Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2018C0628(01)

    Tħabbira min-Norveġja Dwar id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi — Tħabbira ta’ stedina għall-applikazzjoni għal liċenzji tal-produzzjoni tal-petroleum fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża — Aġġudikazzjonijiet f’Żoni Predefiniti 2018

    ĠU C 225, 28.6.2018, p. 51–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.6.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 225/51


    Tħabbira min-Norveġja Dwar id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi

    Tħabbira ta’ stedina għall-applikazzjoni għal liċenzji tal-produzzjoni tal-petroleum fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża — Aġġudikazzjonijiet f’Żoni Predefiniti 2018

    (2018/C 225/05)

    Il-Ministeru Norveġiż tal-Petroleum u l-Enerġija b’dan qiegħed iħabbar stedina għal applikazzjoni għal liċenzji tal-produzzjoni tal-petroleum b’konformità mad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi, Artikolu 3(2)(a).

    Il-liċenzji għall-produzzjoni se jingħataw biss lil kumpaniji rreġistrati fin-Norveġja jew fi stat ieħor imsieħeb fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Ftehim taż-ŻEE), jew lil persuni fiżiċi domiċiljati fi stat imsieħeb fil-Ftehim taż-ŻEE.

    Kumpaniji li ma għandhomx liċenzja għall-Blata Kontinentali Norveġiża jistgħu jingħataw liċenzji għall-produzzjoni jekk ikunu prekwalifikati bħala detenturi ta’ liċenzja għal fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża.

    Il-Ministeru se jittratta ndaqs lill-kumpaniji individwali u lill-kumpaniji li japplikaw bħala parti minn grupp. L-applikanti li jissottomettu applikazzjoni individwali, jew l-applikanti li jagħmlu parti minn grupp li jippreżentaw applikazzjoni konġunta, se jkunu kkunsidrati lkoll bħala applikanti għal liċenzja għall-produzzjoni. Il-Ministeru jista’, fuq il-bażi tal-applikazzjonijiet sottomessi minn gruppi jew applikanti individwali, jgħaqqad gruppi liċenzjati biex jingħataw liċenzja ġdida tal-produzzjoni, inkluż billi jneħħi applikanti minn applikazzjoni fi grupp u jżid applikanti individwali, kif ukoll billi jaħtar l-operatur għal tali gruppi.

    L-għoti ta’ interess ta’ parteċipazzjoni f’liċenzja tal-produzzjoni se jkun soġġett għad-dħul tad-detenturi ta’ liċenzja fi Ftehim dwar Attivitajiet marbutin mal-Petroluem, li jinkludi Ftehim Operattiv Konġunt u Ftehim ta’ Kontabbilità. Jekk il-liċenzja tal-produzzjoni tinqasam b’mod stratigrafiku, id-detenturi taż-żewġ liċenzji diviżi b’mod stratigrafiku jintalbu wkoll jidħlu fi Ftehim Operattiv Konġunt, li jirregola r-relazzjoni ta’ bejniethom f’dan ir-rigward.

    Malli jiġu ffirmati l-ftehimiet imsemmija, id-detenturi tal-liċenzji jingħaqdu f’impriża konġunta li fiha d-daqs tal-parteċipazzjoni tagħhom jibqa’ dejjem l-istess bħall-parteċipazzjoni tagħhom fil-liċenzja tal-produzzjoni.

    Id-dokumenti tal-liċenzja ser ikunu bbażati prinċipalment fuq dokumenti rilevanti mill-Aġġudikazzjonijiet f’Żoni Predefiniti 2017. L-għan hu li l-elementi prinċipali ta’ kwalunkwe aġġustamenti fil-qafas isiru disponibbli għall-industrija qabel iż-żmien tal-applikazzjoni.

    Il-kriterji għall-għoti ta’ liċenzja tal-produzzjoni

    Fl-interess ta’ ġestjoni tajba tar-riżorsi u biex l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-petroleum fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża jsiru b’mod rapidu u effiċjenti, inkluż il-kompożizzjoni ta’ gruppi ta’ liċenzja biex jiżguraw dan, għandhom japplikaw il-kriterji li ġejjin għall-għoti tal-parteċipazzjonijiet fil-liċenzji tal-produzzjoni u għall-ħatra ta’ operatur:

    (a)

    L-għarfien ġeoloġiku tal-applikant dwar iż-żona ġeografika inkwistjoni, u kif il-liċenzjati jipproponu li jwettqu l-esplorazzjoni effiċjenti għall-petroleum.

    (b)

    Il-kompetenza teknika rilevanti tal-applikant, u kif din il-kompetenza tista’ tikkontribwixxi b’mod attiv għall-esplorazzjoni kosteffikaċi u, skont kif ikun xieraq, il-produzzjoni tal- tal-petroleum fiż-żona ġeografika inkwistjoni.

