EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C:2020:268:FULL

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, C 268, 14 ta' Awwissu 2020


Display all documents published in this Official Journal
 

ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 268

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 63
14 ta' Awwissu 2020


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

Il-Bank Ċentrali Ewropew

2020/C 268/01

Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ Awwissu 2020 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tas-Suomen Pankki (BĊE/2020/37)

1


 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 268/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Il-Każ M.9831 — OMV/Borealis) ( 1 )

2

2020/C 268/03

Bidu ta’ proċeduri (Każ M.9660 — Google/Fitbit) ( 1 )

3


 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 268/04

Rata tal-kambju tal-euro — It-13 ta' Awwissu 2020

4


 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 268/05

Avviż ta’ bidu ta’ proċediment antidumping dwar importazzjonijiet ta’ estrużjonijiet tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

5

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2020/C 268/06

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.9572 — BMW/Daimler/Ford/Porsche/Hyundai/Kia/IONITY) Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

18

2020/C 268/07

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.9878 — Total/EDP Comercializadora) Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

20

2020/C 268/08

Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni (Il-Każ M.9918 — Cummins/ETC/NPROXX) Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata ( 1 )

21


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Il-Bank Ċentrali Ewropew

14.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-7 ta’ Awwissu 2020

lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tas-Suomen Pankki (BĊE/2020/37)

(2020/C 268/01)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 27.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kontijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro huma vverifikati minn awdituri esterni indipendenti rrakkomandati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE u approvati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Il-mandat tal-awdituri esterni attwali tas-Suomen Pankki, PricewaterhouseCoopers Oy, intemm wara l-awditu għas-sena finanzjarja 2019. Għalhekk jenħtieġ li jinħatru awdituri esterni mis-sena finanzjarja 2020.

(3)

Suomen Pankki għażel lil KPMG Oy Ab bħala l-awdituri esterni tiegħu għas-snin finanzjarji 2020 sa 2025,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Huwa rrakkomandat illi KPMG Oy Ab għandhom jinħatru bħala l-awdituri esterni tas-Suomen Pankki għas-snin finanzjarji 2020 sa 2025.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-7 ta’ Awwissu 2020.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

14.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/2


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Il-Każ M.9831 — OMV/Borealis)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 268/02)

Fl-10 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1). It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt) fid-dokument li jġib in-numru 32020M9831. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.


14.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/3


Bidu ta’ proċeduri

(Każ M.9660 — Google/Fitbit)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 268/03)

Fl-4 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni iddeċidiet li tibda proċeduri fil-każ ta’ hawn fuq wara li sabet li l-konċentrazzjoni nnotifika tqajjem dubji serji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Il-bidu tal-proċeduri jiftaħ it-tieni fażi ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni nnotifikata, u jsir mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali dwar il-każ. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1)

Il-Kummissjoni tistieden lil partijiet terzi interessati sabiex jissottomettu lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet li jistgħu jkollhom dwar il-konċentrazzjoni proposta.

Sabiex l-osservazzjonijiet jiġu kkunsidrati bis-sħiħ fil-proċedura, dawn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni mhux iktar tard minn 15-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni. L-osservazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-fax (+ 32 22964301) jew b’imejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, bin-numru ta’ referenza Nru M.9660 — Google/Fitbit, fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussell

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

14.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/4


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-13 ta' Awwissu 2020

(2020/C 268/04)

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,1833

JPY

Yen Ġappuniż

126,58

DKK

Krona Daniża

7,4474

GBP

Lira Sterlina

0,90373

SEK

Krona Żvediża

10,2748

CHF

Frank Żvizzeru

1,0784

ISK

Krona Iżlandiża

161,10

NOK

Krona Norveġiża

10,5148

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

26,125

HUF

Forint Ungeriż

344,93

PLN

Zloty Pollakk

4,3968

RON

Leu Rumen

4,8348

TRY

Lira Turka

8,6794

AUD

Dollaru Awstraljan

1,6522

CAD

Dollaru Kanadiż

1,5637

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,1709

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,8042

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6231

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 402,22

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

20,6405

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,2187

HRK

Kuna Kroata

7,5125

IDR

Rupiah Indoneżjan

17 559,00

MYR

Ringgit Malażjan

4,9610

PHP

Peso Filippin

57,768

RUB

Rouble Russu

87,1809

THB

Baht Tajlandiż

36,741

BRL

Real Brażiljan

6,3766

MXN

Peso Messikan

26,4372

INR

Rupi Indjan

88,5640


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

14.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/5


Avviż ta’ bidu

ta’ proċediment antidumping dwar importazzjonijiet ta’ estrużjonijiet tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(2020/C 268/05)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ estrużjonijiet tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, huma l-oġġett ta’ dumping u b’hekk qed ikunu ta’ dannu (2) għall-industrija tal-Unjoni.

