EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2011C0364

Deċiżjoni tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 364/11/COL tat- 23 ta’ Novembru 2011 biex tingħalaq proċedura ta’ investigazzjoni formali rigward l-eżenzjoni tal-Fond Islandiż għall-Finanzjament tad-Djar Íbúðalánasjóður (l-HFF) mill-ħlas ta’ primjum ta’ garanzija mill-Istat (l-Islanda)

ĠU L 82, 22.3.2012, p. 16–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/364(2)/oj

22.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/16


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 364/11/COL

tat-23 ta’ Novembru 2011

biex tingħalaq proċedura ta’ investigazzjoni formali rigward l-eżenzjoni tal-Fond Islandiż għall-Finanzjament tad-Djar Íbúðalánasjóður (l-HFF) mill-ħlas ta’ primjum ta’ garanzija mill-Istat (l-Islanda)

L-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA (L-AWTORITÀ),

WARA LI KKUNSIDRAT il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Ftehim taż-ŻEE), u partikolarment l-Artikolu 61 u l-Protokoll 26,

WARA LI KKUNSIDRAT l-Artikolu 1(3) tal-Parti I u 7 (2) tal-Parti II tal-Protokoll 3 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-twaqqif ta' Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja (Ftehim dwar Sorveljanza u Qorti) (Protokoll 3),

WARA LI KKUNSIDRAT il-verżjoni konsolidata tad-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 195/04/COL tal-14 ta’ Lulju 2004 dwar id-dispożizzjonijiet implimentattivi li jissemmew taħt l-Artikolu 27 tal-Parti II tal-Protokoll 3 (Id-Deċiżjoni dwar id-Dispożizzjonijiet Implimentattivi) (1),

WARA li stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom (2),

Billi:

I.   FATTI

1.   Proċedura

(1)

B’ittra datata t-28 ta’ Settembru 2007 (Avveniment Nru 442805), l-Awtorità talbet informazzjoni mill-awtoritajiet Islandiżi rigward il-garanziji mill-Istat u l-obbligu li jitħallas primjum ta' garanzija mill-istat taħt l-Att Islandiż dwar il-Garanziji mill-Istat. B’ittra mill-Missjoni Islandiża għall-Unjoni Ewropea datata l-24 ta’ Ottubru 2007, li għaddiet l-ittra mingħand il-Ministeru tal-Finanzi Islandiż, tal-istess data, li waslet u ġiet reġistrata mill-Awtorità fil-25 ta' Ottubru 2007 (Avvenimenti Nru 448739 u 449598), l-awtoritajiet Islandiżi wieġbu għal din it-talba.

(2)

Il-każ kien soġġett għal diskussjonijiet bejn ir-rappreżentanti tal-Awtorità u l-Gvern Islandiż fis-7 ta’ Settembru 2007 fi Brussell u fid-29 ta' Ottubru 2007 f'Reykjavik kif ukoll bejn ir-rappreżentanti tal-Awtorità u l-Assoċjazzjoni Islandiża tas-Servizzi Finanzjarji f'laqgħa fis-6 ta' Marzu 2008 fi Brussell.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 406/08/COL tas-27 ta’ Ġunju 2008 li jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-eżenzjoni tal-Fond Islandiż ta' Finanzjament għad-Djar mill-pagament ta' primjum ta' garanzija mill-Istat ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment taż-ŻEE tiegħu. (3) Permezz ta’ din id-Deċiżjoni, l-Awtorità talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom. L-Awtorità ma rċeviet l-ebda kumment mingħand il-partijiet interessati. Permezz ta’ ittra datata t-8 ta’ Settembru 2008 (Avveniment Nru 490696), l-awtoritajiet Islandiżi ressqu l-kummenti tagħhom dwar id-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 406/08/COL.