    (c)

    L-esperjenza tal-applikant fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża jew esperjenza rilevanti ekwivalenti f’żoni oħra.

    (d)

    Li l-applikant ikollu kapaċità finanzjarja sodisfaċenti biex iwettaq l-esplorazzjoni għall-petroleum u, kif xieraq, il-produzzjoni tal-petroleum fiż-żona ġeografika inkwistjoni.

    (e)

    Jekk l-applikant huwa, jew kien, detentur ta’ liċenżja tal-produzzjoni l-Ministeru jista’ jieħu f’kunsiderazzjoni kwalunkwe forma ta’ ineffiċjenza jew nuqqas ta’ akkontabbiltà murija mill-applikant bħala detentur ta’ liċenzja.

    (f)

    Il-liċenzji tal-produzzjoni se jingħataw prinċipalment lil impriża konġunta li fiha mill-inqas detentur ta’ liċenzja wieħed ikun ħaffer mill-inqas bir wieħed fil-Blata Kontinentali Norveġiża bħala operatur, jew ikollu esperjenza operazzjonali rilevanti ekwivalenti mhux fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża.

    (g)

    Il-liċenzji għall-produzzjoni se jingħataw prinċipalment lil żewġ detenturi jew aktar, fejn minn tal-inqas wieħed minnhom ikollu esperjenza kif imsemmi f’f).

    (h)

    Operatur maħtur għal-liċenzji tal-produzzjoni fil-Baħar Barents irid ikun ħaffer minn tal-inqas bir wieħed fil-Blata Kontinentali Norveġiża bħala operatur, jew ikollu esperjenza operazzjonali rilevanti ekwivalenti mhux fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża.

    (i)

    Għal-liċenzji ta’ produzzjoni f’baħar fond, kemm l-operatur li jinħatar kif ukoll minn tal-anqas detentur tal-liċenzja ieħor iridu jkunu ħaffru minn tal-anqas bir wieħed fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża bħala operatur, jew ikollhom esperjenza operazzjonali rilevanti ekwivalenti mhux fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża. Fil-liċenzja tal-produzzjoni, detentur ta’ liċenzja wieħed irid ikun ħaffer f’baħar fond bħala operatur.

    (j)

    Għal-liċenzji tal-produzzjoni fejn ikun mistenni li jsir tħaffir ta’ bjar fi pressjoni għolja u/jew temperaturi għoljin (HPHT), kemm l-operatur maħtur kif ukoll minn tal-anqas detentur ta’ liċenzja ieħor iridu jkunu ħaffru minn tal-anqas bir wieħed fil-Blata Kontinentali Norveġiża bħala operatur, jew ikollhom esperjenza operazzjonali rilevanti ekwivalenti mhux fuq il-Blata Kontinentali Norveġiża. Fil-liċenzja tal-produzzjoni, detentur ta’ liċenzja wieħed irid ikun ħaffer bir HPHT bħala operatur.

    Blokok li għalihom tista’ ssir applikazzjoni

    L-applikazzjonijiet għal interessi ta’ parteċipazzjoni f’liċenzji tal-produzzjoni jistgħu jiġu sottomessi għall-blokok li mhumiex liċenzjati fiż-żona ddefinita minn qabel, kif muri fuq il-mapep ippubblikati mill-NPD. Huwa wkoll possibbli li ssir applikazzjoni għal żoni li ġew ċeduti fiż-żona definita minn qabel, wara t-tħabbira skont mapep aġġornati dwar il-Factmaps interattivi tad-Direttorat tal-Petroleum Norveġiż li jinsabu fil-paġna web tal-NPD).

    Kull liċenzja tal-produzzjoni tista’ tikkonsisti fi blokka waħda jew akta, jew f’parti minn blokka/blokok. L-applikanti huma mitluba jillimitaw id-deskrizzjoni fl-applikazzjoni għal żoni fejn huma jkunu mmappjaw prospettivament.

    It-test sħiħ tat-tħabbira, li jinkludi mapep iddettaljati taż-żoni disponibbli jinsab fuq il-paġna web tad-Direttorat tal-Petroleum Norveġiż www.npd.no/apa2018

    L-applikazzjonijiet għal liċenzji tal-produzzjoni tal-Petroleum jintbagħtu lil

    Il-Ministeru tal-Petroleum u l-Enerġija

    P.O. Box 8148 Dep.

    0033 OSLO

    NORWAY

    Għandhom jintbagħtu żewġ kopji lil

    The Norwegian Petroleum Directorate

    P.O. Box 600

    4003 STAVANGER

    NORWAY

    Skadenza: nofsinhar tal-4 ta’ Settembru 2018.

    L-għoti ta’ liċenzji tal-produzzjoni tal-Petroleum fl-Aġġudikazzjonijiet f’Żoni Predefiniti 2019 fil-Blata Kontinentali Norveġiża huwa ppjanat li jseħħ fl-ewwel kwart tal-2019.


    Top