1.   L-ilment

L-ilment kien ippreżentat fit-30 ta ’Ġunju 2020 mill-European Biodiesel Board (“l-ilmentatur”) f’isem seba’ produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-estrużjonijiet tal-aluminju tal-Unjoni.

Verżjoni pubblika tal-ilment u l-analiżi tal-livell ta’ sostenn għall-ilment minn produtturi tal-Unjoni jinsabu fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ dan l-Avviż tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl għall-partijiet interessati.

2.   Prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huma prodotti tal-aluminju, irrumblati ċatti, illigati jew le, maħdumin iktar jew le ħlief irrumblati ċatti,

f’koljaturi jew strixxi tal-koljaturi, f’folji maqtugħa għall-qies, jew fil-forma ta’ ċrieki; ta’ ħxuna ta’ 0,2 mm jew aktar iżda mhux aktar minn 6 mm;

fi pjanċi ta’ ħxuna ta’ aktar minn 6 mm;

f’koljaturi jew fi strixxi tal-koljaturi, ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,03 mm iżda inqas minn 0,2 mm;

(“il-prodott investigat”).

Il-prodotti li ġejjin huma esklużi:

Stokk tal-parti ċilindrika tal-bottijiet tax-xorb, stokk tat-tarf tal-bottijiet tax-xorb u stokk tal-ħolqa tat-tapp tal-bottijiet tax-xorb kollha tal-aluminju, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM 7606 12 11 u 7606 12 19.

Prodotti tal-aluminju, irrumblati ċatti, illigati, maħdumin aktar jew le ħlief irrumblati ċatti, ta’ ħxuna mhux inqas minn 0,2 mm u mhux aktar minn 6 mm, għall-użu bħala pannelli tal-body fl-industrija tal-karozzi, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7606 12 92, ex 7606 12 93, ex 7606 12 99, ex 7606 92 00.

Prodotti tal-aluminju, irrumblati ċatti, illigati, maħdumin iktar jew le ħlief irrumblati ċatti, ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,8 mm, għall-użu fil-manifattura ta’ partijiet tal-ajruplani, li bħalissa jaqgħu fil-kodiċi NM ex 7606 12 92, ex 7606 12 93, ex 7606 12 99, ex 7606 92 00.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw informazzjoni dwar l-ambitu tal-prodott iridu jagħmlu dan fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż (3).

3.   L-allegazzjoni ta’ dumping

Il-prodott li allegatament huwa oġġett ta’ dumping huwa l-prodott investigat, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) bħalissa kklassifikat taħt il-kodiċijiet NM 7606 11 10, 7606 11 91, 7606 11 93, 7606 11 99, 7606 12 20, ex 7606 12 92 (il-kodiċi TARIC 7606129295), ex 7606 12 93 (il-kodiċi TARIC 7606129386), ex 7606 12 99 (il-kodiċijiet TARIC 7606129925 u 7606129986), 7606 91 00, ex 7606 92 00 (il-kodiċi TARIC 7606920086) u ex 7607 11 90 (il-kodiċijiet TARIC 7607119044, 7607119048, 7607119051, 7607119053, 7607119060, 7607119071, 7607119073, 7607119075, 7607119077, 7607119091, 7607119093). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma mogħtija għall-informazzjoni biss.

L-applikanti sostnew li mhux xieraq li jintużaw prezzijiet u spejjeż domestiċi fir-RPĊ minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Bħala sostenn għall-allegazzjonijiet tad-distorsjonijiet sinifikanti, l-ilmentatur straħ fuq l-informazzjoni li hemm fid-“Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-RPĊ” bid-data tal-20 ta’ Diċembru 2017 (ir-“rapport tal-Kummissjoni”) (4), billi ddeskriva ċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-suq fir-RPĊ, ir-rapport “Overcapacity in China: An impediment to the Party’s Reform Agenda” maħruġ mill-Kamra tal-Kummerċ tal-UE f’Beijing (5) u r-rapport tal-OECD “Measuring distortions in international markets - The aluminium value chain” (6). Fir-rapport tal-Kummissjoni, l-ilmentatur jirreferi għat-taqsima speċifika dwar l-aluminju, kif ukoll għall-kapitoli dwar id-distorsjonijiet ġenerali fir-rigward tal-enerġija u l-elettriċità. Ir-rapport tal-OECD wera wkoll li l-forzi mhux tas-suq, u l-appoġġ tal-gvern b’mod partikolari, jidhru li jispjegaw żieda fil-kapaċità żejda fl-industrija tal-aluminju fir-RPĊ. Din il-kapaċità żejda u l-konsegwenzi tagħha huma identifikati wkoll fir-rapport maħruġ mill-Kamra tal-Kummerċ tal-UE f’Beijing.