(4)

F'Ottubru 2008, l-Awtorità iffriżat il-każ minħabba l-kollass tas-settur bankarju Islandiż. Madankollu, saru xi diskussjonijiet dwar dan il-każ fi Grupp ta’ Laqgħat f’Rejkjavik fl-4-5 ta’ Novembru 2009. Wara din il-laqgħa, fis-16 ta' Novembru 2009, intbagħtet ittra mill-Awtorità biex tfakkarhom jissottomettu informazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura investigata. Ingħatat tweġiba mill-awtoritajiet Islandiżi permezz ta’ ittra datata s-7 ta’ Diċembru 2009 (Avveniment Nru 539538).

(5)

F’investigazzjoni parallela dwar miżuri ta’ għajnuna mill-istat mogħtija lill-Fond Islandiż għall-Finanzjament tad-Djar, l-Awtorità kkonkludiet fid-Deċiżjoni tagħha Nru 405/08/COL tas-27 ta' Ġunju 2008 (4) li l-garanzija mill-istat mogħtija lill-HFF tikkostitwixxi miżura eżistenti ta’ għajnuna. Sussegwentement, fit-18 ta’Lulju 2011, l-Awtorità adottat id-Deċiżjoni Nru 247/11/COL dwar proposta għal miżuri xierqa fil-finanzjament tal-Fond Islandiż għall-Finanzjament tad-Djar Íbúðalánasjóður (HFF), (5) inter alia fil-forma ta’ garanzija mill-istat.

2.   Deskrizzjoni tal-miżura investigata

2.1.   Il-benefiċjarju

(6)

Il-Fond għall-Finanzjament tad-Djar Íbúðalánasjóður (HFF) huwa istituzzjoni tal-istat, li topera fuq bażi separata taħt l-Att Islandiż dwar id-Djar Nru 44/1998 (lög um húsnæðismál). (6) L-HFF huwa amministrat minn bord ta’ diretturi taħt il-kompetenza amministrattiva tal-Ministru tal-Benesseri. L-iskop tal-HFF huwa li jippromwovi s-sigurtà u d-drittijiet ugwali għad-djar. Dan isir permezz tal-għoti ta’ self lil individwi u entitajiet li jipprovdu akkomodazzjoni permezz ta’ kiri, u permezz ta' organizzazzjoni ġenerali ta’ materji relatati mad-djar. Il-finanzjament huwa pprovdut bl-għan speċifiku li jiżdiedu l-prospetti tan-nies li jiksbu jew jikru d-djar b’termini li jistgħu jiġġestixxu (ref. l-Artikolu 1 tal-Att dwar id-Djar).

(7)

L-HFF mhuwiex direttament iffinanzjat mill-Istat, iżda huwa ffinanzjat permezz ta' redditi fuq l-ekwità tiegħu stess (jiġifieri pagamenti, l-imgħax u l-ħlasijiet abbażi tal-indiċjar tal-prezzijiet fuq is-self mogħti), interessi mħallsa fuq il-ħruġ u l-bejgħ ta’ bonds tal-HFF (íbúðarbréf) li huma elenkati fuq il-Borża tal-Islanda, u permezz ta’ ħlasijiet għas-servizz mill-klijent tiegħu. L-HFF igawdi wkoll minn garanzija tal-Istat li ġejja mir-responsabbiltà illimitata tal-Istat għad-dejn tal-HFF bħala l-propjetarju tiegħu. (7) Barra minn hekk, l-HFF jirċievi appoġġ għall-imgħax direttament mill-baġit tal-Istat biex ikopri telf li jirriżulta minn self taħt ir-rati tas-suq lil entitajiet li jibnu u jipprovdu djar bil-kera.

(8)

Għal deskrizzjoni iktar dettaljata tas-sistema tal-HFF taħt l-Att dwar id-Djar, qed issir referenza għad-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 405/08/COL.

