Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2014C0244

    Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 244/14/COL tas-26 ta' Ġunju 2014 dwar l-għajnuna potenzjali lill-Nasjonal digital læringsarena (NDLA) [2015/1902]

    ĠU L 277, 22.10.2015, p. 41–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/1902/oj

    22.10.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 277/41


    DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

    Nru 244/14/COL

    tas-26 ta' Ġunju 2014

    dwar l-għajnuna potenzjali lill-Nasjonal digital læringsarena (NDLA) [2015/1902]

    (In-Norveġja)

    L-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA (“l-Awtorità”),

    WARA LI KKUNSIDRAT:

    Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), u partikolarment l-Artikolu 61 u l-Protokoll 26,

    Il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (“SCA”), u b'mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

    il-Protokoll 3 għall-“SCA” (“Protokoll 3”), b'mod partikolari l-Artikolu 7(2) tal-Parti II,

    WARA li talbet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1),

    Billi:

    I.   IL-FATTI

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Permezz ta' ittra datata l-15 ta' April 2010 (Avveniment Nru 553725), Den Norske Forleggerforening, l-Assoċjazzjoni tal-Pubblikaturi Norveġiża (“NPA”) bagħtet ilment lill-Awtorità fejn allegat illi ngħatat għajnuna mill-Istat illegali lill-Nasjonal digital læringsarena (“NDLA”). B'ittra datata l-15 ta' Lulju 2011 (Avveniment Nru 608593), l-ilmentatur issottometta aktar informazzjoni.

    (2)

    Permezz tal-ittra ddatata t-2 ta' Lulju 2010 (Avveniment Nru 558201), l-Awtorità talbet aktar informazzjoni. B'ittra datata d-9 ta' Settembru 2010 (Avveniment Nru 568942), l-awtoritajiet Norveġiżi wieġbu għat-talba għal aktar informazzjoni. Barra minn hekk, saru diskussjonijiet bejn l-Awtorità u l-awtoritajiet Norveġiżi dwar il-każ fin-Norveġja bejn it-13 u l-14 ta' Ottubru 2010. L-informazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet Norveġiżi ntbagħtet lill-Awtorità b'ittra datata l-1 ta' Diċembru 2010 (Avveniment Nru 579405).

    (3)

    L-Awtorità talbet għal informazzjoni addizzjonali permezz ta' ittra datata l-4 ta' Frar 2011 (Avveniment Nru 574762). L-awtoritajiet Norveġiżi wieġbu permezz ta' ittra ddatata s-7 ta' Marzu 2011 (Avveniment Nru 589528). L-awtoritajiet Norveġiżi taw aktar kjarifiki permezz ta' emails fit-2 ta' Mejju 2011 u fit-12 ta' Awwissu 2011 (Avveniment Nru 596402 u 608596).

    (4)

    Fit-12 ta' Ottubru 2011 l-Awtorità adottat Deċiżjoni Nru 311/11/COL fejn ġie deċiż illi l-miżura ma kinetx tikkostitwixxi għajnuna tal-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE (“id-Deċiżjoni”) (2). Fid-9 ta' Jannar 2012 ir-rikorrent ressaq rikors kontra d-Deċiżjoni u, b'sentenza fil-Każ E-1/12 Den norske Forleggerforening v EFTA Surveillance Authority datata l-11 ta' Diċembru 2012, il-Qorti tal-EFTA ħassret id-Deċiżjoni (“is- Sentenza”) (3).

    (5)

    Wara s-Sentenza, l-Awtorità adottat id-Deċiżjoni Nru 136/13/COL fis-27 ta' Marzu 2013 fejn nediet investigazzjoni formali (4). L-awtoritajiet Norveġiżi ppreżentaw il-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni fis-6 ta' Mejju 2013 (Avveniment Nru 672024). L-NPA ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fil-31 ta' Lulju 2013 (Avveniment Nru 679681). Ġew ippreżentati numru ta' kummenti bejn it-2 u l-15 ta' Settembru 2013. Dawn il-kummenti minn terzi twasslu quddiem l-awtoritajiet Norveġiżi b'emails datati l-4 ta' Ottubru 2013 (Avvenimenti Nru 685793, 685794 u 685797) u s-7 ta' Ottubru 2013 (Avvenimenti Nru 685884, 685885, 685886, 685887, 685889) u b'ittra datata d-29 ta' Ottubru 2013 (Avveniment Nru 688133).

    (6)

    Wara talba mill-NPA, saret laqgħa fi Brussell fis-16 ta' Ottubru 2013 li matulha l-NPA tat preżentazzjoni fejn indikat aktar kummenti dwar il-każ. Fis-27 ta' Ottubru 2013, l-NPA bagħtet kopja tal-materjal tal-preżentazzjoni tagħha flimkien ma' aktar kummenti bil-miktub (Avveniment Nru 688135) li twasslu lill-awtoritajiet Norveġiżi fid-29 ta' Ottubru 2013. L-awtoritajiet Norveġiżi ppreżentaw il-kummenti tagħhom fid-29 ta' Marzu 2013 (Avveniment Nru 691769).

    (7)

    L-Awtorità talbet għal aktar informazzjoni permezz ta' ittra datata s-17 ta' Frar 2014 (Avveniment Nru 694424). L-awtoritajiet Norveġiżi wieġbu permezz ta' ittra datata l-31 ta' Marzu 2014 (Avvenimenti Nru 703980 u 703991, l-Annessi 1-28 fl-Avveniment Nru 703987).

    2.   L-NDLA (NASJONAL DIGITAL LÆRINGSARENA)

    (8)

    L-NDLA hija entità stabbilita mill-awtoritajiet Norveġiżi tal-kontea abbażi tal-Artikolu 27 tal-Att dwar il-Gvern Lokali (5). Ma għandhiex personalità ġuridika.

    (9)

    L-Artikolu 27 tal-Att dwar il-Gvern Lokali jgħid illi l-muniċipalitajiet jew l-awtoritajiet tal-kontea jistgħu jingħaqdu biex iwettqu dmirijiet komuni. Il-kooperazzjoni għandha sseħħ permezz ta' bord maħtur mill-muniċipalità jew awtorità tal-kontea rilevanti. Il-bord jista' jkollu s-setgħa jadotta deċiżjonijiet dwar l-operat u l-organizzazzjoni tal-kooperazzjoni inter-muniċipali. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni tistipula illi l-istatut tal-assoċjazzjoni ta' din il-kooperazzjoni għandu jistabbilixxi l-ħatra u r-rappreżentazzjoni fil-bord, il-firxa ta' attivitajiet, jekk il-muniċipalitajiet/awtoritajiet tal-kontea għandhomx jagħmlu kontribuzzjoni finanzjarja, jekk il-bord jistax jidħol fi ftehim ta' self jew b'xi mod ieħor jobbliga lill-muniċipalitajiet/awtoritajiet tal-kontea parteċipanti b'responsabbiltajiet finanzjarji u fl-aħħarnett, kif għandha tintemm din il-kooperazzjoni. Jistgħu jieħdu sehem biss f'kooperazzjoni inter-muniċipali l-muniċipalitajiet u l-awtoritajiet tal-kontea. Ma jistgħux jieħdu sehem la l-Istat, entitajiet tal-Istat oħra u l-anqas entitajiet privati f'dawn il-kooperazzjonijiet. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni trid tkun ġenwina fis-sens illi l-liġi ma tippermettix illi l-ġestjoni tal-kooperazzjoni tiġi delegata lil awtorita' tal-kontea waħdanija.

    (10)

    It-twaqqif tal-NDLA huwa deskritt fit-Taqsima I.4.4.

    (11)

    L-għan tal-NDLA huwa li jiżviluppa u jakkwista materjal tat-tagħlim diġitali sabiex dak il-materjali jiġi ppubblikat mingħajr ħlas fuq l-Internet għall-użu mill-għalliema u l-istudenti. Dan isir permezz tal-pubblikazzjoni tal-materjali fuq sit elettroniku miftuħ. Għandu erba' oqsma ewlenin ta' attività: l-ewwel nett, l-iżvilupp u l-provvista ta' materjal għat-tagħlim diġitali għall-iskejjel sekondarji superjuri; it-tieni nett, l-akkwist ta' materjal għat-tagħlim diġitali minn fornituri terzi; fit-tielet lok, il-kontroll ta' kwalità tal-materjal ta' tagħlim; u fir-raba' lok, l-operat tas-sit elettroniku li minnu jiġi ppubblikat il-materjal għat-tagħlim diġitali (dawn l-attivitajiet minn issal-quddiem jiġu msejħa wkoll bħala “l-akkwist, l-iżvilupp u l-forniment tal-materjali tat-tagħlim diġitali”).

    3.   L-ILMENTATUR — L-ASSOĊJAZZJONI TAL-PUBBLIKATURI NORVEĠIŻI (“L-NPA”)

    (12)

    L-NPA tirrappreżenta l-kumpaniji li huma jew li jistġħu jkunu attivi fl-iżvilupp u d-distribuzzjoni tal-materjal għat-tagħlim diġitali.

    (13)

    L-ilmentatur jgħid illi l-għoti tal-fondi lill-NDLA għall-akkwist, żvilupp u forniment ta' materjali għat-tagħlim diġitali jikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat lill-NDLA. F'dak ir-rigward, l-ilmentatur jenfasizza illi — fil-fehma tiegħu — l-NDLA mhix parti integrata mill-amministrazzjoni pubblika iżda hija impriża fi ħdan it-tifsira tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. L-ilmentatur ifakkar illi, skont ġurisprudenza stabbilita, impriża hija entità li twettaq attività ekonomika. L-ilmentatur jissuġġerixxi li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti tal-Ġustizzja”), attività ekonomika hija attività, li tista', għallinqas fil-prinċipju, titwettaq minn impriża privata sabiex ikun hemm qligħ. Għalhekk, kull entità li twettaq attività li tista ssir għall-qligħ hija impenjata f'attività ekonomika.

    (14)

    L-ilmentatur jissottometti wkoll illi kien hemm suq għall-materjal għat-tagħlim diġitali qabel l-attivitajiet tal-NDLA u li l-NDLA issa qed tikkompeti ma' impriżi privati stabbiliti li joffru riżorsi għat-tagħlim diġitali. L-ilmentatur isostni illi fuq din il-bażi l-iżvilupp u l-forniment tar-riżorsi tat-tagħlim diġitali jikkostitwixxu attività ekonomika. L-ilmentatur ikompli jissuġġerixxi illi l-attivitajiet l-oħra tal-NDLA huma marbuta mill-qrib mal-iżvilupp u l-forniment tar-riżorsi tat-tagħlim diġitali u għalhekk iridu jiġu kkunsidrati bħala ekonomiċi min-natura tagħhom.

    (15)

    L-ilmentatur isostni wkoll illi l-Artikolu 59(2) tal-Ftehim ŻEE ma japplikax u jikkonkludi illi — fin-nuqqas ta' notifika — l-Istat Norveġiż ta għajnuna mill-Istat illegali bi ksur tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    4.   TAGĦRIF EŻISTENTI

    4.1.   IS-SISTEMA EDUKATTIVA FIN-NORVEĠJA

    (16)

    L-edukazzjoni fin-Norveġja tingħata permezz ta' sistema ta' skejjel pubbliċi mingħajr ħlas. Din is-sistema hija maqsuma fi skola primarja obbligatorja (età minn 6 sa 13), skola sekondarja (età 13 sa 16) u skola post sekondarja mhux obbligatorja (età 16 sa 19).

    (17)

    Fl-2006 l-awtoritajiet Norveġiżi iddeċidew, matul l-“Inizjattiva għall-Promozzjoni tal-Għarfien” (6), illi l-iskejjel Norveġiżi kollha kellhom jenfasizzaw ċerti ħiliet bażiċi fis-suġġetti kollha. Waħda minn dawn il-ħiliet hija l-ħila biex jitgħallem suġġett partikolari bl-użu tal-informazzjoni diġitali u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni. Dan ir-rekwiżit ġie introdott fil-kurrikulu nazzjonali għall-istudenti fl-iskola obbligatorja ta' għaxar snin (pereżempju skola għal-klassijiet minn 1 sa 10) u għall-istudenti fl-ewwel sena tal-iskola sekondarja superjuri (pereżempju skola għall-klassijiet 11 SA 13) u l-apprentistati. Skont l-Att Norveġiż dwar l-Edukazzjoni (7), l-awtoritajiet tal-kontea huma responsabbli biex jiksbu dawk ir-rekwiżiti.

    (18)

    Barra minn hekk, fl-2007, l-awtoritajiet Norveġiżi emendaw l-Att dwar l-Edukazzjoni u obbligaw lill-muniċipalitajiet tal-kontea biex jipprovdu lill-istudenti bil-materjali tat-tagħlim stampati u diġitali meħtieġa mingħajr ħlas. Għandu jiġi nnutat illi sa dak iż-żmien l-istudenti fl-iskola sekondarja superjuri Norveġiża (klassijiet 11 sa 13) kellhom jixtru l-materjal tat-tagħlim tagħhom skont l-għażla tal-materjal ta' tagħlim indikat mill-iskejjel b'konformità mal-kurrikulu nazzjonali. Il-bidla ġiet implimentata wara li l-gvern Norveġiż eżamina modi possibbli għall-, u l-konsegwenzi ekonomiċi ta', l-implimentazzjoni ta' materjal ta' tagħlim mingħajr ħlas fis-sistema edukattiva fl-iskejjel sekondarji superjuri (8).