B’hekk, fid-dawl tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-ispejjeż tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni, mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott investigat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta’ dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.

Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li teżisti biżżejjed evidenza, skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, li turi li, minħabba li hemm distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-ispejjeż, l-użu ta’ prezzijiet u spejjeż domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat mhuwiex xieraq, u għalhekk jirrikjedi li tinbeda investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Ir-rapport tal-Kummissjoni jinsab fil-fajl u li jista’ jiġi kkonsultat mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ. Kemm ir-rapport tal-OECD kif ukoll dak tal-Kamra tal-Kummerċ tal-UE f’Beijing jiffurmaw parti mill-verżjoni miftuħa tal-ilment u jinsabu fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati.

4.   Allegazzjoni ta’ dannu/rabta ta’ kawżalità u distorsjonijiet fil-materja prima

4.1.    Allegazzjoni ta’ ħsara u kawżalità

L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu kumplessivament f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem fis-suq.

L-evidenza mogħtija mill-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott impurtat investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba kif ukoll fuq is-sehem fis-suq tal-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni.

4.2.    Allegazzjoni ta’ distorsjonijiet fil-materja prima

L-ilmentatur ipprovda lill-Kummissjoni biżżejjed evidenza li turi li hemm distorsjonijiet fil-materja prima fil-pajjiż ikkonċernat fir-rigward tal-prodott investigat. Dawn id-distorsjonijiet jidher li jirriżultaw fil-prezzijiet li huma aktar baxxi minn dawk ikkwotati fis-swieq internazzjonali tal-istess prodott.

Skont l-evidenza fl-ilment, il-billetti tal-aluminju, li jirrappreżentaw aktar minn 17 % tal-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott investigat, huma soġġetti għal taxxi fuq l-esportazzjoni fil-pajjiż ikkonċernat (7). Fuq il-bażi ta’ tqabbil tal-prezzijiet ikkwotati fil-London Metals Exchange (LME) għall-billetti tal-aluminju ma’ dawk fir-RPĊ, it-taxxa tal-esportazzjoni tidher li twassal biex il-prezzijiet tal-billetti jkunu aktar baxxi minn dawk tas-swieq internazzjonali rappreżentattivi.

Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni se teżamina d-distorsjonijiet allegati fuq il-materja prima biex tivvaluta, jekk rilevanti, jekk dazju inferjuri għall-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed biex jelimina d-dannu. Jekk distorsjonijiet oħra koperti mill-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku jiġu identifikati matul l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri wkoll dawn id-distorsjonijiet.

5.   Il-proċedura

Ladarba tkun iddeterminat, wara li tkun infurmat lill-Istati Membri, li l-ilment ġie ppreżentat mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha, u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni tistabbilixxi jekk il-prodott investigat, li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat, huwiex qed ikun oġġett ta’ dumping u jekk l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping ikkawżawx dannu lill-industrija tal-Unjoni.

Jekk il-konklużjonijiet ikunu fl-affermattiv, l-investigazzjoni teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Fil-każ tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2a), l-investigazzjoni teżamina t-test ta’ interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku.

Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), li daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Ġunju 2018, (il-pakkett tal-Modernizzazzjoni tat-TDI), daħħal tibdiliet sinifikanti fl-iskeda ta’ żmien u fl-iskadenzi li kienu applikabbli qabel fil-proċedimenti antidumping. Il-limiti ta’ żmien għall-partijiet interessati biex jipprovdu evidenza, b’mod partikolari fl-istadju bikri tal-investigazzjonijiet, tqassru.

Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet li wara t-tifqigħa tal-COVID-19, ġie ppubblikat Avviż (9) dwar il-konsegwenzi potenzjali tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet antidumping u antisussidji.

5.1.    Il-perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

L-investigazzjoni tad-dumping u d-dannu tkopri l-perjodu mill-1 ta ’Lulju 2019 sal-30 ta ’Ġunju 2020 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu jkopri l-perjodu mill-1 ta ’Jannar 2017 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2.    Kummenti dwar l-ilment u l-bidu tal-investigazzjoni

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar il-fatturi tal-produzzjoni/l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (SA) pprovduti fl-ilment fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar l-ilment (fosthom kwistjonijiet li jirrigwardaw id-dannu u r-rabta ta’ kawżalità) jew dwar xi aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (fosthom il-livell ta’ sostenn għall-ilment) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż.

