Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2022P0010

Azzjoni mressqa fis-27 ta’ Settembru 2022 minn Eviny AS kontra l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA (Kawża E-10/22) 2022/C 437/04

PUB/2022/1292

ĠU C 437, 17.11.2022, p. 4–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 437/4


Azzjoni mressqa fis-27 ta’ Settembru 2022 minn Eviny AS kontra l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

(Kawża E-10/22)

(2022/C 437/04)

Fis-27 ta’ Settembru 2022 tressqet azzjoni kontra l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA quddiem il-Qorti tal-EFTA minn Eviny AS, irrappreżentata mill-avukati Svein Terje Tveit u Paul Gunnar Hagelund, Arntzen de Besche, Ruseløkkveien 30, 0251 Oslo, in-Norveġja.

Eviny AS titlob lill-Qorti tal-EFTA biex:

1.

Tannulla d-Deċiżjoni Nru 161/22/COL, tas-6 ta’ Lulju 2022, tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA; u

2.

Tordna lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA sabiex iġġarrab il-kostijiet tal-proċeduri.

Sfond legali u fattwali u motivi miġjuba bħala sostenn:

Eviny AS (ir-“rikorrent”) hija kumpanija Norveġiża tal-enerġija rinnovabbli, inkorporata taħt il-liġi Norveġiża, li tipproduċi u tqassam l-elettriku fil-Punent tan-Norveġja.

Id-Deċiżjoni Nru 161/22/COL (“id-deċiżjoni kkontestata”) ġiet adottata wara lment minn Nelfo, assoċjazzjoni kummerċjali Norveġiża, bid-data tal-11 ta’ Mejju 2017, dwar għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Muniċipalità ta’ Bergen.

Il-miżuri kkontestati jirrigwardaw il-kumpens żejjed għall-pagament tal-kostijiet tal-operat u tal-manutenzjoni u l-kostijiet kapitali fir-rigward tal-infrastruttura tad-dwal tat-toroq f’Bergen.

Ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u jibbaża r-rikors tiegħu fuq il-motivi li ġejjin:

L-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA wettqet żball manifest ta’ valutazzjoni fl-applikazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ impriża billi kkonkludiet li s-sjieda u l-operat tad-dwal tat-toroq huma attività ekonomika;

L-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA wettqet żball manifest ta’ valutazzjoni meta kkonkludiet li r-rikorrent irċieva vantaġġ ekonomiku permezz ta’ kumpens żejjed;

Ma hemm l-ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni jew effett fuq il-kummerċ;

L-għajnuna allegata għandha tiġi klassifikata bħala għajnuna eżistenti li mhijiex soġġetta għal irkupru; u

Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq eżami insuffiċjenti tal-fatti u tonqos milli tipprovdi motivazzjoni xierqa bi ksur tal-Artikolu 16 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja.


Top