2.2.   Il-garanzija tal-Istat

(9)

L-HFF huwa istituzzjoni tal-Istat irregolata mil-liġi pubblika (ref. l-Artikolu 4 tal-Att dwar id-Djar) u bħala tali, fl-ambitu tar-regoli ġenerali mhux miktubin tal-liġi pubblika tal-Islanda applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-istat, huwa jgawdi garanzija mill-Istat fuq l-obbligi kollha tiegħu. Il-garanzija hija applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Istat kollha, indipendentement minn meta kienu stabbiliti jew mit-tip tal-attivitajiet tagħhom. Kif imsemmi hawn fuq, tali garanzija ġejja mir-responsabbiltà illimitata tal-Istat għad-dejn tal-HFF bħala l-propjetarju tiegħu. Dan ifisser li l-Istat huwa responsabbli għall-obbligi kollha tal-HFF, minħabba li l-garanzija la hija marbuta ma' xi tranżazzjoni finanzjarja speċifika tal-HFF, u lanqas limitata għal xi ammont massimu fiss. Dan huwa wkoll rifless fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 5 tal-Att dwar L-Att ta’ Insolvenza Nru 21/1991 (lög um gjaldþrotaskipti o.fl.) li jeskludi l-applikabbiltà ta' falliment jew proċeduri oħra ta' insolvenza għal istituzzjonijiet bħall-HFF.

(10)

Fil-preambolu għall-abbozz li sar Att Nru 121/1997, dwar il-Garanziji mill-Istat (lög um ríkisábyrgðir) ġie elenkat dan li ġej:

“Dan hu bbażat fuq ir-regola inekwivoka tal-liġi Islandiża li l-Istat huwa responsabbli mill-obbligi tal-istituzzjonijiet u l-impriżi tiegħu, sakemm il-garanzija ma tkunx illimitata permezz ta’ dispożizzjoni ġuridika espliċita […] jew ir-responsabbiltà tal-Istat f’kumpanija b’responsabbiltà limitata hija limitata għall-kontribuzzjoni tal-kapital tal-ishma.” (8)

(11)

Il-garanzija mill-istat kienet disponibbli wkoll għall-predeċessuri tal-HFF: l-Aġenzija tal-Istat għad-Djar, il-Fond tal-Istat għall-Bini u l-Fond tad-Djar għall-Ħaddiema operati mill-Aġenzija tal-Istat għad-Djar, kif ukoll il-Bord tal-Istat għad-Djar (ref. l-Att Nru 97/1993 dwar l-Aġenzija tal-Istat għad-Djar (lög um Húsnæðisstofnun ríkisins)).

2.3.   Il-primjum tal-garanzija mill-istat

(12)

Fil-mument tal-istabbiliment tal-HFF u l-preċedessuri tiegħu, il-garanzija illimitata mogħtija mill-Istat favur tagħhom u li tkopri l-obbligi tagħhom kollha ma kinitx magħmula soġġetta għal primjumm tar-riskju jew primjum ta’ garanzija. Skont l-awtoritajiet tal-Islanda, minn mindu nħoloq l-HFF, ir-regoli relevanti tal-liġi domestika ġew interpretati sabiex jeskludu l-HFF milli jħallas kwalunkwe tariffa għal garanzija mill-Istat li huwa jgawdi. (9)

(13)

L-Att Proviżorju Nru 68/1987 dwar Miżuri Fiskali introduċew għall-ewwel darba obbligu ġenerali li jitħallas primjum ta’ garanzija lill-Istat għall-garanziji mill-Istat li ma kinux suġġetti għall-primjum tar-riskju. Sussegwentement, l-Artikolu 8 tal-Att Nru 37/1961 dwar Garanziji mill-Istat (lög um ríkisábyrgðir), kif sussegwentement emendat mill-Att Nru 65/1988 dwar il-Garanziji mill-Istat, (lög um breyting á lögum nr. 37/1961, um ríkisábyrgðir, með síðari breytingum) obbliga lill-banek, fondi ta’ kreditu, istituzzjonijiet finanzjarji, intrapriżi u entitajiet simili oħra li, skont il-liġi, igawdu minn garanzija tal-istat kemm jekk permezz ta’ sjieda mill-Istat kif ukoll għal raġunijiet oħra, li jħallsu primjum ta’ garanzija lill-Istat rigward l-impenji tagħhom lil entitajiet barranin. Il-primjum kien stabbilit għal 0,0625 % għal kull tliet xhur fuq l-impenji esteri prinċipali bażati fuq il-medja tagħhom għal kull perjodu (ref, paragrafu 2 tal-Artikolu 8 tal-Att Nru 37/1961) (10).