Kull talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż.

5.3.    Proċedura għal kif jiġi stabbilit id-dumping

Il-produtturi esportaturi (10) tal-prodott investigat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.3.1.    Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.3.1.1.   Il-proċedura biex jintgħażlu l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fir-RPĊ

(a)   Teħid ta’ kampjun

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjun”). It-teħid ta’ kampjun isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ it-teħid ta’ kampjun, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/cea2664d-4cdf-194c-eed6-80c78a83103c. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.8.

Biex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni kkuntattjat ukoll lill-awtoritajiet tar-RPĊ u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi magħrufa kollha, l-awtoritajiet tar-RPĊ u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tar-RPĊ, jekk ikun xieraq, liema huma l-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi esportaturi, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi esportaturi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tal-avviż tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni żżid nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett ijiem mid-data tal-avviż tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi tinsab fil-fajl li jista’ jiġi analizzat mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2475.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li jkunu qablu li jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun”). Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 5.3.1.1(b) aktar ’l isfel, id-dazju antidumping li jista’ jiġi applikat fuq l-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun ma jkunx jaqbeż il-marġni medju peżat ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (11).

(b)   Marġni ta’ dumping individwali għall-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun

Skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-marġnijiet ta’ dumping individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal marġni ta’ dumping individwali jridu jlestu l-kwestjonarju u jirritornawh debitament komplut fi żmien 30 jum mid-data tal-avviż tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi tinsab fil-fajl li jista’ jiġi analizzat mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2475.

Il-Kummissjoni teżamina jekk il-produtturi esportaturi li kkooperaw u mhux inklużi fil-kampjun jistgħux jingħataw dazju individwali f’konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun li jitolbu marġni ta’ dumping individwali, jenħtieġ li jkunu jafu li l-Kummissjoni xorta waħda tista’ tiddeċiedi li ma tistabbilixxix il-marġni ta’ dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun tant ikun kbir li stabbiliment bħal dan ikun wisq diffiċli li jsir u minħabba fih l-investigazzjoni ma tkunx tista’ titlesta fil-ħin.

5.3.2.    Proċedura addizzjonali fir-rigward tal-pajjiż ikkonċernat soġġett għal distorsjonijiet sinifikanti

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Avviż, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż.

Skont il-punt (e) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni, permezz ta’ nota għall-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati, se tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti, kif ukoll dwar l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv adattat, fejn ikun xieraq, li beħsiebha tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a). Il-partijiet fl-investigazzjoni jingħataw għaxart ijiem biex jikkummentaw dwar in-nota f’konformità mal-punt (e) tal-Artikolu 2(6a). Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, il-Brażil jista’ jkun pajjiż terz rappreżentattiv xieraq. Bil-għan li finalment tagħżel il-pajjiż terz rappreżentant xieraq, il-Kummissjoni teżamina jekk hemmx pajjiż(i) terz(i) b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku għar-RPĊ, jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott investigat f’dawk il-pajjiżi terzi u jekk hix disponibbli data rilevanti. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż terz wieħed rappreżentattiv, tingħata preferenza, meta jkun xieraq, lill-pajjiżi b’livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

Fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi esportaturi kollha fir-RPĊ biex jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-materjali (mhux maħduma u proċessati) u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-prodott investigat fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/06573a27-2329-bffd-a91e-b7f46a8e8bcc. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tista’ tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.8.

Barra minn hekk, kull preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu vvalutati l-ispejjeż u l-prezzijiet skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku trid issir fi żmien 65 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż. Jenħtieġ li informazzjoni fattwali bħal din tittieħed esklużivament minn sorsi disponibbli għall-pubbliku.

5.3.3.   L-investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (12) (13)

L-importaturi mhux relatati tal-prodott investigat mir-RPĊ lejn l-Unjoni huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.

Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan il-proċediment, u biex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati u li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “it-teħid ta’ kampjun”). It-teħid ta’ kampjun isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

B’hekk, biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ it-teħid ta’ kampjun, u jekk dan ikun il-każ, biex għaldaqstant tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija(i) tagħhom, mitluba fl-Anness ta’ dan l-Avviż fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż.

Il-Kummissjoni, biex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar il-kampjun tal-importaturi. Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett ijiem mid-data tal-avviż tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Biex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tqiegħed il-kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati li jkunu parti mill-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tal-avviż tad-deċiżjoni dwar il-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi tinsab fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2475.