    (19)

    Skont White Paper (9), il-prinċipju tal-provvista ta' materjal tat-tagħlim mingħajr ħlas mhux ġdid għaliex kien diġà qed jiġi provdut fil-projbizzjoni ta' miżati għat-tagħlim, li seta' jiġi interpretat li jfisser illi l-materjal tat-tagħlim wkoll għandu jingħata mingħajr ħlas. Madanakollu, il-White Paper irrikonoxxiet illi l-prinċipju tal-materjal tat-tagħlim mingħajr ħlas ma kienx regolat espressament, billi qalet illi:

    “[Ir-]regola hija ġdida iżda mhix maħsuba biex tbiddel il-liġi eżistenti. Il-prinċipju tal-edukazzjoni mingħajr ħlas ġej mill-Artikolu 35 tal-Att dwar l-Iskola Sekondarja  (10) dwar l-edukazzjoni, it-tielet paragrafu, li ma jippermettix li jitħallsu miżati għat-tagħlim. Is-sistema eżistenti fejn l-istudenti u l-apprentisti jridu jixtru l-materjal u għodda ta' tagħlim tagħhom stess mhix regolata mil-liġi. (11) (traduzzjoni mhux uffiċjali)

    (20)

    Fil-fatt, is-sottotaqsima l-ġdida 9 tal-Att dwar l-Edukazzjoni, Taqsima 3-1, issa tgħid b'mod ċar illi:

    L-edukazzjoni u t-taħriġ provduti fi skejjel sekondarji superjuri pubbliċi jew stabbilimenti ta' taħriġ huma mingħajr ħlas. L-awtorità tal-kontea hija responsabbli biex tagħti lill-istudenti l-għodda meħtieġa għat-tagħlim stampati u diġitali u t-tagħmir diġitali. L-istudenti ma jistgħux jiġu mistennija jħallsu spejjeż ogħla minn dawk li ġew deċiżi fir-regolament għal dawn il-materjali u tagħmir. (…)” (12). (traduzzjoni mhux uffiċjali)

    4.2.   DISPOŻIZZJONIJIET FIL-BAĠIT RIVEDUT TAL-ISTAT

    (21)

    L-obbligu tal-forniment ta' materjal tat-tagħlim stampat u diġitali mingħajr ħlas jikkostitwixxi piż finanzjarju impenjattiv fuq l-awtoritajiet tal-kontea Norveġiżi. Minħabba dawn l-ispejjeż addizzjonali, il-gvern Norveġiż iddeċieda fl-2006 li jagħti fondi addizzjonali. L-għoti ta' dawn il-fondi kien inkluż f'baġit rivedut tal-Istat li ġie adottat fit-12 ta' Mejju 2006:

    Il-gvern għandu l-għan li jintroduċi materjali tat-tagħlim mingħajr ħlas fl-iskejjel sekondarji. Fl-istess ħin il-gvern irid jixpruna l-użu tal-materjali tat-tagħlim diġitali fl-iskejjel sekondarji. Bħala element fil-ħidma lejn spejjeż imnaqqsa għall-istudent individwali permezz ta' aċċess usa' għal u l-użu ta' materjali tat-tagħlim diġitali, il-Gvern jissuġerixxi illi jintużaw NOK 50 000 000 għall-iżvilupp u l-użu tal-materjal tat-tagħlim diġitali.

    L-applikazzjonijiet mill-kontej jistgħu jinkludu waħda, bosta jew l-iskejjel kollha sekondarji fil-kontea kif ukoll qasam wieħed jew diversi. L-għan ta' din il-kontribuzzjoni huwa li jistimola l-iżvilupp u l-użu tal-materjal tat-tagħlim diġitali u jikkontribwixxi fit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-istudenti marbuta mal-materjali tat-tagħlim.

    Il-fondi jistgħu jiġu użati għall-akkwist ta' jew għall-iżvilupp lokali ta' materjal tat-tagħlim diġitali. Il-fondi ma jistgħux jintużaw għall-iżvilupp tal-infrastruttura diġitali. Il-pjan huwa li tingħata (sic.) [prijorità] lill-applikazzjonijiet ibbażati fuq il-kooperazzjoni bejn il-kontej.” (13) (traduzzjoni mhux uffiċjali mill-awtoritajiet Norveġiżi)

    4.2.1.    Stedina għas-Sottomissjoni ta' Applikazzjoni

    (22)

    F'ittra datata d-19 ta' Ġunju 2006 il-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka bagħat stedina lill-awtoritajiet tal-kontea biex japplika jew b'mod separat jew konġunt għan NOK 50 miljun li kienu se jsiru disponibbli mill-15 ta' Awwissu 2006. L-ittra tiddeskrivi l-objettivi u l-kunċett tal-inizjattiva kif ġej:

    “Żieda fl-aċċess għall-materjal tat-tagħlim diġitali fl-edukazzjoni sekondarja ogħla, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-użu usa' tiegħu.

    Titjib fil-kompetenza fl-edukazzjoni sekondarja ogħla u fost is-sidien tal-iskejjel fl-akkwist u/jew l-iżvilupp tal-materjali tat-tagħlim diġitali.

    Żieda fil-volum u d-diversità tal-materjal għat-tagħlim diġitali maħsub għall-edukazzjoni sekondarja ogħla.

    Tnaqqis fl-infiq tal-istudenti marbuta mal-akkwist tal-materjal għat-tagħlim.” (traduzzjoni mhux uffiċjali mill-awtoritajiet Norveġiżi)

    (…) Fil- [baġit rivedut tal-Istat] għall-2006 il-gvern jistqarr dan li ġej:

    Il-fondi jistgħu jiġu użati għall-akkwist ta' riżorsi għat-tagħlim diġitali u biex jiġu żviluppati riżorsi għat-tagħlim diġitali lokali. (14) (traduzzjoni mhux uffiċjali)

    4.2.2.    Il-ħolqien tal-NDLA

    (23)

    F'Awwissu 2006, il-kapijiet tal-edukazzjoni tad-19-il awtorità tal-kontea Norveġiżi ltaqgħu biex jiddiskutu l-possibiltà ta' applikazzjoni konġunta għall-fondi. Filwaqt li l-awtorità tal-kontea ta' Oslo ddeċidiet illi ma tiħux sehem fi project kooperattiv, it-18-il awtorità tal-kontea l-oħra ddeċidew li jieħdu sehem f'kooperazzjoni inter-muniċipali u li jwaqqfu l-NDLA biex tiġġestixxi l-proċess għal perjodu indefinit. Kull waħda minn dawn l-awtoritajiet wara adottat din ir-riżoluzzjoni:

    Il-Kunsill tal-Kontea għadda riżoluzzjoni għall-kontei li ġejjin, Akershus, Aust-Agder, Buskerud, Finnmark, Hedmark, Hordaland, Nordland, Nord-Trøndelag, Møre og Romsdal, Oppland, Rogaland, Sogn og Fjordane, Sør-Trøndelag, Telemark, Troms, Vest-Agder, Vestfold and Østfold, biex jistabbilixxu kooperazzjoni inter-muniċipali, l-NDLA, flimkien ma' Bord għalih, skont l-Artikolu 27 tal-Att dwar il-Gvern Lokali. L-għan ta' din il-kollaborazzjoni huwa li jiġi ffaċilitat l-akkwist, l-iżvilupp, it-twettiq fis-seħħ u l-organizzazzjoni tar-riżorsi diġitali tat-tagħlim għas-suġġetti kollha fl-edukazzjoni sekondarja ogħla. Ir-riżultat se jsarraf f'materjal għat-tagħlim diġitali mingħajr ħlas li jiffaċilità t-tagħlim u t-tixrid attiv (…) (15) (traduzzjoni mhux uffiċjali mill-awtoritajiet Norveġiżi)

    (24)

    Fl-1 ta' Diċembru 2012, Akershus iddeċidiet li toħroġ mill-NDLA, iżda wara ddeċidiet li terġa tissieħeb mill-1 ta' Jannar 2014. Skont id-daħla għar-rapport annwali tal-NDLA tal-2012, “l-awtorità tal-kontea ta' Akershus annullat l-isħubija tagħha minħabba n-numru baxx ta' viżitaturi mill-iskejjel tagħha stess (…) (16) (traduzzjoni mhux uffiċjali). Skont l-informazzjoni fuq is-sit elettroniku tal-NDLA, ir-raġuni ta' Akershus għas-sħubija mill-ġdid tagħha kienet illi “[m]inn dakinhar tal-irtirar tagħha mill-NDLA, l-użu tas-suġġetti fuq ndla.no kiber b'mod enormi.” (traduzzjoni mhux uffiċjali), illi jfisser illi l-NDLA, mil-lum, hija ffurmata minn 18-il awtorità tal-kontea.

    4.3.   FONDI GĦALL- AWTORITAJIET TAL-KONTEA

    (25)

    L-applikazzjoni għall-fondi mill-Istat ġiet sottomessa b'mod konġunt mit-18-il awtorità tal-kontea lill-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka fil-15 ta' Ottubru 2006, li ta l-approvazzjoni preliminari tiegħu permezz ta' għotja ta' NOK 2 miljun għall-ippjanar tal-proġett u NOK 15 miljun oħra għall-iżvilupp u l-akkwist ta' materjal (jiġifieri total ta' NOK 17-il miljun). L-għotja ta' NOK 15-il miljun ma setgħetx tingħata qabel ma ġie approvat il-pjan tal-proġett (17). Il-pjan tal-proġett, li wasal fis-16 ta' Frar 2007, ġie approvat fl-20 ta' April 2007 u n-NOK 15-il miljun addizzjonali ngħataw soġġetti għal numru ta' kundizzjonijiet:

    Il-fondi għandhom jiġu użati għall-akkwist, żvilupp u/jew adattament tal-għodda tat-tagħlim diġitali fis-suġġetti Norveġiżi u x-xjenza naturali, għal VGI,  (18) mill-Ħarifa tal-2007

    (…)

    Il-Ministeru jitlob ukoll illi l-awtoritajiet tal-kontea flimkien jidentifikaw entità ġuridika responsabbli li tieħu ħsieb ir-responsabbiltà tal-awtorità tal-kontea għar-riżorsi tat-tagħlim diġitali skont din l-inizjattiva. Din l-entità tista' tkun pereżempju korporazzjoni, kooperazzjoni inter-muniċipali jew awtorità tal-kontea ospitanti iżda ma tistax twettaq attività ekonomika.

    (…)

    Il-Ministeru jistenna illi l-akkwist tal-materjal ta' tagħlim diġitali u s-servizzi ta' żvilupp isiru skont ir-regolamenti għall-akkwist pubbliku. L-iżvilupp tar-riżorsi għat-tagħlim diġitali mill-impjegati tal-awtorità tal-kontea jrid jiġi kkunsidrat bħala attività propja, jekk l-awtoritajiet tal-kontea ma jagħmlux qliegħ minn din l-attività. L-iżvilupp minn persuni li mhumiex impjegati tal-awtorità tal-kontea jrid jitqies bħala x-xiri ta' servizzi u għandu jiġi evalwat fuq il-bażi tar-regoli u r-regolamenti għall-akkwist pubbliku. (19) (traduzzjoni mhux uffiċjali)

    (26)

    Wara l-approvazzjoni tal-fondi il-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka ttrasferixxa NOK 30,5 miljun fuq perjodu ta' tliet snin (NOK 2 miljun u 15-il miljun fl-2006-2007, NOK 9 miljun fl-2008 għall-iżvilupp ta' materjal għat-tagħlim (diġitali) u NOK 4,5 miljun fl-2009 għall-infrastruttura u l-għajnuna teknika) lill-proġett NDLA (ara s-sommarju fit-tabella hawn taħt fil-paragrafu 27) (20).

    (27)

    Minbarra dan, wara l-emenda tal-Att dwar l-Edukazzjoni fl-2007, l-awtoritajiet tal-kontea ngħataw kumpens għall-obbligi biex jipprovdu (b'mod stampat u diġitali) materjal tat-tagħlim permezz ta' żieda fl-iskema tal-għotjiet tal-awtorità tal-kontea mill-Ministeru tal-Gvernijiet Lokali u l-Iżvilupp Reġjonali, li ngħata l-isem ġdid ta' Ministeru tal-Gvern Lokali u l-Immodernizzar mill-1 ta' Jannar 2014 (21). Dan il-kumpens kien ibbażat fuq l-istimi tal-ispejjeż biex jiġu pprovduti l-materjali għat-tagħlim għas-suġġetti kollha. L-ammonti ta' kumpens huma miġbura fil-qasir hawn taħt (22):

    Sena

    2006-2007

    2008

    2009

    2010

    Għotja mill-Istat lill-awtoritajiet tal-kontea sabiex ikunu jistgħu jipprovdu materjal għat-tagħlim b'xejn (ġenerali)

    NOK 287 miljun

    NOK 211 miljun

    NOK 347 miljun

    NOK 308 miljun

    Għotja mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka lill-NDLA (speċifiku)

    NOK 17 miljun

    NOK 9 miljun

    NOK 4,5 (23) miljun

    4.3.1.    Il-finanzjament tal-NDLA mill-Awtoritajiet tal-Kontea

    (28)

    L-awtoritajiet tal-kontea parteċipanti ddeċidew li jużaw parti mill-fondi mill-iskema ġenerali ta' għotjiet, imsemmija fil-paragrafu 27 hawn fuq, għall-proġett NDLA. L-allokazzjoni tal-baġit tal-awtoritajiet tal-kontea hija miġbura fil-qasir hawn taħt (24):

    Sena

    2008

    2009

    2010

    2011

    2012

    Għotja mill-awtoritajiet tal-kontea (25) lill-NDLA

    NOK 21,1 miljun

    NOK 34,7 miljun

    NOK 58,8 (26) miljun

    NOK 57,7 (27) miljun

    NOK 64,9 (28) miljun

    Persentaġġ/ammont tal-baġit tal-awtoritajiet tal-kontea għall-materjali tat-tagħlim mingħajr ħlas lill-NDLA.

    10 %

    10 %

    20 %

    NOK 355 kull student

    NOK 400 kull student

    (29)

    Filwaqt li l-mod kif il-fondi ngħataw lill-NDLA inbidel maż-żmien, is-sors aħħari tal-finanzjament jibqa' l-istess, jiġifieri għotjiet mil-Istat, permezz tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka u l-Ministeru tal-Gvernijiet Lokali u l-Immodernizzar.

    (30)

    Tabilħaqq, fl-ewwel sena ta' operat tagħha, l-NDLA ingħatat fondi direttament mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka (NOK 17 miljun fl-2007). Imbagħad fit-tieni u t-tielet sena, l-NDLA kienet iffinanzjata direttament kemm mill-Istat kif ukoll mill-awtoritajiet tal-Istat, li allokaw parti mill-għotjiet tagħhom mill-Istat lill-NDLA.

    (31)

    Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka ikopri biss l-ispiża tas-support tekniku u l-infrastruttura lill-NDLA, jiġifieri l-aġġornar u ċ-ċaqliq tas-sistema ta' ġestjoni tal-kontenut, ta' NOK 4,5 miljun fl-2009, billi r-responsabbiltà finanzjarja għall-materjali ta' taħriġ mingħajr ħlas ġew trasferiti lill-awtorità tal-kontea mill-1 ta' Lulju 2009 (29).

    (32)

    Mill-2010 s'issa, l-NDLA qed tiġi finanzjata biss mill-baġits tal-awtoritajiet tal-kontea, li min-naħa tagħhom jużaw il-fondi li jirċievu mill-iskema ġenerali tal-għotjiet amministrati mill-Ministeru tal-Gvern Lokali u l-Immodernizzar.

    4.3.2.    Bażi Ġuridika għall- Iffinanzjar

    (33)

    Il-bażi ġuridika għall-fondi mħallsa mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka lill-NDLA hija r-riżoluzzjoni dwar il-baġit tal-Istat tal-Parlament flimkien mad-delega tal-kompetenza lill-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka biex japprovaw l-applikazzjonijiet għall-għotjiet.

