Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2013P0021

    Azzjoni mressqa fl- 4 ta’ Ottubru 2013 mill-Fédération internationale de football association (FIFA) kontra l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA (Kawża E-21/13)

    ĠU C 372, 19.12.2013, p. 20–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 372/20


    Azzjoni mressqa fl-4 ta’ Ottubru 2013 mill-Fédération internationale de football association (FIFA) kontra l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

    (Kawża E-21/13)

    (2013/C 372/09)

    Azzjoni kontra l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (ESA) tressqet quddiem il-Qorti tal-EFTA fl-4 ta’ Ottubru 2013 mill-Fédération internationale de football association (FIFA), irrappreżentata minn Ami Barav, konsulent legali tal-Kamra tal-Avukati tal-Ingilterra u ta’ Wales u avukat tal-Kamra tal-Avukati ta' Parġi, Peter Dyrberg, avukat tal-Kamra tal-Avukati Daniża u Damien Reymond, avukat tal-Kamra tal-Avukati ta' Parġi, c/o Olswang, 326 Avenue Louise, bte 26, 1050 Brussell, il-Belġju.

    Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-EFTA sabiex:

    (i)

    tħassar id-deċiżjoni kkuntestata ġaladarba din tapprova li jiddaħħlu logħbiet “mhux ta' importanza primarja” tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFATM, fil-lista Norveġiża tal-avvenimenti;

    (ii)

    tordna lill-ESA biex tħallas l-ispejjeż tagħha stess u l-ispejjeż li l-FIFA għamlet b'rabta ma’ dawn il-proċedimenti.

    L-isfond legali u fattwali u r-raġunijiet legali miġjuba bħala sostenn:

    Ir-rikorrent, il-Fédération internationale de football association (FIFA), jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni Nru 309/13/COL tas-16 ta’ Lulju 2013 tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (ESA), stabbilita bl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi Awdjoviżi tal-Midja (AVMSD) (id-deċiżjoni kkuntestata), ġaladarba din tapprova li jiddaħħlu fil-lista Norveġiża tal-avvenimenti, imfassla skont l-Artikolu 14(1), il-logħbiet kollha li jintlagħbu fl-ambitu tal-aħħar fażi tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFATM, speċjalment dak il-logħob li la jkun finali, semifinali, jew il-logħob li jilgħab it-tim Norveġiż (il-logħbiet “mhux ta' importanza primarja”).

    Fit-12 ta’ Lulju u fil-5 ta’ Awwissu 2013, il-FIFA talbet komunikazzjoni dwar id-deċiżjoni kkuntestata mill-ESA. Bi tweġiba, l-ESA tat lill-FIFA ħolqha li tieħu għall-bażi tad-dejta onlajn fejn kienet ippubblikata d-deċiżjoni.

    Il-FIFA hija l-organizzatur u l-uniku detentur oriġinali tad-drittijiet tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFATM, li tinsab fil-lista Norveġiża approvata mill-ESA. Il-FIFA tqis li meta l-ESA approvat li f'din il-lista jkun hemm it-Tazza tad-Dinja tal-FIFATM kollha, b’mod partikolari l-logħbiet “mhux ta' importanza primarja” li jintlagħbu fl-ambitu ta' din il-kompetizzjoni, għamlet żball ċar u injorat il-liġi taż-ŻEE kif ukoll il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja (SCA).

    Ir-rikorrent jiddikjara, inter alia, li l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA:

    kisret l-Artikolu 16 tal-SCA; u

    kisret l-Artikoli 14(2) tal-AVMSD u 5(2)(d) tal-SCA meta naqset milli b’mod adegwat tivverifika l-kompatibilità tal-miżuri Norveġiżi mal-liġi taż-ŻEE.


    Top