5.4.    Il-proċedura għall-istabbiliment tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

L-istabbiliment tad-dannu jissejjes fuq evidenza pożittiva u jinvolvi eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt konsegwenti ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Biex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx xi dannu, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Fil-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni kkonċernati, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjun”). It-teħid ta’ kampjun isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet kampjun proviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. B’hekk, il-partijiet interessati huma mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi magħrufa kollha tal-Unjoni u/jew lill-assoċjazzjonijiet magħrufa kollha tal-produtturi tal-Unjoni dwar il-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu bħala parti mill-kampjun.

Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tal-avviż tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi tinsab fil-fajl li jista’ jiġi analizzat mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2475.

5.5.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni f’każ ta’ allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet rigward il-materja prima

F’każijiet ta’ distorsjoni rigward il-materji prima kif definit fl-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni twettaq test dwar l-interess tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 7(2b) ta’ dan ir-Regolament. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi, meta tistabbilixxi l-livell ta’ dazji skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, biex tapplika l-Artikolu 7(2), hija twettaq test fl-interess tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 21.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jipprovdu l-informazzjoni kollha pertinenti li tippermetti lill-Kummissjoni tiddetermina jekk huwiex fl-interess tal-Unjoni li jiġi stabbilit il-livell tal-miżuri skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, il-partijiet interessati huma mistiedna jipprovdu kwalunkwe informazzjoni dwar il-kapaċitajiet żejda fil-pajjiż ikkonċernat, il-kompetizzjoni għal materja prima u l-effett fuq il-katini ta’ provvista għal kumpaniji Ewropej. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni l-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li jkun skont l-interess tal-Unjoni li jiġi applikat l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku.

Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tapplika l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-interessi tal-Unjoni. Biex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interessi tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew fil-format ta’ test liberu jew inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott li qed jiġi investigat, tinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2475. L-informazzjoni mogħtija titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

5.6.    Il-partijiet interessati

Biex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li ppreżentaw informazzjoni disponibbli b’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3, 5.3, 5.4 u 5.3.3 ta’ hawn fuq jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat.

Partijiet oħra jkunu jistgħu jieħdu sehem biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument li fih jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat. Li wieħed jiġi kkunsidrat bħala parti interessata jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Segwi l-istruzzjonijiet f’din il-paġna biex ikollok aċċess.

5.7.    Possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

L-iskeda ta’ żmien għas-seduti ta’ smigħ hija kif ġej:

i.

Biex xi seduta ta’ smigħ issir qabel l-iskadenza biex jiġu imposti l-miżuri proviżorji, jenħtieġ li t-talba ssir fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż.

ii.

Wara l-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji, jenħtieġ li ssir talba fi żmien ħamest ijiem mid-data tal-iżvelar tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien 15-il jum mid-data tal-avviż tal-iżvelar jew mid-data tad-dokument ta’ informazzjoni.

iii.

Fl-istadju tal-konstatazzjonijiet definittivi, jenħtieġ li ssir talba fi żmien tlett ijiem mid-data tal-iżvelar finali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fil-perjodu mogħti biex isiru kummenti dwar l-iżvelar finali. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li ssir talba minnufih malli jseħħ l-iżvelar finali addizzjonali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir sal-iskadenza biex jiġu pprovduti kummenti dwar dan l-iżvelar.

L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ barra l-limitu ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Jekk is-servizzi tal-Kummissjoni jiċħdu talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal ċaħda bħal din.

Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

5.8.    Struzzjonijiet għall-preżentazzjoni bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ terzi persuni, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-iskop ta’ dan il-proċediment ta’ difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’dan l-Avviż, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (Sensittivi) (14). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma obbligati jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties”. Jenħtieġ li dawn is-sommarji jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli.

Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tagħtix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora din l-informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni tkun korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jagħmlu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni. Meta jużaw TRON.tdi jew l-email, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-email validu tagħhom u jenħtieġ jiżguraw li l-indirizz tal-email ipprovdut ikun indirizz tal-email tan-negozju uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-email biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet permezz ta’ TRON.tdi u bl-email, il-partijiet interessati jenħtieġ li jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Email:

Għal kwistjonijiet relatati mad-dumping:

TRADE-AD668-ALUM-FRP-DUMPING@ec.europa.eu

Għal kwistjonijiet ta’ dannu u l-interessi tal-Unjoni:

TRADE-AD668-ALUM-FRP-INJURY@ec.europa.eu

6.   L-iskeda tal-investigazzjoni

Skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, normalment l-investigazzjoni tiġi konkluża fi żmien 13-il xahar, iżda mhux iktar minn 14-il xahar, mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż. Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, normalment il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti sa mhux aktar tard minn seba’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż, iżda f’kull każ sa mhux iktar tard minn tmien xhur mill-pubblikazzjoni tiegħu.