    (34)

    Il-bażi ġuridika għal-għotjiet mill-awtoritajiet tal-kontea lill-NDLA tinsab fir-riżoluzzjonijiet tal-baġit tal-awtoritajiet tal-kontea parteċipanti (30).

    4.4.   IT-TWAQQIF TAL-NDLA  (31)

    4.4.1.    Kooperazzjoni Ad Hoc 15 ta' Ottubru 2006 — 1 ta' Lulju 2009

    (35)

    Mill-15 ta' Ottubru 2006 (32) sal-ewwel ta' Lulju 2009, l-NDLA kienet attiva bħala kooperazzjoni ad hoc qabel ma twaqqfet formalment bħala kooperazzjoni inter-muniċipali skont l-Artikolu 27 tal-Att dwar il-Gvern Lokali.

    (36)

    Mill-15 ta' Ottubru sal-15 ta' Frar 2007, l-awtoritajiet tal-kontea parteċipanti fl-NDLA ħadmu biex ilestu pjan ta' proġett biex jissottomettuh lill-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka sabiex jiksbu l-approvazzjoni u l-finanzjament għall-NDLA. Il-Ministeru rċieva l-pjan tal-proġett fis-16 ta' Frar 2007 u approvah f'April 2007 (33). Dak iż-żmien, id-deċiżjonijiet strateġiċi marbuta mal-proġett kienu ttieħdu mill-“forum għall-Kapijiet tal-Edukazzjoni tal-awtoritajiet tal-kontea” (“FFU”). (34) Il-ġestjoni ta' kuljum tal-proġett kienet immexxija minn bord ta' diretturi, maħtur mill-FFU, iffurmat minn ħames membri; dawn il-ħames membri kienu wkoll diretturi tal-edukazzjoni fuq livell ta' awtorità tal-kontea. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Norveġiżi il-bord jikkonsisti f'tal-inqas rappreżentant wieħed mit-tliet reġjuni ta' taħriġ (jiġifieri r-Reġjun tat-Tramuntana, ir-Reġjun tal-Lbiċ u r-Reġjun tal-Lvant) u l-mexxej tal-FFU (35).

    (37)

    Minbarra dawn il-ħames membri tal-bord, fuq il-proġett ħadmu wkoll erba' impjegati minn awtoritajiet tal-kontea differenti (36). Il-bord tad-diretturi tal-NDLA segwa mandat mifthiem minn qabel stabbilit mill-awtoritajiet tal-kontea parteċipanti, li jinkludi żewġ għanijiet speċifiċi (37):

    (i)

    It-twaqqif ta' organizzazzjoni li tista' toffri materjal tat-tagħlim diġitali aċċessibbli u mingħajr ħlas bl-għan fit-tul illi jkopri l-bżonnijiet ta' kull suġġett u qasam tas-suġġetti fl-iskejjel sekondarji ogħla; u

    (ii)

    Il-forniment ta' materjal tat-tagħlim diġitali li jkopri żewġ suġġetti speċifiċi, prinċipalment il-lingwa Norveġiża u x-xjenza (fit-tieni sena) fl-iskejjel sekondarji ogħla qabel il-Ħarifa tal-2007.

    (38)

    Sabiex entità ġuridika tkun tista' tibbenefika mill-fondi tal-Istat, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka jeħtieġ illi hija tkun responsabbli għall-proġett. Bħala riżultat ta' din it-talba, l-awtorità tal-kontea ta' Hordaland ġiet maħtura bħala l-entità ġuridika responsabbli. Dan ġie kkonfermat permezz ta' deċiżjoni mill-awtorità tal-kontea ta' Hordaland fis-16 ta' Ottubru 2007 (38) u bil-kunsens tal-awtoritajiet tal-kontea parteċipanti l-oħra permezz tal-bordijiet tagħhom.

    (39)

    Matul l-2008 u l-2009, l-awtoritajiet tal-kontea parteċipanti iddiskutew dwar kif għandha tiġi organizzata l-NDLA għall-futur. L-objettiv huwa illi l-arranġament jiġi formalizzat filwaqt li jinżammu baxxi l-bidliet meħtieġa għal-kooperazzjoni eżistenti (39). Eventalment, il-bordijiet tal-awtoritajiet tal-kontea kollha approvaw riżoluzzjonijiet identiċi li jawtorizzaw lill-awtoritajiet tal-kontea biex jipparteċipaw f'kooperazzjoni inter-muniċipali skont l-Artikolu 27 tal-Att dwar il-Gvern Lokali. Ir-riżoluzzjonijiet jgħidu illi l-għan tal-NDLA huwa li jixtri, jiżviluppa u jqassam materjal tat-tagħlim diġitali fis-suġġetti kollha li jiġu mgħallma fl-iskejjel sekondarji ogħla fin-Norveġja. L-awtoritajiet tal-kontea ddeċidew illi l-kollaborazzjoni ma għandix tkun entità ġuridika separata u dan ġie rifless fl-Istatut ta' Assoċjazzjoni tal-NDLA (40). L-NDLA twaqqaf formalment bħala kooperazzjoni inter-muniċipali fl-1 ta' Lulju 2009, li hija d-data stabbilita fl-Istatut ta' Assoċjazzjoni. Din id-data ġiet ikkonfermata mill-awtoritajiet Norveġiżi bħala d-data korretta ta' twaqqif (41). Skont l-informazzjoni provvduta mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-Istatut ta' Assoċjazzjoni ġie kemmxejn emendat fl-2012 (42). Din l-emenda ma biddlitx il-kompetenza tal-NDLA, kif stabbilita hawn taħt fil-paragrafu 52.

    4.4.2.    Kooperazzjoni inter-muniċipali — Bord ta' Superviżjoni u l-Bord ta' Tmexxija

    (40)

    Skont l-Istatut ta' Assoċjazzjoni, l-FFU ħadet l-irwol ta' Bord ta' Superviżjoni (43) u għalhekk tibqa responsabbli għall-ġestjoni totali, kif kien il-każ taħt il-fażi ta' kooperazzjoni ad hoc. Fit-test emendat tal-Istatut ta' Assoċjazzjoni tal-2012, ir-referenza għall-FFU tneħħiet, iżda l-kompożizzjoni u r-rwol tal-Bord ta' Superviżjoni baqa' l-istess. Dan jirrifletti l-għan u l-istruttura ta' kooperazzjoni inter-muniċipali fejn l-awtoritajiet tal-kontea parteċipanti kollha jridu jkunu rappreżentati fl-ogħla korp deċiżjonali (44).

    (41)

    Skont l-Istatut tal-Assoċjazzjoni, il-Bord tat-Tmexxija huwa ffurmat minn tal-inqas ħames membri inkluż tal-inqas rappreżentant wieżed għal kull wieħed mir-reġjuni ta' taħriġ (jiġifieri r-Reġjun tat-Tramuntana, ir-Reġjun tal-Lbiċ u r-Reġjun tal-Lvant), jiġifieri l-istess struttura bħal fil-fażi ta' kooperazzjoni ad hoc  (45).

    (42)

    Skont l-Istatut tal-Assoċjazzjoni (46), dmir il-Bord tat-Tmexxija huwa li jiżgura illi l-NDLA jista' jwettaq dmirijietu skont l-Istatut ta' Assoċjazzjoni, jiġifieri jiżgura (1) illi l-materjali tat-tagħlim diġitali jkunu disponibbli għall-utenti mingħajr ħlas, (2) illi l-iskola sekondarja ogħla tkun ikkaratterizzata minn kollaborazzjoni u qsim ta' informazzjoni, (3) ili l-istudenti u l-għalliema jieħdu sehem b'mod attiv fil-lezzjonijiet u t-tagħlim (4) illi l-istituzzjonijiet akkademiċi u n-netwerks mifruxa mal-pajjiż jkunu ta' xprun fl-iżvilupp ta' materjal tat-tagħlim diġitali eċċellenti u (5) li jkunu disponibbli kontenut u servizzi xierqa għall-bżonnijiet tal-għalliema u l-istudenti.

    (43)

    Għalkemm il-Bord tat-Tmexxija għandu s-setgħa li jidħol f'obbligi finanzjarji f'isem il-parteċipanti, l-Istatut ta' Assoċjazzjoni jgħid biċ-ċar illi l-Bord ta' Tmexxija jeżerċità din is-setgħa biss fuq il-bażi ta' deċiżjonijiet delegati tal-Bord ta' Superviżjoni li jista' jidderieġi lill-Bord ta' Tmexxija u jannulla d-deċiżjonijiet tiegħu. Fit-test emendat tal-Istatut ta' Assoċjazzjoni tal-2012, is-setgħa li jidħol għal obbligi finanzjarji f'isem il-membri parteċipanti tal-NDLA kienet impliċita, iżda l-funzjonament tal-Bord ta' Tmexxija ma nbidilx. F'kull każ, kull obbligu finanzjarju huwa limitat mill-baġit li jkun ġie miftiehem mill-awtoritajiet tal-kontea parteċipanti għall-NDLA. F'dak ir-rigward, għandu jiġi nnutat illi l-kwistjonijiet finanzjarji tal-NDLA jitwettqu mill-awtorità tal-kontea Hordaland u l-kontea tal-unità tal-akkwisti BTV (ara l-paragrafu 54 hawn taħt għal aktar dettalji). Barra minn hekk, l-Istatut ta' Assoċjazzjoni jgħid illi la l-Bord ta' Tmexxija u l-anqas il-Bord ta' Superviżjoni ma jistgħu jidħlu f'arranġament ta' kreditu jew joħorġu garanziji f'isem il-kooperazzjoni inter-muniċipali. F'dan ir-rigward l-awtoritajiet Norveġiżi spjegaw illi, fil-prattika, la l-Bord ta' Superviżjoni, il-Bord ta' Tmexxija u l-anqas l-amministrazzjoni ma jimponu obbligi finanzjarji ġodda fuq l-awtoritajiet tal-kontea.

    4.4.3.    Deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Kontea li Japprovaw il-kooperazzjoni inter-muniċipali.

    (44)

    Matul l-2009, it-18-il awtorità tal-kontea differenti adottaw deċiżjonijiet biex japprovaw il-ftehim u l-istatuti li jwaqqfu l-NDLA bħala kooperazzjoni inter-muniċipali. Dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu f'diversi mumenti mill-awtoritajiet tal-kontea, iżda l-biċċa l-kbira tagħhom saru qabel l-1 ta' Lulju 2009, id-data li fiha l-awtoritajiet tal-kontea kienu ddeċidew illi kellha sseħħ il-kooperazzjoni (47).

    (45)

    L-awtoritajiet Norveġiżi stqarru illi t-18-il awtorità tal-kontea ilhom parti mill-kooperazzjoni NDLA minn żmien il-fażi ta' kooperazzjoni ad hoc (bl-eċċezzjoni Akershus, li telqet u mbagħad reġgħet ingħaqdet, ara l-paragrafu 24 hawn fuq) u, barra minn hekk, illi l-kooperazzjoni formali bdiet fl-1 ta' Lulju 2009.

    (46)

    L-ewwel laqgħa tal-bord tal-NDLA seħħet fil-11 ta' Awwissu 2009 (48).

    4.5.   IL-BAĠIT U L-AKKWIST TAL-NDLA

    (47)

    L-ammont ta' fondi tal-NDLA f'kull sena jiġi deċiż mill-awtoritajiet tal-kontea parteċipanti. Id-deċiżjoni hija bbażata fuq rakkomandazzjoni mill-Bord ta' Tmexxija tal-NDLA li tippreżenta l-fehma tal-bord dwar l-ammont ta' fondi, iżda l-awtoritajiet tal-kontea mhumiex marbuta legalment b'din ir-rakkomandazzjoni. L-iskop ewlieni tal-finanzjament (49) huwa li jippermetti lill-NDLA tilħaq l-għanijiet dikjarati tagħha, prinċipalment li tixtri, tiżviluppa u tqassam materjal tat-tagħlim diġitali għas-suġġetti kollha li jiġu mgħalma fl-iskejjel sekondarji koperti mill-obbligu legali fl-Att dwar l-Edukazzjoni fin-Norveġja.

    (48)

    Għandu jiġi nnutat illi l-NDLA ma għandhiex diskrezzjoni biex titlob ħlas mill-awtoritajiet tal-kontea, mill-Istat jew minn konsumaturi privati għas-servizzi tagħha. B'mod partikolari, il-kontribuzzjonijiet lill-NDLA huma ffissati unilateralment mill-awtoritajiet tal-kontea u l-NDLA ma għandhiex setgħa ta' negozjar fir-rigward tal-ammont ta' dawk il-kontribuzzjonijiet. Jekk il-Bord ta' Tmexxija jrid jiżviluppa l-attivitajiet tal-NDLA,u b'hekk jixtieq żieda fil-baġit, il-kwistjoni trid titressaq għall-approvazzjoni mill-Bord ta' Superviżjoni. Jekk il-Bord ta' Superviżjoni jiddeċiedi li japprova żieda fil-baġit, il-kwistjoni tiġi trasferita lill-kunsill(i) (50) tal-kontea għall-approvazzjoni finali.

    (49)

    Sabiex jiġi żgurat illi l-NDLA twettaq it-tenders pubbliċi tagħha b'konformità sħiħa mal-Att dwar l-Akkwist Pubbliku (51), l-NDLA stabbiliet strateġija pubblika għat-tenders (52). Skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Norveġiżi, wieħed mid-dmirijiet ewlenin tal-NDLA huwa l-ġestjoni tal-iżvilupp tal-materjal tat-tagħlim diġitali l-ġdid permezz tal-akkwist pubbliku. Id-deċiżjoni biex jintuża l-akkwist pubbliku hija limitata mill-għanijiet ġenerali tal-NDLA u l-baġit tagħha. Fi żdan dawn il-limitazzjonijiet, l-NDLA hija libera li tiddeċiedi dwar il-kontenut tat-tenders (53).

    (50)

    Sa mill-2007, l-NDLA ħarġet disa' tenders pubbliċi ewlenin, bl-għajnuna tal-awtorità tal-kontea Hordaland (54). Dawn huma relatati mal-materjal tat-tagħlim diġitali, u jvarja mill-akkwist ta' prodotti u elementi finali, għall-aċċess għal immaġni, vidjows u servizzi ta' sapport relatati.

    (51)

    Kif imsemmi aktar il-fuq, il-ġestjoni tal-NDLA għandha s-setgħa timponi obbligi finanzjarji fuq l-awtoritajiet tal-kontea parteċipanti. Skont l-awtoritajiet Norveġiżi, il-ħsieb wara din id-dispożizzjoni kienet li tagħmilha ċara illi l-bord tal-NDLA ikollu s-setgħa jidħol fi ftehimiet ma' partijiet oħra. Biex jagħmel dan, il-Bord ta' Tmexxija kellu bżonn is-setgħa li jimponi obbligi fuq l-awtoritajiet tal-kontea parteċipanti fil-kooperazzjoni, għaliex dan jobbliga lill-awtoritajiet tal-kontea biex jużaw il-fondi disponibbli għall-NDLA skont l-għanijiet tal-NDLA (55).