(14)

Oriġinarjament, ma kien impost ebda primjum fuq impenji domestiċi. Madankollu, l-Att Nru 121/1997 dwar Garanziji tal-Istat (11) introduċa obbligu li jitħallas primjum li jammonta għal 0,0375 % fir-rigward tal-impenji domestiċi. Din ir-rata aktar tard ġiet miżjuda għal 0,0625 % permezz tal-Att Nru 180/2000 (12).

(15)

L-Att Nru 121/1997 preveda wkoll eżenzjoni mill-ħlas ta’ kull primjum għal garanzija mill-istat rigward bonds tad-djar maħruġa mid-Diviżjoni tal-Bonds tad-Djar tal-Aġenzija tal-Istat għad-Djar. Fir-rigward tal-obbligi l-oħra tal-HFF, l-Att Supplementari tal-Baġit għas-sena 2001 retroattivament ikkanċella d-dejn tal-HFF relatat ma primjums mhux imħallsa li l-HFF akkumula skont l-Att Nru 121/1997. Fl-aħħarnett, eżenzjoni ġenerali tal-HFF mill-ħlas ta' primjum ta' garanzija mill-istat fir-rigward tal-impenji kollha ġiet stipulata fl-Att Nru 70/2000 li daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Mejju 2000.

(16)

Għal deskrizzjoni iktar dettaljata tal-leġiżlazzjoni dwar il-garanziji mill-istat u bidliet sussegwenti għar-rati ta' primjum ġeneralment applikabbli u d-dispożizzjonijiet speċjali dwar l-HFF, qed issir referenza għad-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 406/08/COL.

3.   Raġunijiet għall-bidu tal-proċedura

(17)

Fid-Deċiżjoni Nru 406/08/COL, l-Awtorità spjegat li l-garanzija mill-istat favur l-HFF, li kienet teżisti qabel ma daħal fis-seħħ il-Ftehim taż-ŻEE fl-1 ta' Jannar 1994, propjament ma kinitx qed tiġi ttrattata taħt il-proċedura dwar il-primjum ta’ garanzija li tirrigwarda għajnuna ġdida iżda taħt proċedura separata għal għajnuna eżistenti (Kawża Nru 64865, issa Kawża Nru 70382). Id-Deċiżjoni Nru 406/08/COL trattat il-fatt li l-HFF huwa eżenti minn ħlas ta' primjum ta' garanzija li impriżi oħra organizzati b'mod simili għall-HFF huma obbligati li jħallsu. F’dan il-kuntest, il-fehma preliminari tal-Awtorità hija, li ma kienx rilevanti għall-valutazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-għajnuna bħala ġdida jew eżistenti jekk l-Att dwar il-Garanziji tal-Istat, bħala fatt, jibdilx jew le s-sitwazzjoni tal-HFF fir-rigward tal-ħlas ta' primjum ta’ garanzija. Dak li kien meqjus bħala deċiżiv kien li l-Att il-ġdid Nru 121/1997 dwar il-Garanziji tal-Istat introduċa sistema ġdida fejn, għall-ewwel darba, l-HFF kien qed jiġi trattat b’mod aktar favorevoli milli previst taħt ir-regola ġenerali għal impriżi li jibbenefikaw minn garanzija impliċita tal-istat. Għalhekk l-opinjoni preliminari tal-Awtorità hija li kwalunkwe vantaġġ lill-HFF wara l-eżenzjoni mogħtija lid-Diviżjoni tal-Bonds tad-Djar introdotta bl-Artikolu 7 tal-Att Nru 121/1997, tikkostitwixxi għajnuna ġdida. L-istess japplika għall-eżenzjoni mill-ħlas ta' primjum relatat ma’ operazzjonijiet oħra tal-HFF, ref. Att Nru 70/2000 li jemenda l-Att Nru 121/1997 u l-Att Supplimentari tal-Baġit tal-2001.

