EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2018P0001

Azzjoni mressqa fit-13 ta’ Lulju 2018 mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA kontra r-Renju tan-Norveġja (Il-Kawża E-1/18)

ĠU C 314, 6.9.2018, p. 13–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 314/13


Azzjoni mressqa fit-13 ta’ Lulju 2018 mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA kontra r-Renju tan-Norveġja

(Il-Kawża E-1/18)

(2018/C 314/11)

Azzjoni kontra r-Renju tan-Norveġja tressqet quddiem il-Qorti tal-EFTA fit-13 ta’ Lulju 2018 mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn Claire Simpson, Erlend M. Leonhardsen, Catherine Howdle u Carsten Zatschler, li jaġixxu bħala Aġenti tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, 35 Rue Belliard, B-1040 Brussell, il-Belġju.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA titlob lill-Qorti tal-EFTA biex:

1.

Tikkonstata li, billi żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet bħal fit-Taqsima 14–13 l-ewwel, it-tieni u t-tielet paragrafi u fit-Taqsima 14–14 l-ewwel paragrafu tal-Att dwar l-Assigurazzjoni Nazzjonali, li jrendu d-dritt tal-missier għall-benefiċċji tal-ġenituri dipendenti fuq is-sitwazzjoni tal-omm filwaqt li d-dritt tal-omm mhuwiex dipendenti fuq is-sitwazzjoni tal-missier, in-Norveġja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(1)(c) tal-Att imsemmi fil-punt 21b tal-Anness XVIII tal-Ftehim ŻEE (id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)).

2.

Tordna lir-Renju tan-Norveġja jħallas l-ispejjeż ta’ dawn il-proċedimenti.

Sfond legali u fattwali u eċċezzjonijiet miġjuba bħala sostenn:

Din il-kawża tikkonċerna kif jitħallsu l-benefiċċji għall-ġenituri fin-Norveġja. Il-benefiċċji tal-ġenituri huma benefiċċji pagabbli lill-ġenituri (l-ommijiet u l-missirijiet) matul perjodu ta’ liv b’rabta mat-twelid jew l-adozzjoni ta’ tifel jew tifla.

L-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA tikkunsidra li wħud mir-regoli dwar il-benefiċċji tal-ġenituri fin-Norveġja jiddiskriminaw direttament kontra l-missirijiet. Fil-qosor, skont dawn ir-regoli, jekk il-missier jieħux il-benefiċċji tal-ġenituri, joħodhomx b’mod sħiħ jew parti minnhom — jiddependi fuq jekk l-omm taħdimx jew kinitx qed taħdem (jew tieħu sehem f’attivitajiet simili). F’kuntrast ma’ dan, id-drittijiet tal-omm għal dawn il-benefiċċji huma indipendenti mill-attivitajiet tal-missier.

L-awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA tikkunsidra li l-ommijiet u l-missirijiet huma f’sitwazzjonijiet komparabbli meta jiġu biex irabbu t-tfal, u li t-trattament differenti fir-regoli Norveġiżi għall-benefiċċji tal-ġenituri jiddiskriminaw kontra l-missirijiet illegalment fuq bażi ta’ sess, bil-ksur tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

L-awtorità tqis ukoll li din id-diskriminazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/54/KE bħala “azzjoni pożittiva” biex tgħin lill-ommijiet jiksbu ugwaljanza fil-ħajja tax-xogħol, u lanqas fuq kwalunkwe bażi oħra.


Top