    (52)

    Kif imsemmi fil-paragrafu hawn fuq 39, l-Istatut ta' Assoċjazzjoni kien emendat fl-2012. Madanakollu, l-uniku bidla sinifikanti tikkonċerna r-rwol tal-uffiċjal kap eżekuttiv li issa ġie definit b'mod aktar ċar, b'mod partikolari ir-restrizzjonijiet li japplikaw fuq il-mandat tiegħu. Madankollu, b'mod ġenerali, l-emendi lill-Istatut ta' Assoċjzzjoni ma biddlux l-evalwazzjoni tal-Awtorità fir-rigward tal-awtonomija tal-NDLA għaliex l-emendi ma biddlux il-mandat tal-NDLA b'mod sinifikanti. L-awtoritajiet Norveġiżi komplew jgħidu illi l-emendi magħmula lill-Istatut ta' Assoċjazzjoni jagħtu deskrizzjoni aktar preċiża tas-setgħa tal-NDLA (56).

    4.6.   IL-PERSUNAL U L-AMMINISTRAZZJONI TAL-NDLA

    (53)

    L-NDLA ma għandhiex impjegati. F'bosta każijiet, il-persunal li jagħmel ix-xogħol għall-NDLA għandu relazzjoni ta' xogħol kuntrattwali ma' waħda mill-awtoritajiet tal-kontea parteċipanti. Fkażijiet oħra, ix-xogħol isir minn konsulenti esterni li, skont l-informazzjoni sottomessa mill-awtoritajiet Norveġiżi, huma impjegati mill-kumpanniji rebbieħa tat-tenders pubbliċi. Il-membri tal-istaff editorjali jiġu ingaġġati jew mill-awtoritajiet tal-kontea jew jiġu mpjegati minn kuntratturi li jipprovdu servizzi lill-NDLA. Il-membri tal-istaff editorjali mill-awtoritajiet tal-kontea jitħaddmu għal numru ta' snin fuq bażi part-time. Dan ifisser illi xorta jiġu mpjegati mill-awtorità tal-kontea, iżda l-ħlas għall-ħin li fih ikunu ħadmu għall-NDLA jiġi mill-baġit tal-NDLA. L-ispiża tal-membri l-oħra tal-istaff editorjali hija nkluża fil-miżati li jitħallsu lill-kuntratturi li jagħtu servizzi li għalihom tkun ħarġet tender l-NDLA. It-tim ta' ġestjoni jiġi ingaġġat mill-awtoritajiet tal-kontea għal perjodu ta' żmien indefinit u għalhekk ma għandhomx relazzjoni ta' xogħol kuntrattwali mal-NDLA.

    (54)

    Fil-prattika, l-awtoritajiet tal-kontea jingħataw rimborż tliet darbiet fis-sena mill-NDLA għall-użu tar-riżorsi tagħhom (jiġifieri biex ikorpu salarji, spejjeż tal-ivvjaġġar eċċ). L-awtorità tal-kontea ta' Hordaland tieħu ħsieb ir-rimborż. Barra minn hekk, minn żmien il-fażi tal-proġett l-NDLA użat l-unità tal-akkwist tal-kontea tal-BTV (57) biex twettaq l-attivitajiet ta' akkwist pubbliku kollha tagħha fir-rigward tas-servizzi li jridu jinxtraw fuq is-suq. F'termini ta' servizzi li akkwistat l-NDLA, dawn jinkludu l-amministrazzjoni teknika, il-ġestjoni tal-applikazzjoni, service desk u servizzi ta' żvilupp tas-Sit Elettroniku tat-Tagħlim Diġitali tal-NDLA (58). M'hemmx provi illi l-akkwist tal-NDLA eċċeda l-baġit tiegħu jew li l-NDLA akkwistat xi servizzi jew oġġetti barra mil-limiti tal-mandat tagħha.

    5.   KUMMENTI GĦAD-DEĊIŻJONI INIZJALI

    5.1.   L-ILMENT

    (55)

    Il-kummenti tal-NPA jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

    L-ewwel nett, l-iskop tal-obbligi tas-servizz tal-NDLA mhumiex definiti sew.

    It-tieni nett, is-sistema ta' finanzjament u l-istruttura tal-NDLA hija vaga, u dan jagħti lok għal sussidjar inkroċjat mill-awtoritajiet tal-kontea li mhuwiex rifless fil-kontijiet tal-NDLA.

    It-tielet, l-NDLA diġà kkaġunat dannu serju u irreparabbli lill-pubblikaturi fin-Norveġja, l-aktar minħabba l-allokazzjoni speċifika ta' riżorsi tal-Istat mill-awtoritajiet tal-kontea lill-NDLA, li allegatament tillimita l-abbiltà tal-iskejjel biex jixtru materjal tat-tagħlim ta' kwalità għolja mill-pubblikaturi.

    Ir-raba', huwa stabbilit illi l-awtoritajiet tal-kontea mhux parteċipanti fl-NDLA (Oslo u Akershus) (59) qiegħdin f'riskju li jiksbu materjal tat-tagħlim ta' kwalità baxxa mill-pubblikaturi minħabba l-abbiltà dgħajfa tal-pubblikaturi biex jikkompetu. L-NPA tagħmel referenza għal riċerka fuq Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OER) li sabet illi “l-programmi tal-OER finanzjati mill-Istat jistgħu jillimitaw l-għażla għall-għalliema u l-istudenti, għaliex jaffettwaw b'mod negattiv l-abbiltà tal-fornituri tas-settur privat biex jikkompetu u għalhekk biex ikollhom il-kunfidenza biex jinvestu, u b'hekk dawn il-fornituri jirtiraw progressivament mis-suq” (ara r-rimarka ta' parti terza mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Pubblikaturi)

    (56)

    L-NPA joġġezzjona għall-evalwazzjoni preliminari u s-sejbiet fid-Deċiżjoni tal-Awtorità 136/13/COL fejn l-Awtorità indikat illi l-NDLA ma kinitx tikkwalifika bħala impriża u għalhekk ma kinitx tkun soġġetta għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    (57)

    L-NPA tallega illi t-tnaqqis fil-baġits tal-akkwist tal-awtoritajiet tal-kontea għall-materjali tat-tagħlim huwa marbut direttament mat-twaqqif tal-NDLA. Skont l-NPA, dan it-tnaqqis huwa responsabbli għat-tnaqqis fid-daqs tas-suq kif muri mit-tnaqqis fil-qligħ gross marbut ma' kotba mibjugħa lill-iskejjel sekondarji ogħla (NOK 392 miljun fl-2008, u NOK 255 sa 264 miljun bejn is-snin 2010 u 2012). L-NPA tallega li dawn in-numri juru illi kien hemm suq qabel it-twaqqif tal-NDLA. L-NPA tagħmel referenza għall-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-Awtorità fuq l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat dwar il-kumpens mogħti għall-għoti ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali (“SGEI”) (60) sabiex targumenta illi minkejja “t-tnaqqis tad-daqs tas-suq [produzzjoni propja] attività ekonomika tista' teżisti fejn l-operaturi l-oħra jkunu jridu u jkunu jistgħu jipprovdu dak is-servizz” u li n-natura mingħajr skop ta' qligħ tal-NDLA ma tbiddilx l-evalwazzjoni tagħha bħala impriża, sakemm dik “l-offertà teżisti f'kompetizzjoni ma' dik tal-operaturi l-oħra li jfittxu li jagħmlu qligħ (61).

    (58)

    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kriterji Altmark  (62), l-NPA tallega illi mhumiex sodisfatti għaliex huwa allegat illi l-NDLA hija serjament ineffiċjenti.

    (59)

    Qed jiġi allegat ukoll illi l-NDLA ma tipproduċix prodott biss f'każ ta' falliment tas-suq, iżda anke meta' dan il-prodott ikun ġa disponibbli fis-suq. L-NPA tirreferi għal-linji gwida tal-Awtorità dwar l-SGEI paragrafu 13 fejn jingħad illi “l-Istati tal-EFTA ma' jistgħux jorbtu b'obbligi ta' servizzi pubbliċi speċifiċi lil servizzi li huma ġa offruti […] minn impriżi li joperaw taħt kundizzjonijiet tas-suq normali.”

    (60)

    Fl-aħħarnett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-NDLA bħala fornitur SGEI, hemm kritika dwar in-nuqqas ta' trasparenza. F'dak ir-rigward, l-NPA tirreferi għall-kundizzjonijiet fid-Direttiva dwar it-Trasparenza 2006/111/KE (63) li jintqal li ma ġewx issodisfati mill-NDLA.

    5.2.   TERZI PARTIJIET

    (61)

    L-Awtorità irċeviet kummenti minn 11-il terza parti interessata, jiġifieri: Associacao Portuguesa de Editores e Livrerios (APEL), il-Federazzjoni tal-Pubblikaturi Ewropej (FEP), l-Assoċjazzjoni Pollakka tal-Kotba, l-Assoċjazzjoni Franċiża tal-Pubblikaturi, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija tas-Slovenja, l-Assoċjazzjoni tal-Pubblikaturi Daniżi, l-Assoċjazzjoni tal-Pubblikaturi (Renju Unit), l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Pubblikaturi (IPA), l-Assoċjazzjoni tal-Pubblikaturi Belġjani (ADEB), l-Assoċjazzjoni Serba tal-Pubblikaturi u ta' min Ibigħ il-Kotba u l-Assoċjazzjoni Svediża tal-Pubblikaturi Edukattivi.

    (62)

    Il-partijiet terzi kolha qalu illi l-produzzjoni u l-forniment ta' riżorsi diġitali b'xejn minn entità tal-Istat bħall-NDLA hija kompetizzjoni inġusta issussidjata mill-Istat u għalhekk għandha tiġi ddikjarata għajnuna illegali.

    (63)

    L-FEP u l-IPA issottomettew kummenti aktar estensivi, li huma miġbura fil-qasir hawn taħt:

    Il-kompetizzjoni inġusta ġejja minn għajnuna mogħtija lill-NDLA taffettwa b'mod negattiv u sostanzjali l-abbiltà tal-pubblikaturi tas-settur privat biex ikomplu jipprovdu riżorsi ta' kwalità għolja għal dan is-suq. Din il-kompetizzjoni inġusta taffettwa negattivament l-edukazzjoni fin-Norveġja u għandha effett dannuż fuq il-prestazzjoni kemm tal-għalliema kif ukoll tal-istudenti; u

    L-aktar strateġija effettiva għall-allokazzjoni tal-fondi mill-Istat hija dik li tiffoka fuq id-domanda (baġit tal-iskola) u mhux li timplimenta sussidju bbażat fuq il-provvista ta' materjal mingħajr ħlas li mhux suġġett għall-kompetizzjoni (kif inhu il-każ tal-NDLA). F'dan l-aħħar każ, l-għalliema għandhom il-fondi biex jiddeċiedu liberament minn firxa ta' riżorsi ta' kwalità għolja inkluż l-OER u l-materjal pubblikat professjonalment.

    6.   KUMMENTI MILL-AWTORITAJIET NORVEĠIŻI

    (64)

    Il-pożizzjoni tal-awtoritajiet Norveġiżi hija illi l-finanzjament għall-iskejjel sekondarji ogħla mingħajr ħlas ma jistax jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 61 tal-Ftehim ŻEE. L-awtoritajiet Norveġiżi jenfassizaw il-fatt illi l-NDLA primarjament takkwist materjali tat-tagħlim permezz ta' proċeduri għall-akkwist pubbliku fis-suq. Huwa biss meta l-NDLA ma tistax tikseb materjali ta' kwalità suffiċjenti li hija tiżviluppa dawn il-materjali b'kollaborazzjoni mal-għalliema u l-awtoritajiet tal-kontea.

    II.   EVALWAZZJONI

    1.   IL-PREŻENZA TA' GĦAJNUNA MILL-ISTAT

    (65)

    Skont l-Artikolu 61(1) ŻEE “[b]la ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji f'dan il-Ftehim, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija mill-Istati Membri tal-KE, mill-Istati tal-EFTA jew permezz ta' riżorsi tal-Istat li twassal biex ixxekkel jew thedded li xxekkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti, safejn tolqot il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, tkun inkompatibbli mal-funzjonament ta' dan il-Ftehim.”.

    1.1.   ATTIVITÀ EKONOMIKA

    (66)

    Isegwi minn dak li ntqal aktar il-fuq illi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw biss għal vantaġġi mogħtija lill-impriżi. Qabel ma ssir verifika dwar jekk ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-għajnuna mill-Istat f'dan il-każ, huwa neċessarju illi l-ewwel jiġi eżaminat jekk l-NDLA tikkwalifikax bħala impriża fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 61(1)ŻEE. Jekk ma jkunx il-każ, allura l-għajnuna lill-NDLA ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 61(1) ŻEE.

    (67)

    Fil-ġurisprudenza stabbilita il-kunċett ta' impriża jinkludi “(…) kull entità li twettaq attività, irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħha u l-mod li bih tiġi finanzjata. (64)

    (68)

    L-Awtorità tinnota illi l-NDLA hija essenzjalment kooperazzjoni bejn awtoritajiet tal-kontea differenti. Għalhekk il-benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat mhix l-NDLA innifisha iżda l-awtoritajiet tal-kontea individwali li qed jikkooperaw fil-proġett NDLA. Madankollu, kif indikat aktar il-fuq, kull entità tista' tkun impriża fi ħdan it-tifsira tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħha u mill-mid kif tiġi finanzjata. Il-kwistjoni deċiżiva għalhekk hija jekk l-attività konċernata tistax tiġi kkunsidrata eknomika min-natura tagħha. Kif imniżżel fid-dettall fit-taqsima II.1.1.2, l-Awtorità ikkunsidrat jekk il-bidla fl-istatus tal-NDLA, minn kooperazzjoni ad hoc meta l-ewwel twaqqfet għal kooperazzjoni formali inter-muniċipali li bdiet fl-1 ta' Lulju 2009 kelliex xi impatt fuq il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet tal-NDLA. L-Awtorità ikkonkludiet illi l-bidla fl-istatus ma ħallix impatt, għaliex ma kienx hemm differenzi materjali fit-teħid ta' deċiżjonijiet, fil-finanzjament jew fl-awtonomija tal-NDLA meta biddlet l-istatus tagħha.