(18)

Fil-fehma preliminari tal-Awtorità, l-eżenzjoni tal-HFF mill-ħlas ta' primjum ta' garanzija jammonta għal għajnuna mill-istat fit-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE. L-elementi segwenti tal-għajnuna mill-istat kienu identifikati fid-deċiżjoni li jingħata bidu għal proċedura ta’ investigazzjoni formali:

(i)

eżenzjoni (jew oriġinarjament jew ex post facto) mill-ħlas ta' primjum ta’ garanzija mill-istat li jammonta għal 0,0625 % kull tliet xhur tal-valur ta’ impenji esteri relatati kemm ma’ bonds tad-djar kif ukoll impenji oħra fil-perjodu mill-1 ta' Jannar 1998 sal-lum;

(ii)

eżenzjoni (jew oriġinarjament jew ex post facto) mill-ħlas ta' primjum ta’ garanzija mill-istat li jammonta għal 0,0375 % kull tliet xhur tal-valur ta’ impenji domestiċi relatati kemm ma’ bonds tad-djar kif ukoll impenji oħra fil-perjodu mill-1 ta' Jannar 1998 sal-10 ta’ Jannar 2001;

(iii)

eżenzjoni mill-pagament ta' primjum ta' garanzija mill-istat li jammonta għal 0,0625 % kull tliet xhur tal-valur tal-impenji kollha domestiċi tal-HFF fil-perjodu mill-11 ta' Jannar 2001 sal-lum.

(19)

Barra minn hekk, l-Awtorità iddubitat li l-elementi ta’ għajnuna mill-Istat t’hawn fuq jistgħu jkunu kkunsidrati kompatibbli mal-Ftehim taż-ŻEE. L-Awtorità spjegat li, filwaqt li ċertu self għall-finanzjament tad-djar jista’ jiġi definit bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali skont it-tifsira tal-Artikolu 59(2) tal-Ftehim taż-ŻEE u għalhekk possibbilment eliġibbli għall-għajnuna, il-fehma preliminari tal-Awtorità hija li s-sistema ta’ self ġenerali tal-HFF hija mifruxa wisq biex tkun konformi mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 59(2). L-Awtorità ma ngħatatx informazzjoni li tagħtiha raġuni li temmen li s-suq ma jkunx jista’ jipprovdi għal finanzjament tad-djar f'termini maneġġevoli b'mod ġenerali. Taħt l-iskema ta' self ġenerali tal-HFF, is-self huwa disponibbli lil kulħadd irrispettivament mid-dħul u l-assi u irrispettivament mil-limitazzjonijiet tal-prezz u d-daqs tar-residenza li ser tiġi ffinanzjata. Barra minn hekk, is-self jista' wkoll jingħata kullimkien irrispettivament minn jekk il-finanzjament lokali tad-djar huwiex disponibbli jew le.

4.   Kummenti mill-awtoritajiet Islandiżi

(20)

Il-kummenti tal-Gvern tal-Islanda huma ffokati fuq il-fatt li kwalunkwe element ta’ għajnuna involut jirriżulta direttament mill-garanzija impliċita tal-istat favur l-HFF, li diġà ġiet stabbilita li tikkostitwixxi għajnuna eżistenti. Fid-dawl tal-awtoritajiet tal-Islanda, kwalunkwe ħlas ta’ pagament huwa parti integrali tal-garanzija mill-istat bħala tali. Għalhekk, minħabba n-nuqqas ta' bidliet separabbli u sostantivi għall-garanzija mill-istat u l-pagament tal-miżata, m’hemmx għajnuna ġdida preżenti u l-kwistjoni għandha tiġi ttrattata fi ħdan il-każ eżistenti ta’ għajnuna. Il-Gvern Islandiż esprima ukoll il-fehma li fil-każ li jekk jiġi meqjus li hemm xi każ ġdid ta’ għajnuna, tkun għajnuna kompatibbli, minħabba l-karattru soċjali tal-HFF u l-fatt li l-għajnuna mogħtija lill-HFF issodisfat il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza Altmark (13).

