Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2012P0007

    Azzjoni mressqa fid- 9 ta’ Lulju 2012 minn DB Schenker kontra l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA (Il-Kawża E-7/12)

    ĠU C 314, 18.10.2012, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.10.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 314/8


    Azzjoni mressqa fid-9 ta’ Lulju 2012 minn DB Schenker kontra l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

    (Il-Kawża E-7/12)

    2012/C 314/08

    Rikors kontra l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA tressaq quddiem il-Qorti tal-EFTA fid-9 ta’ Lulju 2012 minn Schenker North AB, Schenker Privpak AB u Schenker Privpak AS (kollettivament “DB Schenker”), irrappreżentat minn Jon Midthjell, advokat, Advokatfirmaet Midthjell AS, Grev Wedels plass 5, NO-0151 Oslo, in-Norveġja.

    Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-EFTA sabiex:

    Fir-rigward ta’ każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni:

    (1)

    Tiddikjara li l-konvenut kiser l-Artikolu 37(1) SCA billi naqas milli jaġixxi fuq id-dover tiegħu, skont ir-Regoli dwar l-Aċċess għal Dokumenti, il-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti u l-Ftehim ŻEE, li tiddefinixxi l-pożizzjoni tagħha dwar it-talba li r-rikorrenti ppreżentaw fit-3 ta’ Awwissu 2010 biex ikollhom aċċess għall-fajl komplut fil-Każ tal-ASE Nru 34250 (Norway Post/Privpak); kif ukoll

    (2)

    Tordna lill-konvenut iħallas l-ispejjeż.

    Fir-rigward ta’ talba għad-danni, biex tagħti sentenza interlokutorja dwar ir-responsabbiltà tal-konvenut u tiddifferixxi għal stadju sussegwenti tal-proċedimenti l-kwistjoni dwar il-valutazzjoni tad-danni attribwibbli għall-konvenut:

    (1)

    Tiddikjara li n-nuqqas ta' azzjoni tal-konvenut bejn is-7 ta' Settembru 2010 jew kwalunkwe data aktar tard, u sakemm il-konvenut ikun skont il-liġi ddefinixxa l-pożizzjoni tiegħu dwar it-talba tar-rikorrenti biex ikollhom aċċess għall-fajl komplut fil-Każ tal-ASE Nru 34250 (Norway Post), fit-3 ta’ Awwissu 2010, hija tali li tagħmel lill-konvenut responsabbli, anki għall-imgħax li jirriżulta, skont l-Artikolu 46(2) SCA.

    (2)

    Fi żmien sitt xhur wara li l-konvenut ikun skont il-liġi ddefinixxa l-pożizzjoni tiegħu dwar it-talba tar-rikorrenti biex ikollhom aċċess għall-fajl komplut fil-Każ tal-ASE Nru 34250 (Norway Post), fit-3 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti għandhom jinfurmaw lill-Qorti dwar l-ammont tad-danni li qed jitolbu u jekk il-partijiet jaqblux dwar dan l-ammont.

    (3)

    F’każ li ma jkunx hemm qbil dwar l-ammont tad-danni, il-partijiet għandhom iressqu quddiem il-qorti, fi ħdan l-istess perjodu, il-kalkoli tagħhom tal-ammont tad-danni attribwibbli għan-nuqqas tal-konvenut milli skont il-liġi jiddefinixxi l-pożizzjoni tiegħu rigward it-talba tar-rikorrenti biex ikollhom aċċess għall-fajl komplut fil-Każ tal-ASE Nru 34250 (Norway Post), fit-3 ta’ Awwissu 2010.

    (4)

    Tordna lill-konvenut iħallas l-ispejjeż.

    L-isfond legali u fattwali u r-raġunijiet legali miġjuba bħala sostenn:

    Ir-rikorrenti Schenker North AB, Schenker Privpak AB u Schenker Privpak AS huma parti minn DB Schenker, grupp internazzjonali tat-trasport u l-loġistika tal-merkanzija, proprjetà tad-Deutsche Bahn AG. Schenker North AB tmexxi l-operazzjonijiet ta’ negozju tal-grupp fuq l-art, bil-baħar u bil-ferrovija fin-Norveġja, l-Isvezja u d-Danimarka, inklużi s-sussidjarji Schenker Privpak AS u Schenker Privpak AB (kollettivament imsejħa “DB Schenker”).

    Fl-14 ta’ Lulju 2010, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA adottat deċiżjoni fil-Każ Nru 34250 (Norway Post/Privpak), fejn sabet li Norway Post kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq Norveġiż tal-kunsinna tal-pakketti bejn in-negozji u l-konsumaturi fl-2000-2006. Id-Deċiżjoni ġiet irrispettata mill-Qorti tal-EFTA fil-Kawża E-15/10 Posten Norge AS vs l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA. Ir-rikorrenti qed isegwu d-dritt tagħhom għal kumpens minn Norway Post għall-ħsara kkawżata mill-ksur, u jixtiequ jirrevedu kif il-konvenut iġġestixa l-investigazzjoni u l-proċedura amministrattiva. Fit-3 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti ressqu talba biex ikollhom aċċess għal dokumenti li jappartjenu għall-Każ tal-ASE Nru 34250, skont ir-Regoli dwar l-Aċċess għal Dokumenti (RAD), stabbiliti minn deċiżjoni tal-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA Nru 407/08/COL fis-27 ta’ Ġunju 2008.

    Fit-8 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrenti nnotifikaw lill-konvenut b’avviż ta' qabel il-litigazzjoni skont l-Artikolu 37(2) SCA, fuq il-bażi li l-konvenut naqas milli jieħu deċiżjoni finali dwar it-talba tagħhom għall-aċċess, imressqa fit-3 ta’ Awwissu 2010. Ir-rikorrenti jissottomettu li l-konvenut sussegwentament naqas milli jieħu deċiżjoni dwar it-talba tagħhom għall-aċċess wara li skada l-perjodu statutorju ta' qabel il-litigazzjoni, u għaldaqstant ikkawża wkoll telf.

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA:

    kisret l-Artikolu 37 SCA billi naqset milli tilħaq l-obbligi legali tagħha, li tiddeċiedi dwar it-talba għall-aċċess li r-rikorrenti ppreżentaw fit-3 ta’ Awwissu 2010; kif ukoll

    kisret l-Artikolu 46(2) SCA billi naqset milli tilħaq l-obbligu legali tagħha li tieħu deċiżjoni f'waqtha dwar it-talba għall-aċċess li r-rikorrenti ppreżentaw fit-3 ta’ Awwissu 2010, u li tittratta t-talba għaldaqstant skont il-liġi.


    Top