    (69)

    L-NDLA tixtri, tiżviluppa u tippubblika materjal tat-tagħlim diġitali. L-ilmentatur jgħid illi dawn l-attivitajiet huma ta' natura ekonomika. F'dak ir-rigward l-ilmentatur jenfasizza illi, s'issa, kien hemm fornituri privati li żviluppaw u ppubblikaw materjal tat-tagħlim diġitali. L-ilmentatur jargumenta illi peress li tiżviluppa u tippubblika hija stess materjal tat-tagħlim diġitali, l-NDLA daħħlet f'kompetizzjoni diretta ma' dawn il-fornituri privati.

    (70)

    L-Awtorità tosserva illi attività ekonomika hija kull attività li tikkonsisti fl-għoti ta' oġġetti u servizzi fis-suq (65). L-eżistenza jew le ta' suq tiddependi mill-mod kif inhu organizzat fl-Istat konċernat (66) u l-klassifikazzjoni ta' attività partikolari bħala ekonomika jew le tista' għalhekk tinbidel maż-żmien. L-Awtorità tirrikonoxxi illi numru ta' kumpanniji joffru materjal tat-tagħlim diġitali bħala parti mill-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.

    (71)

    Madankollu, isegwi illi mis-sentenza tal-Qorti tal-EFTA Private Barnehagers Landsforbund  (67), illi l-fatt illi attività tista' tiġi offruta minn operaturi privati bħala attività ekonomika ma jeskludix il-fatt li tista' tiġi offruta wkoll mill-Istat bħala attività mhux ekonomika. Fil-kawża Private Barnehagers Landsforbund, il-Qorti tal-EFTA kellha tara jekk l-operat ta' kindergartens muniċipali fin-Norveġja tikkostitwixxi attività ekonomika. L-ilmentatur f'dan il-każ kien argumenta illi l-unika domanda rilevanti f'dak ir-rigward “(…) jekk l-muniċipalitajiet humiex qed jagħtu servizzi f'suq partikolari li jista' tal-inqas fil-prinċipju, jistgħu jingħataw minn operaturi privati sabiex jagħmlu qligħ”.

    (72)

    Madankollu, fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-EFTA indikat illi “[m]eta' n-natura ta' attività mwettqa minn entità pubblika tiġi evalwata minħabba r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, mhux importanti jekk l-attività tistax, fil-prinċipju, tiġi mwettqa minn operatur privat. Interpretazzjoni ta' din ix-xorti bażikament tinkludi kull attività tal-Istat li ma tikkonsistix fl-eżerċizzju ta' awtorità pubblika fil-kunċett ta' attività ekonomika (68). Tabilħaqq, din l-interpretazzjoni tillimita bla bżonn id-diskrezzjoni tal-istati biex jipprovdu ċerti servizzi lill-popolazzjoni tagħhom. Hemm numru ta' każijite fejn ġie rikonoxxut illi attivitajiet simili jistgħu isiru kemm ta' natura mhux ekonomika kif ukoll ekonomiċi u biss fejn dawn tal-aħħar ikunu soġġetti għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Dan ġie aċċettat mill-qrati Ewropej fil-każijiet li jikkonċernaw is-sistema ta' saħħa (pereżempju assigurazzjonijiet tas-saħħa pubbliċi u privati (69)), sistemi ta' fondi għall-pensjonijiet (pereżempju fondi tal-pensjonijiet pubbliċi u privati (70)) u s-settur tal-edukazzjoni (e.g. kindergartens pubbliċi u privati (71)).

    (73)

    Fil-kawża Private Barnehagers Landsforbund  (68), il-Qorti tal-EFTA kompliet tispjega illi, sabiex tistabbilixxi jekk attività partikolari hijiex ekonomika jew le, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza Humbel tagħha (72), li kienet tittratta l-kunċett ta' “servizz” fi ħdan it-tifsira tal-libertajiet fundamentali, jista' jiġi applikat għall-każijiet ta' għajnuna mill-Istat.

    (74)

    Fil-qasam tal-edukazzjoni u r-riċerka speċifikament, il-qrati Ewropej qalu illi l-għoti ta' ċerti servizzi minn stabbilimenti li jiffurmaw parti minn sistema ta' edukazzjoni pubblika u ffinanzjati mill-fondi pubbliċi ma kienx jikkwalifika bħala għoti ta' servizzi skont l-Artikolu 50 KE (illum l-Artikolu 57 TFEU). Fil-kawża il-Kummissjoni v il-Ġermanja  (73), filwaqt li straħet fuq is-sentenza Humbel b'mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea qalet illi “bit-twaqqif u ż-żamma ta' din is-sistema ta' edukazzjoni pubblika, normalment iffinanzjata mill-fondi pubbliċi […], l-Istat ma għandux ħsieb jinvolvi ruħu f'attivitajiet għall-qligħ, iżda jwettaq dmirjietu lejn il-popolazzjoni tiegħu fl-oqsma soċjali, kulturali u edukattivi. (74)

    (75)

    Minbarra l-emenda fl-Att dwar l-Edukazzjoni (ara l-paragrafu 20 ta' hawn fuq), l-Istat Norveġiż iddeċieda li l-provvista ta' materjali tat-tagħlim, inklużi l-materjali tat-tagħlim diġitalim jingħataw lill-istudenti mingħajr ħlas. Din id-dispożizzjoni l-ġdida tifforma parti integrali mis-sistema tal-edukazzjoni pubblika. Il-mistoqsija li trid tintwieġeb hija marbuta mal-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni fil-prattika, jiġifieri l-kwalifika tal-attività konċernata bħala ekonomika jew mhux ekonomika tiddependi minn 9i) l-għan tagħha u (ii) mill-mod kif issir.

    1.1.1.    Għan

    (76)

    L-Istat, fit-twaqqif u ż-żamma tal-entità konċernata, ma jistax ifittex li jmexxi attività bi qligħ, iżda pjuttost irid jeżerċità s-setgħa tiegħu sabiex jissodisfa d-dmirijiet tiegħu lejn il-popolazzjoni tiegħu (75). Hija ġurisprudenza stabbilita, li hija riflessa wkoll fil-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni Ewropea, illi fit-twaqqif u ż-żamma tas-sistema edukattiva nazzjonali l-Istat jissodisfa d-dmirijiet tiegħu lejn il-popolazzjoni tiegħu fl-oqsma soċjali, kulturali u edukattivi (76). F'dak ir-rigward, il-Gvern Norveġiż iddeċieda matul ir-riforma fl-edukazzjoni tal-2006 illi l-Istat kien se jipprovdi materjal tat-tagħlim mingħajr ħlas u l-awtoritajiet tal-kontea kollha minbarra Oslo iddeċidew li jikkonformaw ma' dan l-obbligu billi jaqsmu r-riżorsi tagħhom permezz tat-twaqqif tal-NDLA. Kif qalu l-awtoritajiet Norveġiżi, l-għan tal-NDLA huwa li jipprovdi materjali tat-tagħlim diġitali. Sabiex jissodisfa dan id-dmir, l-NDLA primarjament ifittex li jakkwista l-materjal tat-tagħlim permezz tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku fis-suq. Meta l-NDLA ma tkunx tista takkwist materjal adattat, hija tiżviluppah f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-għalliema u l-awtoritajiet tal-kontea parteċipanti (77).

    (77)

    Skont l-ilmentatur, isegwi mis-sentenzi Humbel u Private Barnehagers Landsforbund, illi filwaqt li l-attivitajiet li ġew trattati minn dawn is-sentenzi (jiġifieri l-għoti ta' korsijiet u l-offertà ta' postijiet fil-kindergartens) jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema pubblika edukattiva, attivitajiet oħra (bħall-akkwist, l-iżvilupp u l-forniment ta' materjal tat-tagħlim diġitali) ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema ta' edukazzjoni pubblika, b'mod partikolari jekk diġà kien jeżisti suq għal dawn l-attivitajiet qabel l-attivitajiet tal-Istat.

    (78)

    L-Awtorità madankollu ma tarax indikazzjonijiet illi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew il-Qorti tal-EFTA riedu jillimitaw l-iskop tal-attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-edukazzjoni pubblika bil-mod suġġeriet mill-ilmentatur (jiġifieri għat-tagħlim propju u l-forniment ta' servizzi ta' kindergarten). Għall-kuntrarju, l-Awtorità tinnota illi l-Istati tal-EFTA ġeneralment għandhom marġni wiesa' ta' diskrezzjoni meta jagħżlu l-attivitajiet li beħsiebhom joffru lill-popolazzjoni tagħhom fi kwistjonijiet ta' politika soċjali, kulturali u edukattiva (78).

    (79)

    L-Awtorità tosserva illi l-akkwist, l-iżvilupp u l-provvista ta' materjal tat-tagħlim huwa marbut mal-provvista ta' kontenut għat-tagħlim u għalhekk huwa marbut mill-qrib mat-tagħlim innifsu. L-Awtorità ssib illi l-attivitajiet li qed isiru mill-NDLA sabiex l-awtoritajiet tal-kontea jkunu jistgħu jissodisfaw il-funzjonijiet edukattivi tagħhom huma marbuta ma' obbligi soċjali, li ma jistgħux jiġu mqabbla ma offertà ta' natura kummerċjali, u li s-sussidji jingħataw biss sabiex jissodisfaw funzjoni edukattiva speċifika ħafna. Tabilħaqq, il-materjal mixtri u prodott mill-NDLA huwa mfassal speċifikament biex jissodisfa l-bżonnijiet tal-kurrikulu nazzjonali tal-istudenti u l-għalliema tal-iskola sekondarja. L-ilmentatur madankollu sostna ili huwa importanti li ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet li huma neċesarji għall-provvista' tal-edukazzjoni pubblika u dawk li mhumiex neċessarji — l-ilmentatur jispjega dan il-punt billi jgħid illi l-NDLA tista' tibda tipproduċi għamara għall-iskejjel, u jżid jgħid illi dan ma jkunx parti mill-mandat ta' edukazzjoni pubblika. F'dan ir-rigward, l-ilmentatur jgħid illi l-produzzjoni ta' materjal tat-tagħlim diġitali mhux parti inerenti tal-obbligu tas-servizz pubbliku u għalhekk għandu jiġu meqjus bħala attività ekonomika (79).

    (80)

    L-Awtorità ssib illi, għall-kuntrarju tal-fehma tal-ilmentatur, il-produzzjoni tal-għamara ma tistax tiġi mqabbla mal-produzzjoni tal-materjali ta' tagħlim li huma mfassla biex jappoġġjaw kurrikulu nazzjonali. Tabilħaqq, il-produzzjoni tal-materjali tat-tagħlim hija marbuta mill-qrib mal-attivitajiet ta' tagħlim tas-sistema ta' edukazzjoni pubblika, filwaqt li dan ma jkunx il-każ bil-produzzjoni tal-għamara.

    1.1.2.    In-natura miftuħa tas-sit elettroniku

    (81)

    Fir-rigward tan-natura miftuħa tas-sit elettroniku l-ilmentatur u partijiet terzi sostnew illi dan huwa element problematiku billi qalu illi: “[i]ronikament, il-programmi OER finanzjati mill-Istat jistgħu jillimitaw l-għażla għall-għalliema u l-istudenti, għaliex għandhom effett negattiv fuq l-abbiltà tal-fornituri tas-settue privat biex jikkompetu u b'hekk il-kunfidenza biex jinvestu, u għalhekk dawn il-fornituri jirtiraw progressivament mis-suq (80). Kif imfisser fid-dettall aktar l-isfel, in-nautra miftuħa ma tbiddilx l-evalwazzjoni tal-Awtorità tal-materjal fuq is-sit elettroniku bħala mhux ekonomiku.

    (82)

    L-Awtorità tinnota illi fi ħdan il-qasam tal-edukazzjoni, il-Partijiet Kontraenti ma għandhomx biss marġni konsiderevoli ta' diskrezzjoni fid-deċiżjoni dwar l-għan tad-dmirijiet tagħhom, iżda wkoll fid-determinazzjoni ta' kif se jilħqu dak l-għan. L-Awtoritajiet Norveġiżi ddeċidew li jżommu s-sit elettroniku tal-NDLA miftuħ. L-effett ta' dik id-deċiżjoni hija illi d-distribuzzjoni tal-materjali tat-tagħlim diġitali mhix limitata għall-istudenti li jattendu l-iskejjel rilevanti fil-kontei rilevanti. Madankollu, il-firxa tal-għarfien lil hinn miċ-ċirku immedjat tad-destinatarji inċiżi hija prattika komuni fit-tradizzjonijiet ta' tagħlim Ewropej. Fil-fatt, il-lezzjonijiet fl-universitajiet pubbliċi Ewropej huma ġeneralment miftuħa għall-pubbliku u l-universitajiet jipprovdu regolarment xandiriet bl-awdjo u awdjo-viżivi tal-lezzjonijiet onlajn. Dawn il-prattiki jistgħu jitqiesu bħala estensjoni tal-missjoni ta' edukazzjoni li ma jfissrux awtomatikament illi l-attivitajiet jkunu ta' natura ekonomika. Fil-fatt, f'dan il-każ partikolari, il-materjal ta' tagħlim jifforma l-bażi u l-qafas għat-tagħlim. Dan huwa enfasizzat ukoll mill-fatt illi l-iżvilupp tal-materjal tat-tagħlim jiddependi mill-kurrikulu li jiġi deċiż mill-awtoritajiet pubbliċi. Dan il-punt huwa rifless ukoll fl-għan tal-attivitajiet tal-NDLA fl-Istatut ta' Assoċjazzjoni li jirreferi għall-għan li tipprovdi materjal tat-tagħlim diġitali imfassal għall-bżonnijiet tal-istudenti u l-għalliema. Din l-evalwazzjoni ma tinbidilx mill-fatt illi l-attivitajiet kienu fis-suq qabel l-attivitajiet tal-Istat, għaliex mhux importanti jekk l-attività tista' tkun (jew tassew kienet) mogħtija minn operatur privat (81).

    (83)

    L-Awtorità għalhekk tikkonkludi illi n-natura miftuħa tas-sit elettroniku ma tfissirx illi l-attivitajiet tal-NDLA huma ta' natura ekonomika.

    1.1.3.    L-istatus ġuridiku minn kooperazzjoni ad hoc għal kooperazzjoni inter-muniċipali ma għandux effett fuq il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet u ma jistax ikollu impatt fuq il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet bħala mhux ekonomiċi

    (84)

    Fis-sentenza tagħha li tannulla d-Deċiżjoni, il-Qorti tal-EFTA indirizzat diversi aspetti marbuta mhux man-natura tal-attivitià iżda man-natura organizzattiva tal-NDLA, il-finanzjament u l-awtonomija tagħhom. Dawn l-aspetti jikkonċernaw l-implimentazzjoni prattika tar-rekwiżit li jingħataw materjali tat-tagħlim b'xejn u huma indirizzati hawn taħt.