(21)

Rigward il-fatt tal-introduzzjoni ta' obbligu li jitħallas primjum fuq garanziji mill-istat għal impenji esterni ta’ ċerti istituzzjonijiet finanzjarji bl-Att Nru 68/1987, l-awtoritajiet tal-Islanda argumentaw li l-HFF fil-fatt qatt ma ħallas primjums, minħabba li ma kellux impenji esterni.

(22)

Barra minn hekk, fid-dawl tar-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-Islanda li jħallsu primjum fuq impenji domestiċi oħra għajr bonds tad-djar, ibbażat fuq l-Att 121/1997, kien “ibbażat fuq bażi legali dubjuża”, peress li qatt ma kien maħsub li l-predeċessuri tal-HFF iħallsu primjum ta’ garanzija. L-awtoritajiet tal-Islanda innutaw ukoll il-fatt li d-dejn tal-HFF relatat ma' xi primjum ta’ garanzija mhux imħallas kien ikkanċellat retroattivament fl-Att Supplimentari tal-Baġit tal-2001, bħala indikazzjoni tal-intenzjoni tal-leġiżlatur li l-HFF għandu jiġi eżentat milli jħallas primjum ta' garanzija fi kwalunkwe ħin.

(23)

U fl-aħħar nett, l-eżenzjoni mill-primjum ta’ garanzija tal-Istat għall-HFF kienet minħabba l-fatt li l-HFF ġabar marġini ta’ interess ta’ 0,0375 % ta’ strumenti ta’ self li jiggarantixxu impenji relatati ma’ bonds tad-djar (14). L-awtoritajiet tal-Islanda jsejħulha “miżata speċjali għall-garanzija tal-istat”. Hija miġbura f'fond ta' riserva speċjali.

II.   VALUTAZZJONI

(24)

L-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE jipprovdi dan li ġej:

“Għajr kif ipprovdut mod ieħor f’dan il-Ftehim, kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stati Membri tal-KE, minn Stati EFTA jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti, sakemm taffettwa l-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti, għandha tkun inkompatibbli mat-tħaddim ta’ dan il-Ftehim.”

(25)

Dan jimplika li għal miżuri biex jiġu kklassifikati bħala għajnuna tal-istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim ŻEE, iridu jinvolvu għotja mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-istat, jagħtu vanntaġġ lill-impriża destinatarja, jkunu selettivi, jfixklu l-kompetizzjoni u jkunu jaffettwaw il-kummerċ bejn il-Partijiet Kontraenti.

(26)

Il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-Awtorità fuq garanziji mill-istat (15) jistipulaw li garanziji mogħtija direttament mill-Istat, jiġifieri minn awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-istat. Barra minn hekk, termini ta' finanzjament aktar favorevoli akkwistati minn intrapriżi li l-forma legali tagħhom teskludi proċeduri ta' falliment jew proċeduri oħra ta' insolvenza jew li jibbenefikaw minn garanzija jew kopertura mill-Istat espliċita ta' kwalunkwe telf mill-Istat jipprovdu għal benefiċċju minn esponiment indeterminat tal-Istat li huwa msemmi bħala garanzija illimitata mill-Istat (16). Barra minn hekk,

“il-benefiċċju ta’ garanzija mill-Istat huwa li r-riskju assoċjat mal-garanzija jittieħed mill-Istat. It-teħid ta' dan ir-riskju mill-Istat għandu normalment jiġi remunerat bi primjum xieraq. Fejn l-Istat iċedi l-primjum kollu jew parti minnu, ikun hemm kemm benefiċċju għall-impriża u kif ukoll tnaqqis tar-riżorsi tal-Istat.” (17)

(27)

