huwa parti fil-ftehim jinftiehmu bħala li qed jirreferu għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea.

3. Referenzi f'kull ftehim elenkat fl-Anness 1 għall-kumpaniji ta' l-ajru jew linji ta' l-ajru ta' l-Istat Membru li huwa parti fil-ftehim jinftiehmu bħala li qed jirreferu għall-kumpaniji ta' l-ajru jew linji ta' l-ajru deżinjati minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 2 Nomina minn Stat Membru

1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom jieħdu post id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu magħhom fl-artikoli elenkati fl-Anness 2(a) u (b) rispettivament, f'dak li għandu x'jaqsam mad-deżinjazzjoni tal-kumpaniji ta' l-ajru mill-Istat Membru kkonċernat, l-awtorizzazzjonijiet u permessi tiegħu mogħtija mir-Repubblika ta’ l-Albanija, u r-rifjut, ir-revoka, is-sospensjoni jew il-limitazzjoni ta' l-awtorizzazzjonijiet jew permessi tal-kumpaniji ta' l-ajru, rispettivament.

2. Malli tirċievi deżinjazzjoni mingħand Stat Membru, ir-Repubblika ta’ l-Albanija għandha tagħti l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi meħtieġa bl-anqas dewmien proċedurali, pprovdut li:

i. il-kumpanija ta' l-ajru hija stabbilita fit-territorju ta' l-Istat Membru deżinjat skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u li għandu Liċenzja Operattiva valida fi qbil mal-liġi Komunitarja Ewropea;

ii. jiġi eżerċitat u miżmum kontroll regolatorju effettiv tal-kumpanija ta' l-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Operattiv ta' l-Ajru tiegħu u l-awtorità aeronawtika rilevanti tkun identifikata biċ-ċar fid-deżinjazzjoni; kif ukoll

iii. il-kumpanija ta' l-ajru hija proprjetà u ser tkompli tkun proprjetà diretta jew permezz ta' l-akbar sehem azzjonarju mill-Istati Membri u/jew ċittadini ta' l-Istati Membri elenkati fl-Anness 3 u/jew ċittadini ta' stati oħra simili, u għandu jkun il-ħin kollu effettivament kontrollat minn tali stati u/jew tali ċittadini.

3. Ir-Repubblika ta’ l-Albanija tista' tirrifjuta, tirrevoka, tissospendi jew tillimita l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi ta' kumpanija ta' l-ajru minn Stat Membru fejn:

i. il-kumpanija ta' l-ajru mhijiex stabbilita fit-territorju ta' l-Istat Membru deżinjat taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jew li m'għandux Liċenzja Operattiva valida fi qbil mal-liġi Komunitarja Ewropea;

ii. ma jiġix eżerċitat jew miżmum kontroll regolatorju effettiv tal-kumpanija ta' l-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Operattiv ta' l-Ajru tiegħu, jew l-awtorità aeronawtika relevanti ma tkunx identifikata biċ-ċar fid-deżinjazzjoni; jew

iii. il-kumpanija ta' l-ajru ma tkunx proprjetà, direttament jew permezz ta' l-akbar sehem azzjonarju, u mhijiex ikkontrollata effettivament mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini ta' l-Istati Membri, u/jew mill-istati l-oħra elenkati fl-Anness 3 u/jew miċ-ċittadini ta' dawn l-istati l-oħra.

Waqt li qed teżerċizza d-dritt tagħha taħt dan il-paragrafu, ir-Repubblika ta’ l-Albanija ma għandhiex tiddiskrimina bejn kumpaniji ta' l-ajru fuq il-bażi ta' nazzjonalità.

Artikolu 3 Drittijiet f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontroll regolatorju

1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkomplimentaw l-artikoli elenkati fl-Anness 2(c).

2. Fejn Stat Membru ddeżinja kumpanija ta' l-ajru li l-kontroll regolatorju huwa eżerċitat u miżmum minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet tar-Repubblika ta’ l-Albanija taħt id-dispożizzjonijiet ta' protezzjoni tal-ftehim bejn l-Istat Membru li ddeżinja l-kumpanija ta' l-ajru u r-Repubblika ta’ l-Albanija għandu japplika b'mod ugwali fir-rispett ta' l-adozzjoni, l-eżerċizzju jew il-manteniment ta' l-istandards tas-sikurezza mill-Istat Membru l-ieħor u b'rispett ta' l-awtorizzazzjoni għall-operazzjoni ta' dik il-kumpanija ta' l-ajru.