    (85)

    Il-bidla fl-istatus ġuridiku minn kooperazzjoni ad hoc għal kooperazzjoni formali inter-muniċipali skont l-Artikolu 27 tal-Att dwar il-Gvern Lokali ma kellhiex effett fuq il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet (u l-anqas il-bidla fil-fondi ma kellha xi implikazzjonijiet fl-organizzazzjoni tal-NDLA).

    (86)

    L-ilmentatur ma allegax illi l-ambitu tal-attivitajiet tal-NDLA bidlu mill-fażi ta' kooperazzjoni ad hoc għat-twaqqif formali tagħha bħala kooperazzjoni inter-muniċipali. Madankollu, il-Qorti tal-EFTA tindika illi n-nuqqas ta' informazzjoni dwar kif l-awtoritajiet tal-kontea organizzaw il-kooperazzjoni tagħhom biex ikunu konformi mal-obbligi tagħhom biex jipprovdu materjal tat-tagħlim fil-fażi ta' kooperazzjoni ad hoc seta' kellu impatt fuq il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet bħala mhux ekonomiċi. Għal dik ir-raġuni il-Qorti enfasizzat illi l-Awtorità kellha twettaq investigazzjoni dwar l-effetti tal-bidla fl-istatus ġuridiku fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fi ħdan l-NDLA (82).

    (87)

    L-istruttura tal-ġestjoni tal-entità NDLA ma nbidlitx meta kien hemm il-konverżjoni għal kooperazzjoni inter-muniċipali taħt l-Att dwar il-Gvern Lokali (83). Barra minn hekk, l-ambitu tas-setgħat tal-NDLA u l-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet ma nbidilx. L-ambitu tas-setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-NDLA ma nbidilx.

    (88)

    L-Awtorità qabblet l-istruttura tal-NDLA fil-fażi ta' kooperazzjoni ad hoc tagħha (84) mal-istruttura fil-fażi ta' kooperazzjoni inter-muniċipali (85) u sabet illi ma kienx hemm differenzi materjali. L-għan tal-NDLA fiż-żewġ fażijiet huwa li jiżviluppa u joffri materjal tat-tagħlim diġitali mingħajr ħlas li jkopri s-suġġetti kollha fl-iskola sekondarja ogħla (86). Barra minn hekk, fiż-żewġ fażijiet, l-NDLA kienet iffurmata minn trio simili ta' korpi deċiżjonali. L-FFU saret il-Bord ta' Superviżjoni tal-kooperazzjoni taħt l-Att dwar il-Gvern Lokali u l-Bord ta' Tmexxija tiegħu, iffurmat minn ħames membri, ġie maħtur mill-Bord ta' Superviżjoni kif kien fil-fażi ta' kooperazzjoni ad hoc, meta l-bord ta' tmexxija kien maħtur mill-FFU. Il-kompożizzjoni tal-grupp/bord ta' ġestjoni ikkonsista fl-istess membri fiż-żewġ fażijiet, jiġifieri l-kap tal-FFU, u tal-inqas rappreżentant wieħed għal kull reġjun ta' taħriġ (jiġifieri r-Reġjun tat-Tramuntana, ir-Reġjun tal-Lbiċ u r-Reġjun tal-Lvant) (87). Fl-aħħarnett, l-NDLA kellu tim responsabbli għall-ġestjoni ta' kuljum fiż-żewġ fażijiet (88).

    (89)

    Kif ikkonfermat mill-awtoritajiet Norveġiżi, il-bidla fl-istatus ġuridiku minn fażi ta' kooperazzjoni ad hoc għal fażi ta' kooperazzjoni inter-muniċipali skont l-Artikolu 27 tal-Att dwar il-Gvern Lokali ma kellhiex effett fuq il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet, li ġie muri wkoll u kkonfermat mill-informazzjoni miġbura fil-qosor hawn fuq (89).

    (90)

    Is-sors aħħari tal-fondi tal-NDLA ma nbidilx maż-żmien (jiġifieri fondi mill-Istat); iżda nbidel il-mod kif jiġu allokati l-fondi lill-NDLA. Fil-fatt, fil-fażi inizjali tal-NDLA, il-fondi kienu jaslu direttament mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka filwaqt li aktar tard l-NDLA kienet finanzjata mill-baġits tal-awtoritajiet tal-kontea parteċipanti (dawk il-baġits kienu finanzjati mill-iskema ta' għotjiet ġenerali). Jibqa' l-fatt illi l-NDLA kienet u hija finanzjata totalment mill-awtoritajiet pubbliċi u tqassam il-materjal tat-tagħlim mingħajr ħlas. La l-iskejjel u l-anqas l-istudenti ma jħallsu xi tariffi lill-NDLA. L-Awtorità tinnota wkol illi mhemmx indikazzjonijiet illi l-NDLA twettaq xi forma ta' attività oħra, li tista' tiġi kkunsidrata ta' natura ekonomika. Mhemmx konnessjoni bejn l-ispejjeż kurrenti tas-servizz provvdut u t-tariffa mħallsa mill-benefiċjarji ta' dan l-attività. Barra minn hekk, l-attivitajiet tal-NDLA huma finanzjati kollha mill-fondi pubbliċi u mhux minn xi tip ta' ħlas (90).

    1.1.4.    It-tqassim tar-riżorsi tal-Istat mill-awtoritajiet tal-kontea sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom biex jipprovdu materjal tat-tagħlim mingħajr ħlas diġitali f'kooperazzjoni inter-muniċipali mhux ta' natura ekonomika.

    (91)

    L-Awtorità ikkonkludiet illi l-attivitajiet tal-NDLA marbuta mal-provvista ta' materjal tat-tagħlim diġitali huwa marbut mill-qrib mal-missjoni ta' tagħlim usa' tal-awtoritajiet tal-kontea u dik mhix ta' natura ekonomika. Fdan li ġej, l-Awtorità tevalwa kwistjoni mqajjma mill-Qorti tal-EFTA.

    (92)

    Il-Qorti tal-EFTA sabet illi mhux ċar mid-Deċiżjoni jekk l-obbligu biex jiġi provvdut materjal tat-tagħlim diġitali mingħajr ħals jaqax fuq l-awtoritajiet tal-kontea jew fuq l-NDLA (91). Il-Qorti tal-EFTA tinnota illi fid-Deċiżjoni, l-Awtorità “tirreferi għal-liġi Norveġiża u tgħid illi obbligat lill-kontei biex jipprovdu lill-istudenti bil-materjali tat-tagħlim neċessarju stampat u diġitali mingħajr ħlas (92). Il-Qorti tal-EFTA jinnota wkoll illi fl-evalwazzjoni tal-awtonomija tal-NDLA, id-Deċiżjoni tgħid illi l-NDLA ma tistax tiddeċiedi dwar tariffi għall-konsumatur finali “(…) minħabba li l-qafas ġuridiku jobbliga lill-NDLA biex tipprovdi s-servizzi tagħha mingħajr ħlas (93). Is-sentenza tirreferi wkol għad-dikjarazzjoni tal-Awtorità fis-seduta ta' smigħ li tgħid illi huma l-awtoritajiet tal-kontea li għandhom obbligu statutorju biex jagħtu dan is-servizz mingħajr ħlas u li huma kienu ddeċidew li joffru dan is-servizz b'mod konġunt permezz tal-NDLA (94).

    (93)

    Fid-dawl ta' dan, il-Qorti tal-EFTA kkunsidrat illi d-dikjarazzjonijiet msemmija hawn qabel fid-Deċiżjoni jirrapreżentaw kontradizzjoni impliċita għaliex mhux ċar min kien il-klijent tal-NDLA.

    (94)

    Il-qafas ġuridiku li fih topera l-NDLA jikkonsisti f'numru ta' elementi differenti. L-ewwel nett, hemm obbligi statutorji skont il-liġi nazzjonali (bħall-Att dwar l-Edukazzjoni) li huma mposti fuq l-awtoritajiet tal-kontea. L-emenda tal-2007 fl-Att dwar l-Edukazzjoni, pereżempju, (ara l-paragrafu (20) msemmi hawn qabel) kienet timponi obbligu fuq l-awtoritajiet tal-kontea biex jipprovdu lill-istudenti b'materjal tat-tagħlim diġitali mingħajr ħlas. It-tieni nett, kien hemm diversi atti amministrattivi li kienu adottati sabiex l-awtoritajiet tal-kontea jkunu jistgħu iwettqu dan l-obbligu statutorju. Dawn jinkludu riżoluzzjonijiet (bħar-riżoluzzjonijiet mgħoddija mill-awtoritajiet tal-kontea), kif ukoll atti amministrattivi oħra bħal l-premju ta' April 2007 ta' finanzjament mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka. Fl-aħħarnett, l-Istatut ta' Assoċjazzjoni tal-NDLA, u l-mandat qabel dak, implimenta l-obbligu statutorju tal-awtoritajiet tal-kontea f'obbligu ġuridiku fuq l-NDLA biex tipprovdi materjal tat-tagħlim diġitali mingħajr ħlas.

    (95)

    Dan il-qafas kien deskritt ukoll fis-sottomissjoni tal-awtoritajiet Norveġiżi tat-2 ta' Mejju 2013 fejn huma kkonfermaw (i) l-obbligu statutorju tal-awtoritajiet tal-kontea (ara Taqsima 1 tas-sottomissjoni), (ii) l-obbligu impost fuq il-bord tad-Diretturi tal-NDLA, fil-fażi tal-kooperazzjoni ad hoc, biex taħdem sabiex toffri materjal tat-tagħlim diġitali mingħajr ħlas (ara l-ewwel punt taħt ir-riżultat immirat tal-Mandat (95)), u (iii) illi r-riżoluzzjonijiet adottati mill-awtoritajiet tal-kontea li waqqfu l-NDLA stqarru illi l-għan aħħari tal-NDLA kien li toffri materjal diġitali mingħajr ħlas (ara p. 6 tas-sottomissjoni).

    (96)

    L-awtoritajiet tal-kontea parteċipanti għażlu li jindirizzaw l-obbligu statutorju tagħhom li jipprovdu materjal diġitali b'xejn lill-istudenti billi jwaqqfu l-kooperazzjoni inter-muniċipali NDLA, fejn din taħdem fi ħdan qafas ġuridiku (inkluż ir-riżoluzzjonijiet tal-awtorità tal-kontea u l-Istatut ta' Assoċjazzjoni) li ġie stabbilit biex jippermetti lill-awtoritajiet tal-kontea jwettqu l-obbligu statutorju tagħhom.

    (97)

    Fil-qosor, l-NDLA tista' tiġi deskritta bħala kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kontea parteċipanti li ġiet maħluqa biex tippermetti lill-awtoritajiet tal-kontea jaqsmu r-riżorsi tagħhom. Għalhekk minflok jixtru u jiżviluppaw il-materjali diġitali għal kull awtorità tal-kontea, il-biċċa l = kbira tal-awtoritajiet tal-kontea ddeċidew li jgħaqqdu r-riżorsi tagħhom sabiex jittrattaw l-obbligu statutorju tagħhom (din it-tip ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kontea hija prevista mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka nnifsu meta stieden lill-awtoritajiet tal-kontea biex japplikaw għall-fondi fl-2006) (96). L-awtoritajiet tal-kontea għalhekk huma, permezz ta' din il-kooperazzjoni, “jeżerċitaw is-setgħat tagħhom sabiex jissodisfaw id-dmirijiet tagħhom lejn il-popolazzjoni tagħhom.” (97)

    (98)

    Dan ġie kkonfermat mill-awtoritajiet Norveġiżi fis-sottomissjoni tagħhom tal-31 ta' Marzu 2014 fejn reġa ntqal illi l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kontea hija aprti integrali mill-isforzi tal-awtoritajiet tal-kontea biex jipprovdu edukazzjoni sekondarja ogħla mingħajr ħlas fin-Norveġja.

    (99)

    Fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' baġit, l-NDLA ma għandhiex setgħat deċiżjonali. Għalkemm il-Bord ta' Ġestjoni tiegħu jirrakmanda ammont ta' finanzjament għall-baġit li ġej, din hija biss rakkomandazzjoni li jqisu l-awtoritajiet tal-kontea parteċipanti meta jiddeċiedu dwar il-baġit tal-NDLA. Fir-rigward tal-akkwist u x-xiri, l-NDLA ssegwi strateġija ta' tenders pubbliċi li adottat sabiex tiżgura illi t-tenders pubbliċi tal-NDLA jkunu konformi bis-sħiħ mal-Att dwar l-Akkwist Pubbliku (98).

    (100)

    Għal xiri b'mod aktar ġenerali, is-setgħat tal-NDLA huma stabbiliti fl-Istatut tal-Assoċjazzjoni, li jillimitaw l-ambitu tal-attivitajiet ta' xiri tal-NDLA għall-għanijiet li ġew stabbiliti għall-NDLA, jiġifieri l-akkwist u l-iżvilupp ta' materjal tat-tagħlim diġitali (99). B'mod ċar, l-NDLA irid ikun kapaċi jwettaq dmirijietu b'mod effettiv u ftit ikun jagħmel sens għall-awtoritajiet tal-kontea parteċipanti jew il-Bord ta' Superviżjoni li, pereżempju, jinvolvu ruħhom f'kull akkwist ta' materjal tat-tagħlim diġitali. Għalhekk, l-Istatut ta' Assoċjazzjoni jipprovdi għal awtonomija fl-attivitajiet ta' kuljum tal-NDLA, speċifikament f'termini ta' xiri, iżda din l-awtonomija hija limitata mid-dmirjiet dikjarati tal-NDLA u l-baġit tiegħu (jiġifieri ma tmurx lil hinn minn dak li fl-aħħar mill-aħħar huwa neċessarju biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti statutorji imposti mill-Istat fuq l-awtoritajiet tal-kontea) (100).

    (101)

    Finalment, għandu jiġi nnutat illi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tagħmilha ċara illi mhemmx bżonn li jiġu separati l-attivitajiet ta' xiri “mill-użu sussegwenti li jsir minnhom sabiex tiġi determinata n-natura ta' dik l-attività ta' xiri”. (101) Għalhekk, sa fejn l-attivitajiet tal-NDLA fir-rigward tal-provvista ta' materjal tat-tagħlim diġitali mingħajr ħlas ma jiġux meqjusa ta' natura ekonomika, jidher illi kull attività marbuta max-xiri tiġi wkoll meqjusa bħala mhux ekonomika. Minħabba li l-Istatut ta' Assoċjazzjoni jagħmilha ċara illi l-NDLA tista' tixtri prodotti u servizzi biss li huma neċessarji għall-għan tagħha (jiġifieri il-forniment ta' materjal tat-tagħlim diġitali mingħajr ħlas), dawn l-attivitajiet ta' xiri bilfors ikunu marbuta mal-attività mhux ekonomika.