Fid-Deċiżjoni Nru 247/11/COL, l-Awtorità kkonkludiet li l-garanzija impliċita u illimitata mill-Istat favur l-HFF tikkostitwixxi għajnuna mill-istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE għaliex tirrappreżenta tnaqqis ta’ riżorsi tal-Istat tal-Islanda u tagħti lill-HFF vantaġġ ekonomiku. L-Awtorità rreferiet għall-fatt li, skont il-Linji Gwida tal-Awtorità fuq garanziji mill-istat, intrapriżi li l-forma legali tagħhom teskludi proċeduri ta' falliment jew proċeduri oħra ta' insolvenza jew li jibbenefikaw minn garanzija espliċita jew kopertura mill-Istat ta' kwalunkwe telf, jistgħu jitqiesu bħala benefiċjarji tal-għajnuna. Barra minn hekk, mhuwiex meħtieġ li l-Istat jagħmel xi pagamenti taħt il-garanzija inkwistjoni. L-għajnuna tingħata kontinwament mill-mument meta tingħata l-garanzija u mhux biss fil-mument meta tiġi invokata l-garanzija jew fil-mument meta jsiru l-ħlasijiet skont it-termini tal-garanzija (18).

(28)

Minħabba r-rabta diretta bejn il-preżenza ta' elementi ta' għajnuna mill-Istat f’miżura li tikkostitwixxi garanzija mill-Istat u l-ħtieġa li jiġi stabbilit (u jitħallas) primjum (tas-suq) għal tali intervent tal-istat, il-kwistjoni kruċjali hija jekk l-eżenzjoni mill-ħlas ta’ miżata ta’ garanzija tistax tkun identifikata bħala element separat ta’ għajnuna mill-Istat kif imqabbel mal-vantaġġ li jirriżulta mill-garanzija bħala tali. Primjum xieraq jista’ jinnewtralizza mill-inqas parti mill-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju tal-għajnuna. Kieku kien possibbli li jiġi stabbilit primjum tas-suq għall-garanzija, li jikkorrispondi mar-riskju tal-Istat assoċjati mal-garanzija u kieku dan il-primjum kien ġie mħallas mill-HFF, il-kriterji tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE dwar il-preżenza tar-riżorsi tal-Istat u ta' vantaġġ ekonomiku għall-HFF ma kienx jintlaħaq. Għalhekk, il-primjum jikkostitwixxi element integrali tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna mill-istat mogħtija fil-forma ta’ garanzija. Tali konklużjoni issegwi wkoll il-Linji Gwida dwar il-garanziji mill-istat, kif imsemmi hawn fuq.

(29)

L-awtoritajiet Islandiżi esprimew fehma simili fil-kummenti tagħhom għad-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali (Deċiżjoni Nru 406/08/COL). Barra minn hekk, l-awtoritajiet Islandiżi enfasizzaw li l-Att dwar il-Garanziji mill-Istat kien maħsub li jkun leġiżlazzjoni ġenerali dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-garanziji mill-istat. L-Att innifsu ma ta ebda garanziji fih innifsu, iżda sempliċiment stabbilixxa l-kundizzjonijiet fir-rigward tal-garanziji (19).

(30)

Meta wieħed iqis dan t'hawn fuq, l-Awtorità tikkunsidra li, minħabba n-natura speċjali tal-elementi ta’ għajnuna li hemm fil-miżura ta’ għajnuna mill-istat f’forma ta’ garanzija mill-istat, l-eżenzjoni tal-HFF mill-ħlas ta' primjum ta' garanzija mill-istat ma tikkostitwixxix miżura separata ta’ għajnuna mill-Istat mill-garanzija impliċita u illimitata provduta mill-Istat tal-Islanda, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 61(1) tal-Ftehim taż-ŻEE. In-nuqqas tal-ħlas ta’ primjum tikkostitwixxi parti minn vantaġġ u riżorsi tal-istat involuti fil-garanzija tal-Istat mogħtija lill-HFF. Minħabba li l-vantaġġi li joħorġu minn din il-garanzija mill-Istat huma trattati mill-Awtorità fil-proċedura tal-għajnuna mill-istat fuq għajnuna eżistenti (ref. il-Kawża Nru 70382 (eks 64865), id-Deċiżjoni Nru 247/11/COL), il-proċedura ta’ investigazzjoni formali rigward l-eżenzjoni tal-HFF mill-ħlas ta' primjum ta' garanzija mill-Istat huwa mingħajr objettiv u tista’ tingħalaq.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-eżenzjoni tal-HFF mill-ħlas ta' primjum ta' garanzija mill-Istat huwa magħluq.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Repubblika tal-Islanda.