Artikolu 4 It-tassazzjoni tal-fjuwil għall-avjazzjoni

1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkomplimentaw id-dispożizzjonijiet korrispondenti fl-artikoli elenkati fl-Anness 2(d).

2. Minkejja kull dispożizzjoni oħra kontra dan, xejn f'kull wieħed mill-ftehimiet elenkati fl-Anness 2(d) ma għandu jżomm Stat Membru milli jimponi taxxi, imposti, dazji, drittijiet jew ħlasijiet fuq fjuwil li jiġi fornut fit-territorju tiegħu għall-użu f'vettura ta' l-ajru ta' kumpanija ta' l-ajru deżinjata tar-Repubblika ta’ l-Albanija li topera bejn punt fit-territorju ta' Stat Membru u punt ieħor fit-territorju ta' dak l-Istat Membru jew fit-territorju ta' Stat Membru ieħor.

Artikolu 5 Tariffi għall-ġarr fi ħdan il-Komunità Ewropea:

1. Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jikkomplimentaw l-artikoli elenkati fl-Anness 2(e).

2. It-tariffi li ser jiġu ddebitati mill-kumpanija(kumpaniji) ta' l-ajru deżinjata/i mir-Repubblika ta’ l-Albanija permezz ta' ftehim elenkat fl-Anness 1 li fih dispożizzjoni elenkata fl-Anness 2(e) għal ġarr li jseħħ kollu kemm hu fi ħdan il-Komunità Ewropea għandhom ikunu suġġetti għal-liġi Komunitarja Ewropea.

Artikolu 6 Annessi għal dan il-Ftehim

L-Annessi għal dan il-Ftehim għandhom jifformaw parti integrali minnu.

Artikolu 7 Reviżjonijiet jew emendi

Il-Partijiet jistgħu, f'kull ħin, jirrevedu jew jemendaw dan il-Ftehim b'kunsens reċiproku.

Artikolu 8 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni provviżorja

1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri interni rispettivi meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu ġew kompluti.

2. Minkejja l-paragrafu 1, il-Partijiet qablu biex japplikaw b'mod provviżorju dan il-Ftehim mill-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan.

3. Ftehim u ftehim ieħor bejn l-Istati Membri u r-Repubblika ta’ l-Albanija li, fid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim, ma kinux daħlu fis-seħħ u li mhumiex qed jiġu applikati provviżorjament huma elenkati fl-Anness 1(b). Dan il-Ftehim japplika għal kull ftehim u arranġament ta' dan it-tip mad-dħul fis-seħħ jew applikazzjoni provviżorja tiegħu.

Artikolu 9 Tmiem

1. Fil-każ li ftehim elenkat fl-Anness 1 jiġi tterminat, id-dispożizzjonijiet kollha ta' dan il-Ftehim li għandhom x'jaqsmu mal-ftehim elenkat fl-Anness 1 konċernat jiġu tterminati fl-istess ħin.

2. Fil-każ li l-ftehimiet kollha elenkati fl-Anness 1 jiġu tterminati, dan il-Ftehim jiġi tterminat fl-istess ħin.

B'XIEHDA TA' DAN, il-firmatarji hawn taħt, bl-awtorizzazzjoni meħtieġa, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi [....] b'żewġ kopji, fi [...] jum ta' [..., ...] fil-lingwa Ċeka, Daniża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża, Żvediża u Albaniża. F'każ ta' diverġenza, it-test Ingliż għandu jgħodd l-aktar fost it-testi bil-lingwi l-oħra.

GĦALL-KOMUNITÀ EWROPEA : GĦAR-REPUBBLIKA TA’ L-ALBANIJA:

ANNESS 1

Lista tal-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta' dan il-Ftehim

(a) Ftehim tas-servizzi ta' l-ajru bejn ir-Repubblika ta’ l-Albanija u Stati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim, kienu ġew konklużi, iffirmati u/jew qed jiġu applikati provviżorjament

- Il-Ftehim tat-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern Federali Awstrijak u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Albanija ffirmat fi Vjenna fit-18 ta’ Marzu 1993, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “Il-Ftehim Albanija – Awstrija” fl-Anness 2 ;

Għandu jinqara flimkien mal-Minuta Miftehma li saret f’Tirana fid-29 ta’ April ta’ l-1992.

- Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tal-Belġju u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Albanija dwar it-Trasport bl-Ajru ffirmat fi Brussell fl-14 ta’ Novembru 2002, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "Il-Ftehim Albanija - Belġju" fl-Anness 2;

Għandu jinqara flimkien mal-Memorandum ta’ Ftehim magħmul fi Brussell fit-18 ta’ Ġunju 2002.

- Il-Ftehim tat-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Ċekoslovakka u l-Gvern tar-Repubblika Popolari ta’ l-Albanija ffirmat f’Tirana fl-20 ta’ Mejju 1958, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ Il-Ftehim Albanija – Repubblika Ċeka” f’Anness 2 ;

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Franċiża u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista ta’ l-Albanija dwar it-Trasport bl-Ajru Ċivili inizjalat f’Tirana fit-12 ta’ Jannar 1989, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ "Il-Ftehim Albanija – Franza" fl-Anness 2 ;

- Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Albanija dwar it-Trasport bl-Ajru Ċivili ffirmat f’Tirana fit-22 ta’ April 1992, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "Il-Ftehim Albanija - Ġermanja" fl-Anness 2;

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Ellenika u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista Popolari ta’ l-Albanija dwar it-Trasport ta’ l-Ajru Ċivili ffirmat f’Tirana fis-16 ta’ Lulju 1977, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ "Il-Ftehim Albanija - Greċja" fl-Anness 2 ;

Kif ukoll il-Memorandum ta’ Ftehim magħmul f’Ateni fil-25 ta’ Ġunju 1998.

- Il-Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Popolari Ungeriża u l-Gvern tar-Repubblika Popolari ta’ l-Albanija dwar ir-regolament tat-Trasport bl-Ajru Ċivili bejn l-Ungerija u l-Albanija ffirmat f’Budapest fis-16 ta’ Jannar 1958, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ " Il-Ftehim Albanija - Ungerija" fl-Anness 2 ;

- Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Taljana u l-Gvern ta’ l-Albanija dwar is-Servizzi ta' l-Ajru ffirmat f’Tirana fit-18 ta’ Diċembru 1992, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "Il-Ftehim Albanija - Italja" fl-Anness 2;

- Ftehim bejn ir-Renju ta' l-Olanda u r-Repubblika ta’ l - Albanija dwar is-Servizzi ta' l-Ajru bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom iffirmat f'The Hague fil-25 ta’ Settembru 1996, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "Il-Ftehim Albanija – Olanda” fl-Anness 2;

- Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Popolari Pollakka u l-Gvern tar-Repubblika Popolari ta’ l-Albanija dwar is-Servizzi ta’ l-Ajru ffirmat f’Tirana fit-8 ta’ Lulju 1957, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “Il-Ftehim Albanija - Polonja" fl-Anness 2;

- Ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tas-Slovenja u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Albanija dwar is-Servizzi ta' l-Ajru skedati ffirmat f’Ljubljana fl-10 ta’ Novembru 1992, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "Il-Ftehim Albanija - Slovenja" fl-Anness 2;

- Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Albanija dwar is-Servizzita' l-Ajru ffirmat f'Londra fit-30 ta’ Marzu 1994, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "Il-Ftehim Albanija – Renju Unit" fl-Anness 2;

Għandu jinqara flimkien mal-Memorandum ta’ Ftehim magħmul f'Londra fl-14 ta’ Novembru 2002.

(b) Ftehim tas-servizzi ta' l-ajru u arranġamenti oħra inizjalati jew iffirmati bejn ir-Repubblika ta’ l-Albanija u Stati Membri tal-Komunità Ewropea li, fid-data tal-firma ta' dan il-Ftehim, kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ u mhux qed jiġu applikati provviżorjament

ANNESS 2

Lista ta' artikoli fil-ftehimiet elenkati fl-Anness 1 u msemmija fl-Artikoli 2 sa 5 ta' dan il-Ftehim

(a) Deżinjazzjoni minn Stat Membru:

- L-Artikolu 3, tal-Ftehim Albanija – Awstrija;

- L-Artikolu 2, tal-Ftehim Albanija – Repubblika Ċeka;