    (102)

    Mill-fatti stabbiliti fit-Taqsima I.4.6 aktar il-fuq, huwa ċar illi l-NDLA ma għandhiex impjegati jew stabbiliment jew infrastruttura propja tagħha. Ħafna mill-ħaddiema tagħha huma impjegati tal-awtoritajiet tal-kontea li jiġu stazzjonati (kemm part-time jew full time) fl-NDLA għal ċertu perjodu ta' żmien. L-NDLA imbagħad tagħti rimborż lill-awtorità tal-kontea għal ħin li l-impjegat tagħha jkun qatta' jaħdem fuq proġetti tal-NDLA. Il-bqija tal-persunal jikkonsisti f'konsulenti esterni rebbieħa f'proċeduri ta' akkwist pubbliku li l-NDLA tiffinanzja mill-baġit tagħha. Għalhekk min-naħa waħda, l-NDLA ma għandhiex kontroll fuq l-ispiża tal-biċċa l-kbira tal-persunal tagħha u, min-naħa l-oħra, l-NDLA għandha setgħat deċiżjonali limitati fir-rigward tas-servizzi li toħroġ b'tender, għaliex hija marbuta mill-istrateġija ta' tenders pubbliċi u d-deċiżjonijiet tagħha fl-aħħar mill-aħħar huma soġġetti għall-kontroll mill-awtoritajiet tal-kontea permezz tal-Bord ta' Superviżjoni. Għalhekk, fi kwistjonijiet ta' infrastruttura u persunal, l-NDLA ftit għandha awtonomija.

    (103)

    F'każijiet fejn l-attività konċernata ssir minn entitajiet flok l-Istat innifsu, waħda mill-kwistjonijiet li trid tiġi determinata hija jekk il-benefiċjarju tal-fondi (pubbliku jew privat) huwiex soġġett għall-kontroll tal-Istat u b'mod partikolari jekk il-benefiċjarju sempliċement japplikax il-liġi u ma jistax jinfluwenza l-kundizzjonijiet statutorji tas-servizz (jiġifieri l-ammont tal-kontribuzzjonijiet. l-użu tal-assi u l-iffissar tal-ammont ta' benefiċċji) (102). Jekk, għall-kuntrarju, il-benefiċjarju għandu diskrezzjoni vis-a-vis l-istat fir-rigward tal-parametri kummerċjali tal-attivitajiet tiegħu, (pereżempju prezzijiet, spejjeż, assi u impjegati), x'aktarx illi jikkostitwixxi impriża.

    (104)

    L-ilmentatur kien indika illi l-NDLA għandha tiġi kkunsidrata bħala impriża separata mill-Istat jew mill-awtoritajiet tal-kontea li mingħandhom tirċievi l-fondi konċernati. Madankollu, ibbażata fuq l-informazzjoni mogħtija lill-Awtorità, huwa ċar illi l-NDLA huwa parti integrali mill-amministrazzjoni pubblika u huwa — f'kull każ — soġġett għal kontroll strett mill-Istat. Skont ġuriprudenza stabbilita, entità hija soġġetta għall-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi (u għalhekk mhux indipendenti mill-Istat) jekk tingħata d-dmir tagħha minn statut u jekk l-awtoritajiet pubbliċi jiddeterminaw kemm l-ispejjeż u l-qligħ tal-attivitajiet tagħha (103). F'dak ir-rigward l-Awtorità innutat illi l-awtoritajiet tal-kontea parteċipanti, minħabba — rekwiżit stabbilit fil-baġit rivedut tal-Istat għall-2006 — waqqfu l-NDLA bħala kooperazzjoni inter-muniċipali u tawha d-dmir tagħha permezz tal-adozzjoni ta' riżoluzzjonijiet identiċi.

    (105)

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-kontea jikkontrollaw il-parametri tal-ispejjeż tal-attivitajiet minħabba li dawn l-ispejjeż huma limitati għall-kontribuzzjonijiet unilaterali ffissati mill-awtoritajiet tal-kontea permezz ta' proċessi ordinarji tal-baġit. Barra minn hekk, l-NDLA ma tistax tieħu deċiżjonijiet dwar l-ispiża tal-impjegati tagħha jew tal-assi minħabba li huma l-awtoritajiet tal-kontea li (i) jridu jiddeċiedu dwar l-istazzjonament tal-persunal neċessarju u (ii) jipprovdu bini kif ukoll tagħmir tekniku. Fl-aħħarnett, l-NDLA ma għandhiex setgħat biex tiffissa tariffi għall-konsumaturi finali (jiġifieri studenti jew skejjel) għaliex il-qafas ġuridiku jobbliga lill-NDLA biex tagħti s-servizzi tagħha mingħajr ħlas.

    (106)

    Għalhekk, l-NDLA — fit-twettiq tal-attività tagħha– sempliċement tosserva l-liġi u ma tistax tinfluwenza l-ammont ta' kontribuzzjonijiet, l-użu tal-assi jew l-iffissar tal-ammont ta' benefiċċji kif jista' jagħmel operatur kummerċjali. Għall-kuntrarju, l-NDLA hija parti integrali mill-amministrazzjoni pubblika tal-awtoritajiet tal-kontea u għalhekk jista' jingħad illi hija soġġett għall-kontroll mill-Istat.

    (107)

    Kif muri aktar il-fuq, l-NDLA ma tistax twessa' l-ambitu tal-attivitajiet tagħha waħedha. L-awtoritajiet tal-kontea huma responsabbli għal dan u huma jiddeċiedu x'tagħmel l-NDLA permezz ta' riżoluzzjonijiet jew tal-Bord ta' Superviżjoni (104). Il-baġit jiġi determinat mill-awtoritajiet tal-kontea (wara rakkomandazzjoni mill-Bord ta' Tmexxija) u l-NDLA jista' jġarrab biss spejjeż jekk isegwi il-proċedura għall-akkwist pubbliku għas-servizzi jew prodotti li huma neċessarji għat-twettiq tal-attivitajiet tiegħu. Fl-aħħarnett, l-awtoritajiet tal-kontea jistgħu dejjem jannullaw id-deċiżjonijiet tal-Bord ta' Tmexxija, jiġifieri l-NDLA ma għandhiex diskrezzjoni biex tespandi l-ambitu tal-attivitajiet tagħha u l-ebda possibiltà finanzjarja biex torbot lill-awtoritajiet tal-kontea lil hinn mill-ambitu mifthiem tal-attivitajiet tagħha.

    2.   KONKLUŻJONI

    (108)

    Fuq il-bażi ta' dak li ntqal aktar il-fuq, l-Awtorità ikkonkludiet illi l-NDLA ma twettaqx attivitajiet ekonomiċi u li l-finanzjament tagħha għalhekk ma jinvolvix għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 61 (1) tal-Ftehim ŻEE.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-finanzjament tal-NDLA ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tfisira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE. L-investigazzjoni formali f'din il-kwistjoni hija b'dan magħluqa.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Norveġja.

    Artikolu 3

    L-unika verżjoni awtentika ta' din id-Deċiżjoni hija dik bil-lingwa Ingliża.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Ġunju 2014.

    Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

    Oda Helen SLETNES

    Il-President

    Frank BÜCHEL

    Membru tal-Kulleġġ


    (1)  Il-ĠU C 229, 8.8.2013, p. 31, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 44, 8.8.2013, p. 19.

    (2)  Il-ĠU C 92, 29.3.2012, p. 3, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 18, 29.3.2012, p. 3.

    (3)  Każ E-1/12 Den norske Forleggerforening v EFTA Surveillance Authority Qorti tal-EFTA Ġabra [2012], p. 1040.

    (4)  Il-ĠU C 229, 8.8.2013, p. 31, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 44, 8.8.2013, p. 19.

    (5)  LOV-1992-09-25-107 (Lov om kommuner og fylkeskommuner (kommuneloven)).

    (6)  Bin-Norveġiż: “Kunnskapsløftet”.

    (7)  LOV->2008-07-17-61 (Lov om grunnskolen og den vidaregåande opplæringa (Opplæringslova)).

    (8)  St. prp. Nru. 1 Inklużjoni nru 1 lill-Parlament (2005-2006) dwar l-emendi għall-baġit tal-Istat propost 2006 (Bin-Norveġiż: “For budsjettåret 2006 Om endring av St. prp. nr. 1 om statsbudsjettet 2006”).

    (9)  Proposta Nru. 36 lill-Odelsting (1996-1997), ara p. 171.

    (10)  LOV-1974-06-21-55, issa mħassar, (Lov om videregående opplæring), ara t-Taqsima 35, sottotaqsima 3.

    (11)  Ara l-Proposta Nru. 36 lill-Odelsting (1996-1997) p. 171 (Bin-Norveġiż: “Regelen er ny, men tek ikkje sikte på å endre gjeldande rett. Prinsippet om gratis opplæring går fram av lvgo. §35 tredje leddet om forbod mot å ta skolepengar. Ordninga med å påleggje elevar eller lærlingar å halde seg med undervisningsmateriell og utstyr til eige bruk er i dag ikkje særleg lovregulert.”) kif ukoll l-ittra tal-gvern Norveġiż tad-19 ta' Ġunju 2006 li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-raġunijiet wara l-għotja ta' NOK 50 million favur it-tagħmir għat-tagħlim diġitali: http://www.regjeringen.no/nb/dep/kd/dok/andre/brev/-utvalgte_brev/2006/digitale-laremidler-i-videregaende-oppla.html?id=91754.

    (12)  LOV-1998-07-17-61 (Lov om grunnskolen og den vidaregåande opplæringa (opplæringslova)), it-traduzzjoni mhux uffiċjali tal-awtoritajiet Norveġiżi fl-ittra tagħhom tat-2.5.2013 (Avveniment Nru 691771) tal-Att dwar l-Edukazzjoni, Taqsima 3-1, sottotaqsima 9 li bin-Norveġiż tgħid illi “Opplæringa i offentleg vidaregåande skole eller i lærebedrift er gratis. Fylkeskommunen har ansvaret for å halde elevane med nødvendige trykte og digitale læremiddel og digitalt utstyr. Elevane kan ikkje påleggjast å dekkje nokon del av utgiftene til dette utover det som følgjer av forskrift. (…)”.

    (13)  Ara l-Anness 2 għall-Ilment, Inklużjoni fil-baġit tal-Istat (St. prp. nru. 66 (2005-2006)), p. 21, Kapitolu 225, Partita 62 (Avveniment Nru 553728).

    (14)  Ara l-Anness 3 (Avveniment Nru 553729): Ittra mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka datata d-19 ta' Ġunju 2006, bi skadenza għall-applikazzjoni għall-għotja fil-15 ta' Awwissu 2006.

    (15)  Ara l-Anness 15 (Avveniment Nru 553808) għall-ilment: Memo mill-kap amministrattiv fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ fl-awtorità tal-kontea Sogn og Fjordane, ara l-ħolqa http://www.sfj.no/sff/K2PUB.nsf/viewAttachments/C1256B3B0048DA1DC12576320029B7D6/$FILE/09039906.pdf

    (16)  Ara r-rapport annwali tal-NDLA 2012 (Avveniment Nru 672038), p. 5, mehmuż mas-sottomissjoni tal-awtoritajiet Norveġiżi tas-6 ta' Mejju 2013. Test oriġinali bin-Norveġiż “Akershus fylkeskommune meldte seg ut med bakgrunn i lave besøkstall fra egne skoler, (…)”.

    (17)  Ara l-Anness 11 għall-Ilment: Pjan tal-proġett NDLA datat is-16 ta' Frar 2007 (Avveniment Nru 553952), p. 3.

    (18)  VGI tfisser “Videregående no. 1” u għandha x'taqsam mal-ewwel mit-tliet snin ta' edukazzjoni sekondarja skont ir-riforma l-ġdida “Kunnskapsløftet” tal-2006, ara l-informazzjoni fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Norveġiż għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ http://www.udir.no/Vurdering/Vitnemal-og-kompetansebevis/Artikler_vitnemal/Foring-av-vitnemal-og-kompetansebevis-for-videregaende-opplaring-i-Kunnskapsloftet-2014/12-Dispensasjoner-og-forsok-innvilget-av-Utdanningsdirektoratet-1/.

    (19)  Ara l-Anness 4 għall-Ilment, ittra lill-awtoritajiet tal-kontea mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka datata l-20 ta' April 2007 (Avveniment Nru 553730), ara t-tielet paragrafu fuq p. 1 u r-raba' paragrafu fuq p. 2.

    (20)  Ara s-sottomissjoni mill-awtoritajiet Norveġiżi datata d-9 ta' Settembru 2010 (Avveniment Nru 568942), p. 6-8, ara speċjalment it-tabella provvduta fil-paġna 6.

    (21)  Ara t-taqsima tal-baġit St. prp. Nru. 1 (2006-2007) “ktieb isfar” fil-ħolqa: http://www.regjeringen.no/nb/dep/fin/dok/regpubl/stprp/20062007/stprp-nr-1-2006-2007-/10/4.html?id=298021

    (22)  Ara s-sottomissjoni mill-awtoritajiet Norveġiżi datata d-9.9.2010 (Avveniment Nru 568942), p. 6-8, ara speċjalment it-tabella provvduta fil-p.6.

    (23)  Ara l-paragrafu (31) hawn taħt.

    (24)  L-Awtorità tifhem illi l-metodu ta' allokazzjoni baqa' ma nbidilx fir-rigward tas-snin 2013 u 2014.

    (25)  In-numri provduti mill-gvern Norveġiż 9.9.2010 (Avveniment Nru 568942), p. 8.

    (26)  Ara r-rapport annwali 2011, partita 5.4.1 (Avveniment Nru 672037).

    (27)  Ibid.

    (28)  Ara r-Rapport annwali 2012, partita 6.1 (Avveniment Nru 672038).

    (29)  Ara l-Anness 15 għall-Ilment (Avveniment Nru 553808); Memo mill-kap amministrattiv fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ fl-awtorità tal-kontea Sogn og Fjordane, ara taħt l-intestatura Finanzjament u Espansjoni fuq p. 7.

    (30)  Ara t-tweġiba mill-awtoritajiet Norveġiżi datata l-31 ta' Marzu 2014 (Avveniment Nru 703980 u 703991) u l-annessi 5-22 (Avveniment Nru 703987).