Skont l-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji tliet ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-partijiet interessati jingħataw tlett ijiem ta’ xogħol biex jikkummentaw bil-miktub dwar kemm il-kalkoli huma preċiżi.

F’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li ma timponix dazji proviżorji iżda li tkompli l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jiġu infurmati, permezz ta’ dokument ta’ informazzjoni, bin-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ dazji tliet ġimgħat qabel ma tiskorri l-iskadenza skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet interessati jingħataw 15-il jum biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, u għaxart ijiem biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun applikabbli, dikjarazzjonijiet addizzjonali finali jispeċifikaw l-iskadenza sa meta l-partijiet interessati jkunu jistgħu jikkummentaw bil-miktub.

7.   Preżentazzjoni ta’ informazzjoni

Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw l-informazzjoni fl-iskedi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsimiet 5 u 6 ta’ dan l-Avviż biss. Il-preżentazzjoni ta’ kull informazzjoni oħra mhux koperta minn dawn it-taqsimiet, jenħtieġ li tirrispetta l-iskeda li ġejja:

i.

Kull informazzjoni għall-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji jenħtieġ li tiġi ppreżentata fi żmien 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

ii.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, il-partijiet interessati jenħtieġ li ma jippreżentawx informazzjoni fattwali ġdida wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-dikjarazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew id-dokument ta’ informazzjoni fl-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji. Wara din l-iskadenza, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss informazzjoni fattwali ġdida jekk ikunu jistgħu juru li informazzjoni fattwali ġdida bħal din tkun meħtieġa biex jikkonfutaw allegazzjonijiet fattwali li jkunu saru minn partijiet interessati oħrajn u dment li informazzjoni fattwali ġdida bħal din tkun tista’ tiġi vverifikata fiż-żmien disponibbli biex l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

iii.

Biex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi obbligatorji, il-Kummissjoni ma taċċettax iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-dikjarazzjoni finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-dikjarazzjoni finali addizzjonali.

8.   Il-possibbiltà li jsiru kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra

Biex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

Kummenti bħal dawn jenħtieġ li jsiru skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:

i.

Jenħtieġ li kwalunkwe kumment dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra qabel l-iskadenza tal-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, isir mhux iktar tard mill-75 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

ii.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew għad-dokument ta’ informazzjoni, jiġu ppreżentati fi żmien sebat ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

iii.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar finali, jiġu ppreżentati fi żmien tlett ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar isiru fi żmien jum wieħed mill-iskadenza għal kummenti dwar dan l-iżvelar, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

L-iskeda ta’ żmien deskritta huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

9.   Estensjoni tal-iskadenzi speċifikati f’dan l-Avviż

L-estensjonijiet tal-limiti ta’ żmien previsti f’dan l-Avviż jistgħu jingħataw b’talba min-naħa tal-partijiet interessati li jkollhom raġuni valida.

Jenħtieġ li kull estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’dan l-Avviż jiġu rikjesti f’ċirkustanzi ta’ eċċezzjoni u jingħataw biss jekk ikunu debitament ġustifikati. F’kull każ, kull estensjoni għall-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji tkun limitata għal tlett ijiem u bħala regola ma taqbiżx sebat ijiem. Rigward il-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fl-Avviż ta’ Bidu, l-estensjonijiet ikunu limitati għal tlett ijiem sakemm ma jintwerewx ċirkustanzi ta’ eċċezzjoni.

10.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, il-konstatazzjonijiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għalhekk il-konstatazzjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma għandux jitqies bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, sakemm il-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitluba tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew fi spejjeż żejda mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament.

11.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u kull talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u ta’ terzi persuni li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti/jiet interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta jenħtieġ li ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien biex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun, wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika intervent bħal dan. Fil-prinċipju, l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fit-Taqsima 5.7 biex jintalbu seduti ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal seduti ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta. Jekk it-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati barra mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn dawn it-talbiet ikunu saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni elettroniċi tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

12.   Ipproċessar ta’ data personali

Kull data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni jinsab fis-sit web tad-DĠ KUMMMERĊ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  It-terminu ġenerali “dannu” jirreferi għal dannu materjali kif ukoll għal theddid ta’ dannu materjali jew dewmien materjali tal-istabbiliment ta’ industrija kif stipulat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku.

(3)  Ir-referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż jirreferu għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(4)  http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2017/december/tradoc_156474.pdf. Id-dokumenti msemmija fir-rapport tal-pajjiż jistgħu jinkisbu wkoll wara talba debitament motivata.