- L-Artikolu 3, tal-Ftehim Albanija – Ġermanja;

- L-Artikolu 3, Paragrafu 1 u 2, tal-Ftehim l-Albanija - Greċja;

- L-Artikolu 6, tal-Ftehim Albanija – Franza;

- L-Artikolu 2, tal-Ftehim Albanija – Ungerija;

- L-Artikolu 4, tal-Ftehim Albanija – Italja;

- L-Artikolu 4, tal-Ftehim Albanija – Olanda;

- L-Artikolu 2 u 3 u Anness II punt 1, tal-Ftehim ta’ Albanija - Polonja;

- L-Artikolu 7, tal-Ftehim Albanija – Slovenja;

- L-Artikolu 4, tal-Ftehim Albanija – Renju Unit;

(b) Rifjut, Revoka, Sospensjoni jew Limitazzjoni ta' Awtorizzazzjonijiet jew Permessi:

- L-Artikolu 4, tal-Ftehim Albanija – Awstrija;;

- L-Artikolu 5, tal-Ftehim Albanija – Belġju;

- L-Artikolu 4, tal-Ftehim Albanija – Ġermanja;

- L-Artikolu 3, Paragrafu 3, tal-Ftehim Albanija - Greċja;

- L-Artikolu 7, tal-Ftehim Albanija – Franza;

- L-Artikolu 5, tal-Ftehim Albanija – Italja;

- L-Artikolu 5, tal-Ftehim Albanija – Olanda;

- L-Artikolu 8, tal-Ftehim Albanija – Slovenja;

- L-Artikolu 5, tal-Ftehim Albanija – Renju Unit;

(c) Kontroll regolatorju:

(d) Tassazzjoni tal-Fjuwil għall-Avjazzjoni:

- L-Artikolu 7, tal-Ftehim Albanija – Awstrija;

- L-Artikolu 10, tal-Ftehim Albanija – Belġju;

- L-Artikolu 4, tal-Ftehim Albanija – Repubblika Ċeka;

- L-Artikolu 10, tal-Ftehim Albanija – Ġermanja;

- L-Artikolu 7, tal-Ftehim Albanija – Greċja;

- L-Artikolu 13, tal-Ftehim Albanija – Franza;

- L-Artikolu 6, tal-Ftehim Albanija – Italja;

- L-Artikolu 10, tal-Ftehim Albanija – Olanda;

- L-Artikolu 6, tal-Ftehim Albanija – Polonja;

- L-Artikolu 10, tal-Ftehim Albanija – Slovenja;

- L-Artikolu 8, tal-Ftehim Albanija – Renju Unit;

(e) Tariffi għall-Ġarr fi ħdan il-Komunità Ewropea:

- L-Artikolu 11, tal-Ftehim Albanija – Awstrija;

- L-Artikolu 13, tal-Ftehim Albanija – Belġju;

- L-Artikolu 2, tal-Ftehim Albanija – Repubblika Ċeka;

- L-Artikolu 14, tal-Ftehim Albanija – Ġermanja;

- L-Artikolu 6, tal-Ftehim Albanija – Greċja;

- L-Artikolu 17, tal-Ftehim Albanija – Franza;

- L-Artikolu 8, tal-Ftehim Albanija – Italja;

- L-Artikolu 6, tal-Ftehim Albanija – Olanda;

- L-Artikolu 7, tal-Ftehim Albanija – Polonja;

- L-Artikolu 14, tal-Ftehim Albanija – Slovenja;

- L-Artikolu 7, tal-Ftehim Albanija – Renju Unit;

ANNESS 3

Lista ta' stati oħra msemmija fl-Artikolu 2 ta' dan il-Ftehim

(a) Ir-Repubblika ta' l-Iżlanda (taħt il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea);

(b) Il-Prinċipat tal-Liechtenstein (taħt il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea);

(c) Ir-Renju tan-Norveġja (taħt il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea);

(d) Il-Konfederazzjoni Żvizzera (taħt il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru).

[1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 11323/03 tal-5 ta' Ġunju 2003 (dokument riservat)

[2] ĠU C [...], [...], p. [...].

[3] ĠU C [...], [...], p. [...].

[4] ĠU C [...], [...], p. [...].

[5] ĠU C [...], [...], p. [...].

Top