    (31)  Il-Qorti tal-EFTA nnutat illi, fl-Istatut ta' Assoċjazzjoni tal-NDLA, id-dħul fis-seħħ tal-kooperazzjoni formalizzata kienet ippjanata għall-1 ta' Lulju 2009 (Kawża E-1/12 Den norske Forleggerforening, paragrafu 115 (ikkwotat hawn fuq)). Fl-istess ħin, il-Qorti tal-EFTA nnutat illi ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi kienet tirreferi għall-1 ta' Jannar 2010 bħala d-data tad-dħul fis-seħħ tal-kooperazzjoni inter-muniċipali (Il-Qorti tal-EFTA tirreferi għas-sottomissjoni min-Norveġja datata d-9 ta' Settembru 2010, p. 3). Ikkunsidrat dan li ntqal aktar il-fuq, kif ukoll illi l-NDLA kienet diġà attiva bħala kooperazzjoni ad hoc qabel ma twaqqfet formalment, il-Qorti tal-EFTA sabet illi l-Awtorità kellha tinvestiga l-effetti tal-bidliet organizzattivi u l-istatus ġuridiku tal-NDLA dwar il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet u s-sorsi ta' finanzjament tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-EFTA sabet illi l-Awtorità kellha tinvestiga kif inbidlu maż-żmien l-istatus organizzattiv u ġuridiku tal-NDLA (Kawża E-1/12 Den norske Forleggerforening, paragrafu 117 (ikkwotat aktar il-fuq)).

    (32)  Id-data tal-applikazzjoni għall-għotja mit-18-il awtorità tal-kontea.

    (33)  Ara l-Anness 11 għall-Ilment, Pjan tal-proġett NDLA datat is-16 ta' Frar 2007 (Avveniment Nru 553952) p. 14.

    (34)  It-test Norveġiż jgħid: “Forum for fylkesutdanningssjefer”.

    (35)  Ara l-ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi datata l-31.3.2014 (Avveniment Nru 703991), p. 7.

    (36)  Sottomissjoni mill-awtoritajiet Norveġiżi datata s-6.5.2013 (Avveniment Nru 672024).

    (37)  Pjan tal-proġett NDLA, l-ewwel u t-tieni inċiż tas-sottotaqsima 2.2.

    (38)  Id-deċiżjoni adottata tgħid hekk: “L-awtorità tal-kontea ta' Hordaland hija legalment responsabbli għall-NDLA, f'isem tal-awtoritajiet tal-kontea l-oħra li jieħdu sehem fil-proġett”(traduzzjoni mhux uffiċjali).

    (39)  Ara l-ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi datata s-6.5.2013 (Avveniment Nru 672024), p. 6 it-tieni paragrafu minn tal-aħħar.

    (40)  L-Istatut ta' Assoċjazzjoni, ara l-Anness 10 għall-Ilment (Avveniment Nru 553953), li jikkonferma illi d-data tad-dħul fis-seħħ kienet l-1.7.2009

    (41)  Ara l-ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi datata l-31.3.2014 (Avveniment Nru 703991).

    (42)  Statut ta' Assoċjazzjoni Emendat mill-2012 (ara l-Avveniment Nru 703991 u 709565). Hordaland kienet l-ewwel awtorità tal-kontea li adottat l-Istatut ta' Assoċjazzjoni fis- 16.1.2012 u Østfold kienet l-aħħar li adottat l-emendi fil-25.10.2012; ara l-e-Mail mill-awtoritajiet Norveġiżi datata t-2.6.2014 (Avveniment Nru 709742).

    (43)  Bin-Norveġiż “representantskapet” (jew “Styret” fil-verżjoni tal-2012 tal-Istatut ta' Assoċjazzjoni).

    (44)  Ara n-nota 327 tal-kummentarju ġuridiku dwar l-Artikolu 27 tal-Att dwar il-Gvern Lokali, Gyldendals rettsdata, ta' Jan Fridthjof Bern, miktub fit-8.3.2012.

    (45)  Bin-Norveġiż: Bin-Norveġiż “representantskapet” (jew “Styret” fil-verżjoni tal-2012 tal-Istatut ta' Assoċjazzjoni).

    (46)  Ara l-paragrafu 51 hawn taħt għal aktar dettalji dwar il-kwistjonijiet ta' finanzi u baġit tal-NDLA.

    (47)  Ara t-tweġiba mill-awtoritajiet Norveġiżi datata l-31 ta' Marzu 2014 (Avveniment Nru 703980 u 703991) u l-annessi 5-22 (Avveniment Nru 703987). Fi tweġiba min-Norveġja datata l-31.3.2014 (Avveniment Nru 703991) huwa speċifikat illi ż-żewġ awtoritajiet tal-kontea Sogn og Fjordane u Telemark bi żball jirreferu għad-data ta' 1.1.2010 fir-riżoluzzjonijiet rispettivi tagħhom. L-awtoritajiet Norveġiżi jistqarru wkoll illi anke jekk l-awtorità tal-kontea Troms, għal raġunijiet prattiċi, tgħid fid-deċiżjoni tagħha illi d-data ta' dħul fis-seħħ tal-kooperazzjoni kienet l-1.1.2010, id-data korretta kellha tkun l-1.7.2009.

    (48)  Sottomissjoni mill-awtoritajiet Norveġiżi datata s-6.5.2013 (Avveniment Nru 672024).

    (49)  Is-sors tal-finanzjament tal-NDLA ġie stabbilit fid-dettall fit-taqsima 4.3 hawn fuq.

    (50)  Bin-Norveġiż: “fylkestinget”.

    (51)  LOV-1999-07-16-69 (Lov om offentlige anskaffelser (anskaffelsesloven)).

    (52)  Ara s-sottomissjoni tal-awtoritajiet Norveġiżi datata s-7 ta' Marzu 2011 (Avveniment Nru 589528), p. 54.

    (53)  Din l-awtonomija limitata dwar l-attivitajiet ta' kuljum tal-NDLA hija analizzata f'aktar dettal fit-taqsima ta' evalwazzjoni hawn taħt.

    (54)  L-awtoritaa tal-kontea Hordaland taġixxi, f'isem l-awtoritajiet tal-kontea kollha, bħala l-entità ġuridika responsabbli mill-iffirmar tal-kuntratti.

    (55)  Ara t-tweġiba tal-awtoritajiet Norveġiżi datata l-31.3.2014 (Avveniment Nru 703991).

    (56)  Skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Norveġiżi, l-Istatut ta' Assoċjazzjoni ġie kemmxejn emendat fl-2012 (Avveniment Nru 703991 u 709565).

    (57)  Bin-Norveġiż: “Buskerud, Telemark, og Vestfold”-innkjøp.

    (58)  Ara s-sottomissjoni mill-awtoritajiet Norveġiżi datata l-4.3.2011 (Avveniment Nru 672032) li kienet mehmuża mal-kumment għad-deċiżjoni inizjali.

    (59)  Fi żmien is-sottomissjoni, Akershus ma kinetx għadha reġgħet ingħaqdet mal-NDLA.

    (60)  ĠU L 161, 13.6.2013, p. 12, u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 34, 13.6.2013, p. 1.

    (61)  Kawża C-49/07 MOTOE [2008] ECR I-4863, paragrafu 27.

    (62)  Kawża C-280/00 Altmark Trans and Regierungsprasidium Magdeburg [2003] ECR I-7747.

    (63)  Direttiva dwar it-Trasparenza (Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta' Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17), inkorporata fl-Anness tal-Ftehim ŻEE XV, punt 1a (ĠU L 266, 11.10.2007, p. 15); u s-Suppliment ŻEE Nru 48, 11.10.2007, p. 12, e.i.f. 9.6.2007).

    (64)  Kawża C-41/90 Höfner and Elser [1991] ECR I-1979, para 21.

    (65)  Kawża C-35/96 Commission v Italy (CNSD) [1998] ECR I-3851, paragrafu 36.

    (66)  Kawżi konġunti C-159/91 u C-160/91 Poucet and Pistre [1993] ECR I-637.

    (67)  Kawża E-05/7 Private Barnehagers Landsforbund [2008] EFTA Ct.Rep. 64.

    (68)  Ibid., paragrafu 80.

    (69)  Kawża C-160/91 Poucet [1993] ECR I-637.

    (70)  Kawża C-180/98 Pavlov [2000] ECR I-6497.

    (71)  Kawża E-05/7 Private Barnehagers Landsforbund (ikkwotat aktar il-fuq).

    (72)  Kawża 263/86 Humbel [1988] ECR 5383, paragrafi 14-21.

    (73)  Kawża C-318/05 Commission v Germany [2007] ECR I-6957.

    (74)  Ibid., paragrafu 68.

    (75)  Kawża 263/86 Humbel (ikkwotata hawn fuq), paragrafu 18.

    (76)  Ibid., paragrafu 18; Kawża E-5/07 Private Barnehagers Landsforbund [2008] EFTA Ct. Rep. 64, paragrafu 82; Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 118/2000 FranceAide aux clubs sportifs professionnels (ĠU C 333, 28.11.2001, p. 6).

    (77)  Ara l-ittra tal-awtoritajiet Norveġiżi tad-29 ta' Novembru 2013 (Avveniment Nru 691769).

    (78)  C-218/00 Cisal die Battistello Venanzi [2002] ECR I-691, paragrafu 31.

    (79)  Ara l-osservazzjoni tal-ilmentatur għad-deċiżjoni inizjali, paragrafu 46 (Avveniment Nru 679680).

    (80)  Ara l-osservazzjoni tal-ilmentatur għad-deċiżjoni inizjali, paragrafu 8 (Avveniment Nru 679680).

    (81)  Ara l-paragrafu 70 hawn fuq.

    (82)  Kawża E-1/12 Den norske Forleggerforening (ikkwotata hawn qabel), paragrafu 117.

    (83)  Dan kien ikkonfermat mis-sottomissjoni tal-awtoritajiet Norveġiżi tat-2.5.2013 (Avveniment Nru 672024) f'p. 6.

    (84)  Ara l-Pjan tal-Proġett NDLA; Ara l-Anness 11 għall-Ilment (Avveniment Nru 553952), p. 2.

    (85)  L-Istatut ta' Assoċjazzjoni, ara l-Anness 10 għall-Ilment (Avveniment Nru 553953);

    (86)  Ara l-Pjan tal-Proġett; Anness 11 għall-Ilment (Avveniment Nru 553952), partita 2.2 “riżultat immirat” punt nru.1, p. 4.

    (87)  Ara l-ittra mill-awtoritajiet Norveġiżi datata l-31.3.2014 (Avveniment Nru 703991), p. 7-8; dan ġie konfermat.

    (88)  Ara l-Anness 11 tal-Pjan tal-Proġett għall-Ilment (Avveniment Nru 553952), partita 3.1 “xogħol marbut mal-ġestjoni tal-proġett”, p. 5 u l-Istatut ta' Assoċjazzjoni.

    (89)  L-ittra tal-awtoritajiet Norveġiżi datata l-31.3.2014 (Avveniment Nru 703991), p. 11.

    (90)  Kawża E-05/07 Private Barnehagers Landsforbund (ikkwotat aktar il-fuq), paragrafi 80-83.

    (91)  Kawża E-1/12 Den norske Forleggerforening (ikkwotata hawn qabel), paragrafi 121-123.

    (92)  Jidher illi l-Qorti tal-EFTA qed tagħmel referenza għal paragrafu 12 u n-nota ta' qiegħ il-paġna 4 tad-deċiżjoni annullata skont liema “It-Taqsima 3-1 u 4 A-3 tal-Att dwar l-Edukazzjoni tgħid illi l-awtorità tal-kontea hija responsabbli biex tipprovdi lill-istudenti bil-materjali tat-tagħlim neċessarju stampat u diġitali mingħajr ħlas kif ukoll tagħmir diġitali.”

    (93)  Il-Qorti tal-EFTA tirreferi għall-paragrafu 45 tad-deċiżjoni annullata fil-paragrafu 121 tas-Sentenza.

    (94)  Kawża E-1/12 Den norske Forleggerforening (ikkwotata hawn qabel), paragrafu 123.

    (95)  Anness 24 (Avveniment Nru 703987), p. 93.

    (96)  Ara l-Anness 3 (Avveniment Nru 553729); ittra mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u r-Riċerka datata d-19 ta' Ġunju 2006.

    (97)  Kawża E-05/07 Private Barnehagers Landsforbund (ikkwotata aktar il-fuq), paragrafu80.

    (98)  LOV-1999-07-16-69 (Lov om offentlig anskaffelse (anskaffelsesloven)).

    (99)  Ix-xiri tal-NDLA huwa limitat ukoll mid-disponibbiltà tal-fondi fil-baġit, minħabba li l-Istatut ta' Assoċjazzjoni ma jippermettix lill-NDLA milli tieħu self jew tidħol f'arranġamenti ta' finanzjament.

    (100)  L-ittra tal-awtoritajiet Norveġiżi datata l-31.3.2014 (Avveniment Nru 703991), p. 13. Barra minn hekk, dawn il-limitazzjonijiet huma parzjalment riflessi wkoll fl-Att dwar il-Gvern Lokali. Fil-White Paper Ot. prp. no. 42 (1991-92), p. 112, huwa stabbilit illi “l-bord jista' jingħata biss funzjonijiet li huma marbuta mal-attività propja illi ġiet imqabbda twettaq il-kooperazzjoni”. Huwa ċar ukoll illi l-limitazzjoni fis-setgħa ta' delega hija prevista mill-Att dwar il-Gvern Lokali għal ċerti deċiżjonijiet, bħal pereżempju deċiżjonijiet li jikkonċernaw pjan ekonomiku (Taqsima 44 Nru 6) u l-baġit annwali (Taqima 45 Nru 2); dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għar-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet tal-kontea.

    (101)  Kawża C-205/03P FENIN v Commission, ECR [2006] II-6295, paragrafu 26.

    (102)  Kawża C-160/91 Poucet (ikkwotata hawn qabel), paragrafi 15 u 18; Kawżi konġunti C-264/01, C-306/01 and C-355/01 AOK Bundesverband and Others [2004] ECR I-2493, paragrafi 46 — 57; Kawża C-218/00 Cisal die Battistello Venanzi [2002] ECR I-691, paragrafi 31-46. Dawn il-kawżi jikkonċernaw l-assigurazzjonijiet tas-saħħa u soċjali. Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni b'mod espliċitu tirreferi għal dawn il-każijiet fil-kuntest ta' servizzi professjonali jindika illi l-evalwazzjoni tista' tiġi applikata b'mod ġenerali (ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Rapport dwar il-Kompetizzjoni fis-Servizzi Professjonali” tad-9.2.2004 (COM(2004) 83 final, Fn. 22).

    (103)  Kawżi konġunti C-264/01, C-306/01 and C-355/01 AOK Bundesverband and Others [2004] ECR I-2493, paragrafu 52; Kawża C-160/91 Poucet (ikkwotata hawn fuq), paragrafi 11 u 12.

    (104)  Ara l-ittra tal-awtoritajiet Norveġiżi datata l-31.3.2014 (Avveniment Nru 703991), p. 10 fejn huwa dikjarat dan li ġej: “[b]ħala konsegwenza il-bord ta' tmexxija ma jkollux setgħa biex jespandi l-ambitu tal-attivitajiet tal-NDLA (sic) mingħajr il-kunsens tal-bord ta' superviżjoni.”


    Top