(5)  https://www.europeanchamber.com.cn/en/publications-overcapacity-in-china

(6)  https://www.oecd-ilibrary.org/trade/measuring-distortions-in-international-markets-the-aluminium-value-chain_c82911ab-en

(7)  OECD, jinsab f’http://qdd.oecd.org/subject.aspx?Subject=ExportRestrictions_IndustrialRawMaterials.

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).

(9)  Dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet antidumping u antisussidji (ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6).

(10)  Produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u li tesporta l-prodott investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament jew inkella permezz ta’ terza persuna, inkluża xi waħda mill-kumpaniji relatati tagħha involuti fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott investigat.

(11)  Skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kull marġni żero u de minimis, u l-marġnijiet stabbiliti f’konformità maċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku ma jitqisux.

(12)  Din it-taqsima tkopri biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li ma humiex relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) terza persuna tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien jikkontrollaw terza persuna direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom xi waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(13)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, apparti milli biex jiġi stabbilit id-dumping.

(14)  Dokument “Sensitive” jkun dokument li jitqies li hu kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-AntiDumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Verżjoni “sensittiva”

Verżjoni “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati”

(immarka l-kaxxa rilevanti)

TA’ PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING DWAR IMPORTAZZJONIJIET TA’ PRODOTTI TAL-ALUMINJU RRUMBLATI ĊATTI LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.3 tan-Notifika ta’ bidu.

Kemm il-verżjoni “Sensittiva” kif ukoll il-verżjoni “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati” jridu jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-Notifika ta’ bidu.

1.   DETTALJI TA’ KUNTATT U IDENTITÀ

Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:

Isem il-kumpanija

 

Indirizz

 

Persuna ta’ kuntatt

 

Indirizz elettroniku

 

Numru tat-telefon

 

Faks

 

2.   FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ

Indika l-fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’EUR, u l-fatturat u l-piż tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, matul il-perjodu (mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020), ta’ prodotti tal-aluminju rrumblati ċatti kif definiti fin-Notifika ta’ Bidu.

 

Tunnellati

Valur f’euro (EUR)

Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR)

 

 

Importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat u li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

 

L-importazzjonijiet tal-prodott investigat lejn l-Unjoni (minn kullimkien)

 

 

Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni tal-prodott investigat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

 

 

3.   ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)

Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija tiegħek u l-kumpaniji relatati kollha (jekk jogħġbok elenkahom u speċifika r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (għall-esportazzjoni u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott li qed jiġi investigat. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott li qed jiġi investigat jew il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott li qed jiġi investigat, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

Isem u lokalità tal-kumpanija

Attivitajiet

Relazzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

4.   INFORMAZZJONI OĦRA

Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li tqis li huma utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

5.   ĊERTIFIKAZZJONI

Meta tipprovdi t-tagħrif ta’ hawn fuq, il-kumpanija tiegħek tkun qed taqbel li possibbilment tiġi inkluża fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tiegħek tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fil-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tiegħek tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:

Data:


(1)  F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

14.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/18


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.9572 — BMW/Daimler/Ford/Porsche/Hyundai/Kia/IONITY)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 268/06)

1.   

Fis-7 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Din in-notifika tikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

BMW AG (“BMW”, il-Ġermanja),

Daimler AG (“Daimler”, il-Ġermanja),

Ford Motor Company (“Ford”, l-Istati Uniti tal-Amerka),

Dr. Ing. h.c. F. Porsche Aktiengesellschaft (“Porsche”, il-Ġermanja). Porsche hija parti mill-Volkswagen Group,

Hyundai Motor Company (“Hyundai”, il-Korea t’Isfel), li indirettament tikkontrolla lil Kia Motor Corporation (“Kia”, il-Korea t’Isfel). Hyundai u Kia (flimkien “Hyundai”), it-tnejn jappartjenu lil Hyundai Motor Group (il-Korea t’Isfel).

