EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2016P0004

Azzjoni mressqa fit-2 ta’ Marzu 2016 mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA kontra r-Renju tan-Norveġja (Kawża E-4/16)

ĠU C 338, 15.9.2016, p. 12–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 338/12


Azzjoni mressqa fit-2 ta’ Marzu 2016 mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA kontra r-Renju tan-Norveġja

(Kawża E-4/16)

(2016/C 338/14)

Azzjoni kontra r-Renju tan-Norveġja tressqet quddiem il-Qorti tal-EFTA fit-2 ta’ Marzu 2016 mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn Carsten Zatschler, Clémence Perrin u Marlene Lie Hakkebo, li jaġixxu bħala Aġenti tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, 35 Rue Belliard, 1040 Brussell, il-Belġju.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA titlob lill-Qorti tal-EFTA biex:

1.

Tiddikjara li r-Renju tan-Norveġja naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 33 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja billi naqas milli jadotta, sad-data ta’ skadenza taż-żmien preskritt fl-opinjoni motivata mibgħuta lir-Renju tan-Norveġja skont l-Artikolu 31(2) ta’ dan il-Ftehim, il-miżuri meħtieġa biex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tat-2 ta’ Diċembru 2013 fil-Kawża E-13/13 (l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA vs. ir-Renju tan-Norveġja).

2.

Tordna lill-konvenut iħallas l-ispejjeż ta’ dawn il-proċedimenti.

L-isfond legali u fattwali u l-motivi miġjuba bħala sostenn:

L-applikazzjoni tindirizza n-nuqqas tar-Renju tan-Norveġja li jikkonforma, sa mhux aktar tard mit-8 ta’ Settembru 2015, ma’ opinjoni motivata mogħtija mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fit-8 ta’ Lulju 2015 rigward in-nuqqas ta’ dan l-Istat li jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 33 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja (“SCA”), li jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tat-2 ta’ Diċembru 2013 fil-Kawża E-13/13 (l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA vs Ir-Renju tan-Norveġja).

Il-Kawża E-13/13 kienet tikkonċerna l-konformità tar-Renju tan-Norveġja mad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (“id-Direttiva AML”).


Top