Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2020C0102

    Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 102/20/COL tal-31 ta’ Awwissu 2020 li tawtorizza lin-Norveġja tapplika l-estensjoni ta’ ċerti perjodi speċifikati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġislazzjoni dwar it-trasport [2020/1635]

    PUB/2020/765

    ĠU L 367, 5.11.2020, p. 42–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1635/oj

    5.11.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 367/42


    DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

    Nru 102/20/COL

    tal-31 ta’ Awwissu 2020

    li tawtorizza lin-Norveġja tapplika l-estensjoni ta’ ċerti perjodi speċifikati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġislazzjoni dwar it-trasport [2020/1635]

    L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2020 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġislazzjoni dwar it-trasport (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament kif adattat għall-Ftehim ŻEE mill-Protokoll 1 tiegħu,

    Billi:

    Skont id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ċerti sewwieqa professjonali huma meħtieġa jwettqu taħriġ perjodiku u wara li jikkonkludu b’suċċess it-taħriġ jirċievu Ċertifikat ta’ Sewwieq ta’ Kompetenza Professjonali (Driver Certificate of Professional Competence, CPC) li jista’ jkun fil-forma ta’ kard ta’ kwalifika tas-sewwieq jew b’immarkar korrispondenti ta’ kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95” fuq il-liċenzja tas-sewqan f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ dik id-Direttiva.

    L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2020/698 jestendi b’seba’ xhur il-limitu taż-żmien biex id-detentur ta’ ċertifikat ta’ kompetenza professjonali (CPC) ilesti t-taħriġ perjodiku, li altrimenti kien jiskadi bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020. L-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament bl-istess mod jestendi l-validità tal-immarkar korrispondenti tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95” u l-Artikolu 2(3) jestendi l-kards korrispondenti ta’ kwalifika tas-sewwieq.

    Meta Stat Membru jqis li t-tlestija tat-taħriġ perjodiku jew taċ-ċertifikazzjoni tiegħu, l-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95”, jew it-tiġdid tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieq aktarx jibqgħu imprattikabbli lil hinn mill-31 ta’ Awwissu 2020, minħabba miżuri li jkun ħa biex jipprevjeni jew irażżan it-tixrid tal-COVID‐19, jista’ jressaq talba motivata għal awtorizzazzjoni biex japplika estensjoni tal-perjodi speċifikati fl-Artikolu (2)1, (2) u (3) tar-Regolament (UE) 2020/698, kif rilevanti. Din it-talba tista’ tkun tikkonċerna l-perijodu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020 jew il-perijodi ta’ seba' xhur speċifikati fl-Artikolu (2)1, (2) u (3) ta’ dak ir-Regolament, kif rilevanti, jew it-tnejn li huma.

    Meta, fuq talba mressqa f’konformità mal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2020/698, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ssib li r-rekwiżiti stabbiliti f’dak il-paragrafu huma ssodisfati, għandha tadotta deċiżjoni, skont l-Artikolu 2(6) ta’ dak ir-Regolament, li tawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat japplika estensjoni tal-perjodi inkwistjoni. L-estensjoni għandha tkun limitata sabiex tirrifletti l-perijodu li matulu t-tlestija tat-taħriġ perjodiku inkwistjoni jew taċ-ċertifikazzjoni tiegħu, l-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni,“95”, jew it-tiġdid tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieq aktarx jibqgħu imprattikabbli u, fi kwalunkwe każ, ma għandhiex tkun itwal minn sitt xhur.

    Permezz ta’ ittra ddatata l-15 ta’ Ġunju 2020 (3), li tirreferi għall-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2020/698, in-Norveġja ressqet talba motivata skont l-Artikolu 2(5) għal awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni ta’ xahar għall-perjodu speċifikat fl-Artikolu 2(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament. In-Norveġja pprovdiet informazzjoni addizzjonali biex issostni t-talba tagħha fis-26 ta’ Awwissu 2020 (4).

    Skont l-informazzjoni li pprovdiet in-Norveġja, it-tlestija tat-taħriġ perjodiku u ċ-ċertifikazzjoni tiegħu u l-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95” aktarx li jibqgħu imprattikabbli fin-Norveġja sat-30 ta’ Settembru 2020 minħabba l-miżuri li ħadet biex tipprevjeni jew trażżan it-tixrid tal-COVID‐19.

    B’mod partikolari, in-Norveġja imponiet miżuri ġenerali ta’ konfinament li kienu jinkludu l-għeluq tal-faċilitajiet ta’ taħriġ, inklużi dawk relatati mat-taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa previst fid-Direttiva 2003/59/KE u s-servizzi pubbliċi relatati mat-tiġdid ta’ dokumenti u liċenzji.

    Il-korsijiet ta’ taħriġ perjodiku gradwalment reġgħu bdew joperaw. Madankollu, il-miżuri meħtieġa għat-trażżin tal-COVID-19 għadhom jimponu restrizzjonijiet f’dawn il-faċilitajiet. In-Norveġja tiddikjara li l-faċilitajiet ta’ taħriġ iridu jissodisfaw ir-regoli nazzjonali rilevanti dwar it-tbegħid soċjali. B’riżultat ta’ dan, għadd limitat biss ta’ kandidati jistgħu jipparteċipaw fil-korsijiet ta’ taħriġ fl-istess ħin. Dawn il-miżuri imposti mill-awtoritajiet Norveġiżi rriżultaw f’ammont sinifikanti arretrat ta’ detenturi ta’ liċenzja, li ma setgħux jikkonkludu t-taħriġ perjodiku meħtieġ.

    Wara li vvalutat, f’konformità mal-Artikolu 2(6) tar-Regolament (UE) 2020/698, it-talba motivata tan-Norveġja skont l-Artikolu 2(5) ta’ dak ir-Regolament u l-informazzjoni addizzjonali li pprovdiet, l-Awtorità ssib li t-tlestija tat-taħriġ perjodiku jew taċ-ċertifikazzjoni tiegħu, l-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95”, jew it-tiġdid tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieq aktarx jibqgħu imprattikabbli lil hinn mill-31 ta’ Awwissu 2020, minħabba miżuri li n-Norveġja ħadet biex tipprevjeni jew trażżan it-tixrid tal-COVID‐19. Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) 2020/698 huma għalhekk issodisfati.

    Konsegwentement, jenħtieġ li n-Norveġja tkun awtorizzata testendi b’xahar il-perjodi rispettivi, bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020, speċifikati fl-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2020/698.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    In-Norveġja hija awtorizzata testendi b’xahar il-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020 kif speċifikat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2020/698, għall-finijiet tal-Artikolu 2(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament.

    Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.

    Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Awwissu 2020.

    Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA

    Bente ANGELL-HANSEN

    President

    Frank J. BÜCHEL

    Membru tal-Kulleġġ

    Högni KRISTJÁNSSON

    Membru tal-Kulleġġ (Responsabbli)

    Carsten ZATSCHLER

    Kontrofirmatarju bħala Direttur,

    Affarijiet Legali u Eżekuttivi


    (1)  ĠU L 165, 27.5.2020, p. 10. Inkorporat fil-Ftehim ŻEE fil-punt 4b tal-Anness XIII bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 91/2020 tat-18 ta’ Ġunju 2020.

    (2)  Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4). Inkorporat fil-Ftehim ŻEE fil-punt 37 tal-Anness XIII bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 64/2006 (ĠU L 245, 7.9.2006, p. 13).

    (3)  Doc Nru 1138286.

    (4)  Doc Nru 1149283.


    Top