BMW, Daimler, Ford, Porsche u Hyundai jakkwistaw fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll konġunt ta’ IONITY Holding GmbH & Co. KG kollha (“IONITY”, il-Ġermanja), impriża konġunta bil-funzjonijiet kollha stabbilita fl-2017 minn BMW, Daimler, Ford u Porsche.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għall-BMW: hija attiva globalment fl-iżvilupp, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ karozzi tal-passiġġieri u muturi. Il-BMW u l-affiljati tagħha jipprovdu wkoll servizzi finanzjarji għall-klijenti privati u tan-negozju,

għad-Daimler: hija attiva globalment fl-iżvilupp, il-manifattura u l-bejgħ ta’ karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali. Il-provvista ta’ servizzi finanzjarji awtomotivi, inklużi servizzi finanzjarji, ta’ kiri, ta’ assigurazzjoni u ta’ ġestjoni ta’ flotot,

għall-Ford: hija attiva globalment fl-iżvilupp, il-manifattura u d-distribuzzjoni ta’ karozzi tal-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali u l-provvista ta’ servizzi finanzjarji u għażla ta’ kiri relatati,

għall-Porsche: hija attiva globalment fid-deżinjar, il-manifattura u d-distribuzzjoni ta’ karozzi sportivi, SUVs u sedans bi prestazzjoni għolja. Il-Porsche hija parti mill-Volkswagen Group. L-attivitajiet tal-Volkswagen Group jinkludu d-disinn, il-manifattura, il-provvista u d-distribuzzjoni ta’ vetturi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief, trakkijiet, karozzi tal-linja, muturi u spare parts kif ukoll servizzi finanzjarji, ta’ assigurazzjoni u bankarji relatati,

għall-Hyundai: hija attiva globalment fil-manifattura ta’ vetturi bil-mutur. Il-Hyundai toffri wkoll servizzi finanzjarji permezz tas-sussidjarju tagħha Hyundai Capital Services Inc. Hyundai u Kia jimmanifatturaw vetturi bil-mutur primarjament fil-Korea t’Isfel u jqassmuhom globalment. Il-Hyundai Capital Services Inc. prinċipalment jippromwovi l-bejgħ ta’ vetturi permezz ta’ servizzi ta’ finanzjament offruti fil-Kanada, iċ-Ċina, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti,

għall-IONITY: hija attiva madwar l-Ewropa fl-installazzjoni, l-operazzjoni u ż-żamma ta’ infrastruttura tal-iċċarġjar b’potenza qawwija aċċessibbli pubblikament għal vetturi elettriċi bil-batteriji tul l-awtostradi u t-toroq prinċipali fl-Ewropa.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jenħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jenħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

Case M.9572 — BMW/Daimler/Ford/Porsche/Hyundai/Kia/IONITY

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks: +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


14.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/20


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.9878 — Total/EDP Comercializadora)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 268/07)

1.   

Fl-4 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Din in-notifika tikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Total SE (“Total”, Franza),

EDP Comercializadora (“EDP-C”, Spanja).

TOTAL takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll uniku ta’ EDP-C kollha kemm hi.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Total: produttur u fornitur internazzjonali tal-enerġija integrat, attiv fis-setturi kollha tal-industrija taż-żejt u l-gass, kif ukoll fis-setturi tal-enerġija rinnovabbli u l-ġenerazzjoni tal-enerġija,

EDP-C: l-assi termali kif ukoll in-negozju tal-provvista tal-elettriku u l-gass u servizzi relatati oħrajn b’mod partikolari l-provvista tal-elettriċiċtà lil (i) klijenti industrijali u kummerċjali żgħar, (ii) klijenti professjonali żgħar u (iii) klijenti domestiċi eliġibbli kif ukoll il-provvista bl-imnut ta’ gass lil (i) klijenti industrijali u kummerċjali żgħar u (ii) unità domestika eliġibbli.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.9878 — Total/EDP Comercializadora

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks: +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


14.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 268/21


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.9918 — Cummins/ETC/NPROXX)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 268/08)

1.   

Fis-7 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Din in-notifika tikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Cummins Inc. (“Cummins”, l-Istati Uniti tal-Amerka),

Enrichment Technology Company Ltd (“ETC”, ir-Renju Unit),

NPROXX B.V. (“NPROXX”, in-Netherlands).

Cummins u ETC jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab ta’ NPROXX.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Cummins: Cummins hija manifattur Amerikan ta’ magni diżil u tal-gass u ta’ sistemi ta’ provvista ta’ enerġija, attiva globalment

ETC: ETC hija attiva fid-disinn, l-iżvilupp u l-manifattura ta’ ċentrifugi tal-gass għall-arrikkiment tal-uranju għall-enerġija nukleari,

NPROXX: NPROXX hija attiva fid-disinn, l-iżvilupp u l-bejgħ ta’ reċipjenti tal-pressjoni komposti għall-ħażna u t-trasportazzjoni tal-idroġenu jew għal gassijiet naturali kkompressati (compressed natural gases, CNG). Ir-reċipjenti ta’ pressjoni jintużaw għal applikazzjonijiet differenti b’mod partikolari fis-setturi tal-karozzi u tat-trasport.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.9918 — Cummins/ETC/NPROXX

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks: +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir- “Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.


Top