Artikolu 3

Il-verżjoni bl-Ingliż biss ta’ din id-Deċiżjoni hija awtentika.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2011.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA

Oda Helen SLETNES

Il-President

Sverrir Haukur GUNNLAUGSSON

Membru tal-Kulleġġ


(1)  Disponibbli fis-sit: http://www.eftasurv.int/media/decisions/195-04-COL.pdf

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 406/08/COL tas-27 ta’ Ġunju 2008 sabiex tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward tal-eżenzjoni tal-Fond Islandiż ta' Finanzjament għad-Djar mill-pagament ta' primjum ta' garanzija mill-Istat, ippubblikat fil-ĠU C 64, 19.3.2009, p. 21 u fis-Suppliment taż-ŻEE Nru 15, 19.3.2009, p. 9.

(3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 hawn fuq għar-referenzi tal-pubblikazzjoni.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA Nru 405/08/COL tas-27 ta’ Ġunju 2008 biex tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali rigward il-Fond Islandiż għall-Finanzjament tad-Djar, ĠU L 79, 25.3.2010, p. 40 u s-Supplement taż-ŻEE Nru 14, 25.3.2010. p. 20.

(5)  Test mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni Nru 247/11/COL huwa disponibbli fuq il-websajt tal-Awtorità: http://www.eftasurv.int/media/decisions/247-11-COL.pdf

(6)  Il-predeċessur oriġinali tal-HFF, l-Aġenzija tal-Housing tal-Istat, twaqqfet fl-1980.

(7)  Kawża E-9/04 The Bankers’ and Securities’ Dealers Association of Iceland vs L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA [2006] Rapport tal-Qorti tal-EFTA, p. 42, paragrafu 72.

(8)  It-traduzzjoni mhux uffiċjali tal-Awtorità. It-test oriġinali Islandiż jinsab fuq: http://www.althingi.is/altext/122/s/0099.html

(9)  Ara p. 4 tas-sottomissjoni datata 8.9.2008 (Avveniment Nru 490696).

(10)  Self li għal liema premium tar-riskju kien imħallas, ċerti garanziji tal-esportazzjoni u impenji minħabba bilanċ ta’ kreditu f’kontijiet f'munita domestika, ma jikkostitwixxux bażi għall-kalkolu tal-premium ta’ garanzija (ref. il-paragrafu 2 tal-Artikolu 9 tal-Att Nru 37/1961).

(11)  Dħul fis-seħħ fl-1.1.1998.

(12)  Dħul fis-seħħ fil-11.1.2001.

(13)  Kawża C-280/00 Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg [2003] ECR 1-7747.

(14)  Oriġinarjament, ma kienx maħsub li jiġu eżentati l-obbligi kollha tal-HFF mill-Istat mill-primjum ta’ garanzija.

(15)  Disponibbli fis-sit http://www.eftasurv.int/?1=1&showLinkID=15646&1=1

(16)  Ara l-Kapitolu 1.2(4) tal-Linji Gwida dwar il-Garanziji mill-istat u l-Kapitolu 7.2(2) tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-għajnuna mill-Istat għall-impriżi pubbliċi fis-settur tal-manifattura, disponibbli fis-sit http://www.eftasurv.int/?1=1&showLinkID=16995&1=1.

(17)  Kapitolu 2.1 tal-Linji Gwida dwar il-garanziji mill-istat.

(18)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 17.

(19)  Ittra datata t-8.9.2008, p. 5.


Top